Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija Sedqa — Programm ta' riabilitazzjoni mid-droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi jkunu s-soltu r-rakkomandazzjonijiet ta' aġenziji bħall-aġenzija Sedqa meta persuna li tkun qed tagħmel xi programm ta' riabilitazzjoni mid-droga titressaq il-qorti għax tkun kisret il-programm u tkun fil-periklu li titlef ix-xogħol: a) mas-settur privat; jew b) mas-settur pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal każ fejn persuna terġa titressaq il-Qorti għax tkun kisret xi kundizzjoni tal-programm ta’ riabilitazzjoni minn abbuż ta’ droga li tkun qed issegwi fuq ordni tal-Qorti stess. Infurmat li f’każ bħal dan, jekk il-programm ikun qed isir ma’ l-Aġenzija Sedqa, l-uffiċjali ta’ l-Aġenzija ma jiġux mitluba mill-Qorti jagħmlu rakkomandazzjonijiet iżda biex jirrappurtaw biss il-fatti dwar il-progress jew le li tkun għamlet il-persuna fil-programm. Ninsab infurmat ukoll li hi l-Qorti li tikkunsidra fatturi oħra relatati mal-każ meta tiġi biex tiddeċiedi.

Servizzi Soċjali — Tax payers

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jagħtini breakdown ta' kif gew iffrankati l-miljuni lit-taxpayer mis-servizzi soċjali li kienu jitħallsu b'mod falz skond kif iddikjara l-Viċi Prim Ministru u cioe kemm kienet iċ-ċifra eżatta? Fuq kemm perjodu ta' snin gew frankati dawn il-miljuni? Mil-liema kategoriji ta' benefiċċji soċjali? Kemm kien in-numru ta' familji u persuni involuti f'kull każ separatament ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-figura ta’ ‘l fuq minn Lm20 miljun li jien semmejt li ġew iffrankati matul dawn l-aħħar ħames snin bil-miżuri li ttieħdu biex irażżnu l-abbużi fit-teħid tal-benefiċċji soċjali hi stima fuq l-ammonti tad-diversi benefiċċji li kienu qed jitħallsu u nżammu għax instab li kienu qed jitħallsu b’abbuż. Mhux possibbli li nagħti ċifra eżatta tan-numru ta’ familji u persuni involuti f’kull każ separatament, ħlief għal dak li diġa’għidt pubblikament u ċioe’ li d-dikjarazzjioni tad-dħul nstabet li ma kenetx korretta fi kważi wieħed minn kull erba li kienu applikaw għal benefiċċju li ġew investigati. Iċ-ċifra imsemmija tinkludi ammonti li ġew rifużi s’sissa minn min instab li tħallas benefiċċju mingħajr ma kien intitolat għalih jew li tħallas benefiċċju aktar milli suppost.

Mellieħa — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jinfurmani għaliex ma nbnietx skond il-pjan tal-gvern id-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa? Meta fil-fatt se jinbdew ix-xogħlijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jgħid li d-Dar għall-Anzjani fil-Mellieħa ma nbnietx skond il-pjan tal-Gvern għax ix-xogħol għadu ma nbediex, ninfurmah li l-Gvern qed jimxi bil-għaqal biex jassigura li jiġi adottat l-aħjar mezz ta’ finanzjament mal-MEPA dwar studji li jeħtieġ isiru dwar il-proġett u l-ambjent ta’ madwaru.

Persuni bi bżonnijiet speċjali — Talbiet għal aċċess aħjar ta' l-informatika

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi talbiet pendenti għall-aċċess aħjar ta' l-informatika mill-għaqdiet ta' dawk bi bżonnijiet speċjali u b'xi forma ta' diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ għandha lment minn żewġ persuni neqsin mid-dawl dwar problema għall-aċċess tal-banek elettroniċi. Dan l-ilment qed jiġi diskuss mal-banek konċernati.

Djar — Tiswija f'appartament tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ssir it-tiswija neċessarja fl-appartament ġdid li ħadu koppja anzjana li d-dettalji tagħhom qed jidhru separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Koperattiva Indafa Pubblika — Proċess ta' likwidazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bediex jew fiex wasal il-proċess ta' likwidazzjoni tal-koperattiva indafa pubblika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Koperattivi għadu ma bediex il-proċess tal-likwidazzjoni tal-Koperattiva Indafa Pubblika Ltd. peress li għad hemm xi proċeduri kriminali pendenti kontra l-koperattiva.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Sussidji għall-kera

Question

Jista' il-Ministru jara l-possibilita' li l-familja li d-dettalji dwarha qed jintabgħtu separatament tingħata xi forma ta' sussidju għal-kera sakemm l-Awtoritajiet kkonċernati jsibu akkomodazzjoni alternattiva peress li mid-dħul li għandha, il-kera tammonta għall-persentaġġ konsiderevoli? Dettalji oħra konnessi ma l-ispejjeż li jkollha tiffaċja din il-familja huma wkoll annessi separatament ma din il-mistoqsija.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata tikkonsulta mal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ tad-Djar.

Impjiegi — Fastidju fuq il-post tax-xogħol

Question

Peress li l-artiklu dwar fastidju fuq il-post tax-xogħol (ad esklużjoni ta' fastidju sesswali) fl-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjiegi (jiġifieri artiklu 29(1) jillimita l-projbizzjoni ta' fastidju għal dik bażata fuq diskriminazzjoni sesswali, u peress li legal notice 297 ma tkoprix każijiet ta' fastidju iżda hija limitata għal każijiet ta' diskriminazzjoni, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-gvern qed jippjana li jimplimenta l-projbizzjoni ta' fastidju fuq il-post tax-xogħol, fil-forom kollha li dan il-fastidju jista' jieħu, a bażi tar-reliġjon, eta' jew orjentazzjoni sesswali tal-vittma, kif kontenuta fid-direttiva 2000///78/EC ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond id-Direttiva ndikata mill-Onor. Interpellant “fastidju” hu kkunsidrat forma ta’ diskriminazzjoni. Għalhekk, il-provedimenti ta’ l-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali kif ukoll l-Avviż Legali 297 ta’ l-2003, li jagħmel referenza speċifika għad-Direttiva msemmija, huma kkunsidrati li jkopru l-provedimenti tad-Direttiva għal dak li jirrigwarda “fastidju” fuq il-post tax-xogħol.

Impjiegi — Trattament diskriminatorju kontra l-ħaddiema

Question

Peress li d-direttiva 2000/78/EC ta' l-Unjoni Ewropea teħtieġ li organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u organizzazzjonijiet professjonali ma jiddiskriminawx kontra individwi a bażi tar-reliġjon, eta' u orjentazzjoni sesswali, kemm fis-sħubija tagħhom kif ukoll fil-benefiċċji li joffru u peress li l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjiegi jillimita l-projbizzjoni ta' "trattament diskriminatorju" għal atti diskriminatorji magħmula minn min iħaddem, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-gvern qed jippjana li jimplimenta dan l-aspett tad-direttiva, kif għamel fil-każ ta' diskiminazzjoni minħabba diżabilita' permezz ta' artiklu 9 ta' l-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li Regolamenti biex jimplimentaw l-aspett indikat tad-Direttiva ġew abbozzati u mistennija jiġu ppubblikati wara l-konsultazzjoni meħtieġa mal-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impiegi.

Impjiegi — Diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol

Question

Peress li d-direttiva 2000/78/EC teħtieġ li fi proċeduri ċivili dwar il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol l -oneru tal-prova jinqasam bejn il-partijiet, u peress li l-proċeduri f'każijiet ta' diskriminazzjoni taħt l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjiegi huma ta' natura ċivili u minħabba anke li l-artiklu 19(2) fl-Att dwar l-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa huwa llimitat għal diskriminazzjoni sesswali, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-gvern qed jippjana li jimplimenta dan il-prinċipju tad-direttiva fir-rigward ta' diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol minħabba r-reliġjon, l-eta' jew l-orjentazzjoni sesswali tal-vittma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ma tgħidx li fi proċeduri ċivili dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-oneru tal-prova għandu jinqasam bejn il-partijiet, iżda tgħid li jekk persuna li tikkunsidra li nkiser dan il-prinċipju fil-konfront tagħha tistabbilixxi fatti li jippreżumu dan il-ksur, jkun l-akkużat li jrid jipprova li dan il-ksur ma seħħx. Regolamenti li jkopru din id-Direttiva ġew abbozzati u mistennija jiġu ppubblikati wara l-konsultazzjoni meħtieġa mal-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impiegi.

Impjiegi — Fastidju fuq il-post tax-xogħol

Question

Peress li d-direttiva 2000/78/EC teħtieġ li l-istati membri jippermettu organizzazzjonijiet b'interess leġittimu li jkunu jistgħu jassistu vittmi ta' diskriminazzjoni, fastidju jew vittimazzjoni fuq il-post tax-xogħol fi proċeduri legali u peress li la l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjiegi u lanqas legal notice 297 ma jimplimentaw dan l-aspett tad-direttiva, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-gvern qed jippjana li jimplimenta dan l-aspett tad-direttiva?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Sub-artikolu 78(2) ta’ l-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali fil-fatt jipprovdi li quddiem it-Tribunal Industijali l-każ għal kull parti fit-tilwima jista’ jiġi ppreżentat mill-parti nnifisha li tista’ tagħżel li tiġi rappreżentata jew mgħejjuna minn persuna jew persuni tal-fiduċja tagħha.

Fonadazzjoni Eden

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk tnaqqsux il-fondi li kienu jingħataw lil Fondazjoni Eden mill-Ministeru għal Politika Soċjali? Fil-każ b'kemm? Kemm se jingħataw b'kollox issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-2002 il-Fondazzjoni Eden rċeviet Lm29,700 minn fondi amministrati mill-Ministeru tiegħi. Dawn kienu magħmula minn Lm20,000 rakkomandati mill-NGO Project Selection Committee u Lm9,700 għal servizzi skond ftehim dwar il-Community and Inclusion Programme. Matul l-2003, il-Ministeru tiegħi irriserva Lm29,500 lill-Fondazzjoni Eden, mqassma hekk: Lm10,000 fuq rakkomandazzjoni tal-NGO Project Selection Committee u Lm19,500 a bażi tal-ftehim dwar Community and Inclusion Programme. Ninsab infurmat li dawn il-flus kollha għaddew lill-Fondazzjoni Eden ħlief Lm9,800 għax għadha ma ġietx mibgħuta l-invoice; hekk kif tasal l-invoice, dawn il-flus jinħarġu. L-ammont ta’ fondi li ser jingħataw lil NGOs li applikaw għas-sena 2004 għadhom qed jiġu diskussi. Ninforma l-Onor Interpellant li minbarra dawn il-fondi, matul l-2003, l-Awtorita’ tad-Djar, li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħi, għaddiet lill-Fondazzjoni Eden dar ġewwa Ħal Luqa bi prezz sussidjat ħafna. L-istess Awtorita’ iffinanzjat ix-xogħol li kellu bżonn isir f’din id-dar.

Anzjani residenti f'St Vincent De Paule — Bonus imnaqqas

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-anzjani residenti f' St Vincent De Paule Residence u fi Djar oħra ta' l-Istat hux qed jittieħdulhom 60% tal-bonus ecc fil-każ ta' dawk li diġa qed jittiħdilhom il-massimu mill-pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, anzjani li f’dik id-data kienu qiegħdin fir-Residenza San Vinċenz de Paule jew fil-ward fejn jingħata livell għoli ta’ kura fid-dar ta’ l-Imtarfa jitnaqsilhom 80% tal-pensjoni u tal-bonus u 60% ta’ dħul ieħor, wara li titnaqqas it-taxxa jekk ikun il-każ, sa massimu ta’ Lm13.50 kuljum, iżda bil-provediment li dejjem jibqghalhom f’idejhom Lm600 fis-sena. Fil-każ ta’ residenti fi djar oħra tal-Gvern għall-anzjani t-tnaqqis mill-pensjoni, bonus u dħul ieħor isir bir-rata ta’ 60%, dejjem wara li titnaqqas it-taxxa jekk ikun il-każ u bil-provediment li jibqgħalhom f’idejhom Lm600 fis-sena.

