Billi dan l-aħħar ġie rrappurtat li l-Housing Authority qed tbiegħ u tikri residenzi lill-persuni li qed jikkoabitaw, tista' l-Ministru tgħid eżattament xi tfisser? Kemm iridu jkunu ilhom jikkoabitaw biex jikkwalifikaw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-rapportaġġ li jirreferi għalih l-Onor. Interpellant bl-ebda mod ma jirrifletti dak li qalet iċ-Chairperson tal-Awtorita' tad-Djar. L-Awtorita' tad-Djar taċċetta applikazzjoni għal "joint allocations" u ilha tagħmel dan għal numru ta' snin.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-ħlas li jsir lil dawk il-persuni li jieħdu ħsieb xi persuna anzjana fil-familja tingħatax kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Sew il-Pensjoni tal-Wens kif ukoll l-Għajnuna tal-Wens, li jitħallsu taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali lil persuni li jieħdu ħsieb anzjani fil-familja, huma pagabbli kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel.
Tista' l-Ministru tara meta ser jibda jinħareġ il-benefiċċju soċjali lill-persuna li isimaha qed jintbagħat separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha jew iċċempel SPIC fuq freephone 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' tingħata attenzjoni xierqa l-każ tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, biex forsi tingħata akkomodazzjoni? Din bħalissa hija residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, hija omm ta' tifla ta' sena u ser tkun skontat s-sentenza tagħha f'Marzu li ġej.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tibgħat rapprezentanta tagħha t-Taqsima tal-
Customer Care
ta’ l-Awtorita’ tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw djar lil single persons illum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fl-ewwel ħarġa taħt l-iskema tax-Shared Ownership kien hemm 62 applikazzjoni minn applikanti weħedhom, li minnhom 5 ġew allokati post. Fit-tieni ħarġa taħt l-istess skema kien hemm 59 applikazzjoni minn applikanti weħedhom, li minnhom 8 ġew allokati post.
Ninsab infurmata wkoll li matul l-2007 id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 9 postijiet bil-kera lil persuni weħedhom.
Billi dan l-aħħar ġie rrappurtat li persuni li qed jikkoabitaw jistgħu japplikaw għall-skemi ta' housing, tista' l-Ministru tgħid jekk dan japplikax għal koppji omosesswali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskemi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar huma miftuħa għal applikanti irrispettivament mill-istat ċivili, l-parentela jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
Skond l-aħħar budget tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' benefiċċju ser jieħdu l-ex ħaddiema tas-Servizzi Ingliżi? Min se jibbenefika minn din ir-riforma?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pensjonanti, ex-impjegati tas-servizzi Ingliżi, dawn ser jibbenefikaw mill-miżuri mħabbra fil-Budget li jistgħu jibbenefikaw minnhom pensjonanti oħra mingħajr distinzjoni fejn kienu mpjegati.
Fost dawn il-miżuri hemm li issa dawn se jirċievu ż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja, jistgħu jaħdmu mingħajr ma tintmess il-pensjoni tas-Sigurta’ Soċjali irrispettivament minn kemm jaqilgħu, u li €466 (Lm200) mill-pensjoni tas-servizz jiġu njorati fil-kalkolu tal-pensjoni tas-Sigurta’ Soċjali.
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni ta' care and repair ta' anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba l-biża ta' periklu infrastrutturali li reġa' feġġ wara x-xita li għamlet dan l-aħħar? Tista' tgħid meta se tiġi determinata din l-applikazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-post indikat mill-Onor. Interpellant ġie spezzjonat mit-tekniċi ta' l-Awtorita' tad-Djar u issa qed isiru l-pjanti meħtieġa biex tkun tista tiġi preparata u ppublikata s-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet. M'hemmx indikazzjoni ta' periklu strutturali.
B’riferenza għall-każ tat-tifla ta’ 13-il sena li ġiet mibgħuta sservi sentenza ta’ detenzjoni fil-ħabs ta’ Kordin, tista’ l-Ministru tgħid x’ħidma saret mill-ministeru tagħha f’dan il-każ u x’ħidma ssir normalment f’każijiet simili?
Mill-esperjenza ta’ dan il-każ, tista' tgħid jekk il-ministeru tagħha – possibilment flimkien mal-Kummissarju għat-Tfal, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u xi entitajiet oħra – hux qiegħed jagħmel xi ħidma għat-twaqqif ta’ xi ċentru apposta għal dan it-tip ta’ każijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-każ li rrefera ghalih l-Onor. Interpellant, fil-fatt kien ilu jiġi segwit mis-social workers ta' l-Aġenzija Appoġġ minn Gunju 2004. Ninsab infurmata wkoll li minn żmien għal żmien diversi entitajiet u aġenziji oħra intervenew fil-każ. Għal raġunijiet ta' kunfidenzjalita' ma nistax nidħol f'aktar dettal dwar dawn l-interventi u minn min saru.
Il-ħolqien ta' ċentru apposta mhux bilfors li jsolvi l-problemi ta' zgħazagħ b'imġieba diffiċli. Fil-fatt diġa' jeżisti programm residenzjali għal tfajliet li għandhom din l-imġieba. Iżda, biex programm bħal dan jirnexxi, mhux biżżejjed li jkun hemm l-istruttura fil-post, daqstant importanti hu li jrid ikun hemm ir-rieda u l-kooperazzjoni sħieħa kemm taż-żgħażagħ konċernati kif ukoll tal-ġenituri tagħhom li jsegwu l-pariri u t-terapija offruti mill-professjonisti.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġi rranġat s-saqaf ta' appartament li qiegħed fi stat strutturali perikoluż, li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur it-Taqsima tal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-garaxxijiet li hemm fi Triq E.S. Inglott, Bormla taħt il-binja ġdida tal-HA li issa ilhom vojta ħafna, humiex se joħorġu għall-kiri jew għal bejgħ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li wieħed miż-żewġ stores li jinsabu biswit il-binja ndikata mill-Onor. Interpellant ġie allokat b'kera waqt li l-ieħor mistenni jinħareġ għall-bejgħ bl-offerti fil-futur qarib.
Tista' l-Ministru tgħid kif tiġi kkalkulta l-pensjoni għal dawk il-persuni li qatt (jew rari) ma' jaħdmu sena sħiħa, bħal fil-każ ta' dawk fl-industrija tal-films?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-rata tal-pensjoni mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali tiddependi, b'mod ġenerali, fuq żewġ fatturi bażiċi, li huma n-numru ta' kontribuzzjonijiet imħallsa u d-dħul pensjonabbli ta' l-applikant. Il-kalkolazzjoni proprja hi teknikament tant komplikata u tinvolvi varjabbli oħra li wieħed ma jistax jiġġeneralizza.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi persuna speċifika nitolbu jagħtiha parir li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha jew iċċempel SPIC fuq freephone 159 biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tara li ssir reviżjoni tal-pensjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha jew iċċempel SPIC fuq freephone 159 biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħid jekk iż-żieda mħabbra fl-aħħar budget ngħatatx lill-anzjani kollha? Jekk fl-affermattiv, tista' tivverifika l-każ tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għaż-żieda għall-għoli tal-ħajja din ingħatat sħiha lill-pensjonanti kollha.
Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' social benefit fraud maqbuda din is-sena? Kemm tressqu persuni l-Qorti? X'passi ħa d-dipartiment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li matul l-2007 kien hemm 1,045 każ li minn investigazzjonijiet li għamel id-Direttorat għall-Frodi ta’ Benefiċċji u Investigazzjoni irriżulta li kienu qed jabbużaw mill-benefiċċji soċjali. