Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jieħu l-Lm1,400 refund tal-capital gains tax dovuti lilu u li suppost kellu jeħodhom fil-15 ta' Diċembru 2003? Jista' jitħallas dawn il-flus malajr peress li jrid jgħajjex familja u huwa bla xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onororevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament. Jekk irid jista’ jmur sat-Taxpayer Service u jkun jista jinqeda minn hemmhekk.
Jista’ l-Ministru jinfurmani x'ġara mit-talba tal-Kunsill tal-Mellieħa sabiex jiġi żviluppat industrial estate fil-Mellieħa? X'qed iżomm milli tiġi approvata din it-talba? Peress li dan huwa bżonn kbir għan-nies tax-xogħol partikolarment għaż-żgħażagħ, jista’ l-Ministru jara li jiġu approvati l-proċeduri immedjatament u dan fid-dawl tal-fatt li hawn nuqqas ta' mpjiegi fil-pajjiż ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li rigward il-proposta biex f’pajjiżna jkollna aktar żoni fejn ikunu jistgħu jaħdmu negozji zgħar u self-employed, qed jaħdem is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Il-proċeduri qegħdin jiġu diskussi u nittama li f’qasir żmien il-Gvern ikun qed iħabbar kif ser taħdem din l-iskema.
Wara li fl-10 ta' Frar 2004 il-president tal-Kummissjoni Ewropea Romano Prodi ħabbar il-proposta tal-budget tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013 u pajjiżi oħra diġa' qed jistmaw kemm se jagħtu lill-Unjoni Ewropea u kemm se jieħdu lura f'fondi, jista' il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se tagħti u tieħu Malta fis-snin 2007-2013 skond il-proposta ta' Prodi?
Response (DALLI, JOHN)
Fid-diskors tiegħu ta’ l-10 ta' Frar li għadda, fil-Parlament Ewropew fi Strasbourg, il-President tal-Kummissjoni Ewropeja, Romano Prodi, ta l-orjentazzjoni jew perspettiva politika u finanzjarja għall-futur ta' Unjoni għall-perjodu 2007-2013.
Mill-aspett finanzjarju, għall-istess perjodu, ingħata qafas ta' approprijazzjonijiet annwali li fuqhom il-Kummissjoni se tikkommetti ruħha. Ma' dan, iżda, ngħatat ukoll indikazzjoni ta’ l-approprijazzjonijiet ta' ħlasijiet annwali kif ukoll il-persentaġġ li dawn jilħqu kull sena tad-Dħul Gross Nazzjonali globali ta’ l-iStati Membri matul l-imsemmi perjodu. Dan il-persentaġġ ġie relatat mal-persentaġġ massimu tad-Dħul Gross Nazzjonali globali ta’ l-iStati Membri. Dan il-persentaġġ, li se jkun ikkapjat għal 1.24% għal kull sena, m'għandux jinqabeż mill-kontribuzzjonijiet ta’ l-iStati Membri.
L-ammont li Malta se tirċievi kull sena matul dan il-perjodu għad irid jiġi determinat u jiddependi minn diversi fatturi.
L-ammont li Malta se tikkontribwixxi kull sena matul dan il-perjodu mhux daqs tant negozjabbli għax hu bbażat fuq parametri stabbiliti. Dawn il-parametri, iżda, għajr għad-dħul fuq importazzjoni minn pajjiżi terzi, huma marbuta ħafna mad-Dħul Gross Nazzjonali tagħna, jiġifieri mat-tkabbir ta’ l-ekonomija ta' pajjiżna. Dan għad irid jiġi mbassar għall-imsemmi perjodu sena b'sena.
Jista’ l-Ministru jgħid, issa li fl-1 ta' Mejju Malta ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropea u allura se jispiċċaw il-ħwienet duty free fil-portijiet/ajruportijiet għal dawk iċ-ċittadini Ewropej li jivvjaġġaw minn pajjiż membru għal ieħor, il-kwantita’ ta' prodotti li jinxtraw minn ċittadini Maltin minn pajjiż membru ieħor hux se jkun bla limitu sakemm dan ikun għall-użu personali tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant mill-1 ta' Mejju li ġej skond il-leġislazzjoni ta' l-Unjoni Ewropeja biex prodotti li huma suġġetti għad-dazju tas-Sisa mixtrija minn-ċittadini Ewropej u allura Maltin ukoll li jinġiebu Malta jkunu kunsidrati għall-użu personali sakemm ma jaqbsux dawn il-limiti li ġejjin:
a) Prodotti tat-tabakk
Ammont
Sigaretti
800
Sigarillos (sigarri li ma jiżnux aktar minn 3g il-wieħed)
400
Sigarri
200
Tabakk ieħor
1 kg
b) Xorb alkoħ
oliku
Spirti
10 litri
Prodotti Intermediati
20 litri
Imbejjed (inkluż massimu ta’ 60 litru ta’ mbid effervexxenti)
90 litri
Birra
110 litri
Jekk il-kwantitajiet jaqbżu dawn il-limiti jkunu kkunsidrati ta' natura kummerċjali w suġġetti għad-dazju tas-sisa.
Jista’ l-Ministru jgħid, issa li Malta ser ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropeja fl-1 ta' Mejju, jekk il-Maltin hux se jkunu jistgħu jilagħbu lotteriji ta' pajjiżi membri oħra? Jekk fl-affermattiv, dawn jistgħu jinbiegħu b'mod apert? Jekk le, għaliex?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bis-saħħa ta’ l-Att, logħba li ma tkunx logħba awtoriżżata, jew li ma tkunx awtoriżżata biex issir taħt xi liġi f’Malta tkun projbita li tintlagħab minn xi persuna f’Malta. Dan jgħodd ukoll għal kull logħba offruta direttament jew indirettament minn barra ‘l pajjiż jew minn ġo Malta lil persuni f’Malta permezz ta’ xi mezz ta’ komunikazzjoni fil-bogħod.
Minbarra hekk, hu pprojbit li tiġi operata, promossa jew mibjugħa minn xi persuna f’Malta kull logħba li ma tkunx logħba awtoriżżata jew li ma tkunx awtoriżżata biex issir taħt xi liġi f’Malta jew li ma tkunx logħba li tkun operata minn detentur ta’ permess mogħti taħt il-provvedimenti tal-Att.
L-Unjoni Ewropea sa issa addottat il-prinċipju ta’ sussidjarjeta f’dak li għandu x’jaqsam ma logħob. Għaldaqstant sakemm din il-pożizzjoni ma tiġix mibdula minn xi direttiva fil-futur jew l-Att ikun kontestat b’eżitu pożittiv, il-provvedimenti tal-Att ma jmorrux kontra il-liġi tal-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li fl-2003 sar logħob klandestin specjalment fuq il-lottu f' Malta u Għawdex?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment ma għandu l-ebda mekkaniżmu biex bih isir jaf kemm isir logħob klandestin fuq lottu u fuq logħob ieħor.
Jista’ l-Ministru jgħid, issa li thabbar ufficjalment li l-lottu gie privatizzat, Jista’ jgħid jekk u kif l-għadqiet sportivi u għaqdiet ohra li kienu jibbenefikaw mil-lottu, dawn ser jibqgħu jibbenefikaw?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Att Nru XXIV ta’ 2001 dwar Lotteriji u Logħob ieħor, Taqsima X paragrafu 7, ser jinżamm “fond tal-Lotterija Nazzjonali għall-kawżi ġusti” li minnu għandhom jitħallsu mill-Ministru, mingħajr ebda approprjazzjoni ulterjuri li ma tkunx dan l-Att, lil dawk il-persuni, organizzazzjonijiet, korpi jew entitajiet oħra li jkollhom skopijiet ta’ xorta reliġjuza, filantropika, kulturali, sportiva, edukattiva, soċjali jew ċivika jew b’appoġġ ta’ kawżi oħra meritevoli, u f’dawk l-ammonti, b’dak il-mod u f’kull waqt, kif jista’ jiġi stabbilit mill-Ministru minn żmien għal żmien wara konsultazzjoni ma’ Bord ta’ Konsulenza maħtur minnu għal dak il-għan.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4679, jista' il-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' konsulenza li qed tagħmel persuna li isimha qed jintbagħat separatament, mal-Malta Enterprise? Jista' iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tagħha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata hija mpjegata mal-Malta Enterprise bħala Konsulenta w responsabbli għall-investiment barrani, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Ġermanja. Hija għandha esperjenza vasta tas-suq u ta' l-industrija Ġermaniża.
Il-Malta Enterprise mhix f'pożizzjoni li tagħti kopja tal-kuntratt peress li dan huwa kunfidenzjali.
Quarterly panorama of European business statistics
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom Malta hija l-uniku pajjiż li ma pprovdiex statistika għall-quarterly panorama of European business statistics li għadha kemm ħarġet il-Eurostat għas-sena 2003?
Response (DALLI, JOHN)
Nippreżumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għat-tabelli:
1.4
Total value added in constant 1995 prices in the candidate countries, gross data (EUR million)
u
1.7 Industrial confidence indicator in the candidate countries, seasonally adjusted data (balance) li dehru fil-Quarterly panorama of European business statistics, 4 ta’ l-2003.
Għalkemm Malta tgħaddi b’mod regolari data dwar in-national accounts fuq bażi ta’ tliet xhur lill-Eurostat, sa żmien il-pubblikazzjoni imsemmija hawn fuq, din id-data kienet għada mhix skond il-metodoloġija ESA95. Dan se jkun jista’ jsir sad-data tas-sħubija. Infakkar li data fuq bażi ta’ sena skond il-metodoloġija ESA95 ġiet ippublikata fis-17 ta’ Diċembru 2003 mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika permezz ta' News Release 195/2003.
Ħarsa lejn it-tabella numru 1.4 tindika li barra Malta, diversi pajjiżi li jinkludu lill-Ungerija u lill-Polonja ukoll ma kellhomx data riċenti ppublikata f’din it-tabella. Anke Diversi pajjżi membri (ara tabella 1.3 fuq l-istess suġġett) ma għandhomx data ppublikata u dawn huma il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Portugal u l-Ingilterra.
Rigward it-tabella 1.7 din id-data tiġi kkumpilata mill-Kummissjoni (ECFIN) li s’issa għad ma għamlitx dan l-eżerċizzju għal Malta u, kif jidher mit-tabella, anqas għat-Turkija.
Mal-Malta Enterprise kemm ġew ingaġġati nies minn barra li ma kienux jagħmlu parti mill-MDC, METCO, IPSE, eċċ? F'liema karigi ġew ingaġġati?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' impjegati li ġew ingaġġjati mal-Malta Enterprise min barra l-MDC, METCO u IPSE huwa ta' 13. Dawn jokkupaw livelli 1 sa 3, jiġifieri CEO wieħed; Chief Officers, tnejn; Heads, għaxra. Sitta minn dawn huma Maltin li kienu jaħdmu barra minn Malta.
It-total ta' mpjegati li kienu mal-MDC, METCO, IPSE u li qegħdin jaħdmu mal-Malta Enterprise huwa ta' 82. 47 impjegat mill-MDC; 19 mill-METCO; u 16 mill-IPSE.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tingħata tweġiba għat-talba urġenti li għamlet għall-fabbrika l-kumpannija ta' l-għamara li isimha qed jintbagħat separatament, li ilha li kitbet liċ-chairman tal-korporazzjoni Maltija għall-iżvilupp mis-27 ta' Novembru 2003 u tħalliet bla risposta?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Kumpannija li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet ġiet allokata fabbrika fil-Qasam Industrijali ta' Ricasoli fis-6 ta' Novembru 2002. Ir-rappreżentanti tal-Kumpannija kienu nteressati f'din il-fabbrika, iżda d-depożitu li kellu jitħallas fiż-żmien stipulat qatt ma tħallas lil MDC.
Jista' il-Ministru jelabora dwar dak li ġejt irrappurtat li għedt fil-konferenza stampa mal-kummissarju Ewropew Bolkstein li Malta ma taqbilx ma ċerti interpretazzjonijiet tar-rapport ta' l-enlargement group dwar ċerti tax credits kif ukoll dwar ċerti provvedimenti tar-refunds kif applikati mix-shareholders tal-international trading and international holding companies?
Response (DALLI, JOHN)
Ir-rapport li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant hu dwar il-Code of Conduct for Business Taxation. L-Enlargement Group ta interpretazzjoni ta' dan il-Code dwar ċerti disposizzjonijiet fil-liġi Maltija li għandhom x'jaqsmu ma' ċerti tax credits u refunds msemmija fil-mistoqsija li, fl-opinjoni tagħna, ma jaqgħux taħt il-Code minħabba l-fatt li dawn jirrelataw biss mat-tassazzjoni tas-shareholders u mhux tal-kumpannija li qed teżerċita n-negozju. Kull kumpannija Maltija hija suġġetta għar-rata normali ta' taxxa ta' 35% fuq id-dħul kollu tagħha.
Bħalissa mal-Malta Enterprise hemm xi konsulenti li qed jagħtu s-servizzi tagħhom? Jekk iva, min huma u kemm qed jitħallsu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mal-Malta Enterprise Corporation hemm konsulenta waħda li hija Ms Susan Mompalao de Piro, b'konsulenza ta' Lm13000 fis-sena gross.
Jista' il-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm ingħatat state aid matul is-snin 2000, 2001, 2002 u 2003? Jista' jgħid ukoll taħt liema forom ingħatat din l-istate aid, għal kemm kienet tammonta u lil min ingħatat?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qegħda tiġi kompilata.
KumpannijI — Kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali
Question
Jista' il-Ministru jaġġornani dwar mistoqsija parlamentari 3603 u cioe' f'Malta u Għawdex separatament, fis-sena 2003 kemm kienet iċ-ċifra globali tal-flus pendenti li għandhom iħallsu kumpanniji privati u tal-gvern għal kontribuzzjoni tas-sigurta' soċjali tal-ħaddiema lid-dipartimenti governattivi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha mhix f’idejn id-Dipartiment.
Jista' d-Dipartiment tat-Taxxi Interni jikkomunika u jispjega lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament fejn waslet it-talba tiegħu li ma jeħilx inġustament il-multa li weħel?
Response (DALLI, JOHN)
Ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Pero’ ġejt informat li l-każ imsemmi qiegħed ikun ikkunsidrat u l-persuna kkonċernata tkun notifikata bid-deċiżjoni aktar ‘il quddiem.
Tikkonferma rapporti li dehru fil-media li l-pjani tal-privatizazzjoni tal-MOBC ġew proposti indefinittivament?
Response (DALLI, JOHN)
Nikkonferma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta' privatizzazzjoni tal-MOBC bħalissa jinstab fi stadju ta' studju dwar l-offerti li l-Privatisation Unit għandha quddiemha.
Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwali ta' nisa u rġiel
Question
Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-bordijiet tad-dekasteru tiegħi hemm dawn il-perċentwali:
Irġiel
90%
Nisa
10%
Chairpersons - Irġiel
93%
Chairpersons - Nisa
7%
Jista' il-Ministru jgħid kemm għamel profitti d-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku fis-sena 2000 / 2001 / 2002 / 2003? Jista' jgħid kemm saru profitti mill-logħbiet differenti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant l-profitti magħmula mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku mill-logħobiet li organizza fis-sena 2000, 2001, 2002 u 2003 hu kif muri hawn taħt:
2000
2001
2002
2003
LM
LM
LM
LM
Lottu
3,202,045
3,782,293
2,916,779
2,823,690
Super Five
3,120,659
3,388,382
3,819,948
4,448,518
Tiritombla
89,437
82,092
77,554
63,659
Lotterija Nazzjonali
8,095
(187,063)
(318,195)
(176,627)
(1)
6,420,236
7,065,704
6,496,086
7,159,240
Presto Instant Lottery (2)
132,897
131,842
132,411
78,011
(1) Dawn il-profitti għaddew fil-fond konsolidat.
(2) Il-profitti tal-Presto Instant Lottery kienu allokati lil diversi għaqdiet sportivi u filantropiċi.
Jista' il-Ministru jgħid kif inhi mqassma l-Malta Enterprise? Min huma l-ħaddiema li jiffurmaw it-top managment ta' kull sezzjoni? Fejn kienu impjegati qabel ġew ingaġġati mill-Malta Enterprise?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Enterprise hi magħmula minn tliet taqsimiet prinċipali:
· Corporate Services
· Business Development
· Enterprise Support
Ma naħsibx li għandna nagħtu l-informazzjoni l-oħra mitluba.
Jekk l-Onorevoli Membru jrid jista' jsir arranġament biex imur fl-uffiċċju tal-Malta Enterprise u jara d-dettalji li talab.