Persuni b'25 sena servizz fl-armata — Pensjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif tinħadem il-pensjoni ta' persuna li wara li tirtira b'25 sena servizz fl-armata, terġa' tibda taħdem sa l-eta' ta' 61 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pensjoni mħallsa skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, nitolbu jinnota li fl-istess Att hemm diversi provedimenti li jistgħu japplikaw dwar kif tinħadem pensjoni ta’ persuna li tirtira mill-Armata wara 25 sena servizz u terġa tibda taħdem sa l-eta’ ta’ 61 sena. Liema minn dawn il-provedimenti huma applikabbli jiddependi minn diversi fatturi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk għandu xi każ speċifiku jitlob lill-persuna konċernata tavviċina lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali biex, wara li jkunu magħrufa ċ-ċirkostanzi preċiżi tal-każ, il-persuna tkun tista’ tingħata l-informazzjoni mitluba.

Djar privati ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm djar privati ta' l-anzjani oħra minbarra t-tnejn li diġa' hemm li wieġbu għas-sejħa riċenti tad-dipartiment ta' l-anzjani u servizzi fil-komunita' biex jiġu kkonsidrati għall-għażla taħt l-iskema tal-public private partnership imnedija mid-dipartiment ta' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li kien hemm djar oħra privati ta’ l-anzjani li wrew interess li jipparteċipaw fl-iskema ta’ public private partnership minbarra t-tnejn li diġa’ qed jipparteċipaw fl-iskema.

SVPR — Customer care unit

Question

Jisa' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex informat li l-customer care unit fir-residenza San Vinċenz de Paule tinsab magħluqa? X'inhi r-raġuni ta' din id-deċiżjoni? Jista' jieħu l-passi meħtieġa biex dan l-uffiċċju, hekk importanti għall-anzjani ta' din ir-residenza u għall-qrabathom, jerġa' jinfetaħ immedjatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Customer Care Unit fl-SVPR immexxi minn żewġ uffiċjali. Sar redeployment tal-care workers fl-SVPR fejn dawn ġew assenjati xogħol fil-Clinical Areas. Waħda minn dawn l-impjegati fil-Customer Care Unit li hi care worker ġiet hekk re-deployed pero’ din ħarġet fuq long sick-leave. Fl-istess waqt l-impjegata l-oħra (li hi ward clerk) korriet waqt il-qadi ta’ dmirijietha u temporanjament qiegħda bl-injury leave. Ittieħdu il-passi neċessarji biex ix-xogħol ta’ Customer Care Unit fl-SVPR jitkompla.

Assistenti soċjali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' part-time social assistants li kienu qed jagħtu x-xogħol tagħhom fil-komunita' fl-aħħar ta' Jannar u fl-aħħar ta' Frar ta' din is-sena rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ Part Time Social Assistants li kienu qed jagħtu servizz fil-komunita’ kien 311 u 332 rispettivament.

Djar privati ta' l-anzjani — Anzjani akkomodati taħt il-public private partnership

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani akkomodati taħt il-public private partnership scheme fid-djar privati ta' l-anzjani fl-aħħar ta' Jannar u fl-aħħar ta' Frar ta' din is-sena rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li f’Jannar u Frar 2004, kien hemm 83 u 87 anzjani rispettivament akkomodati fi djar privati għall-anzjani taħt l-iskema tal-public private partnership.

Sigurta' Soċjali — Persuna li tirċievi l-pensjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jivverifika jekk l-ammont ta' pensjoni li qiegħda tirċievi l-persuna li numru ta' l-identita' tagħha qed jintbagħat separatament, huwiex korrett peress li jidher li l-ammont hu żgħir ħafna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Sigurta' Soċjali — Persuna li ġiet rifjutata li tingħata mediċina b'xejn

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mediċina tad-diabete ġiet rifjutata lil persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, meta dan m'għandux mezzi finanzjarji la fil-banek u lanqas proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.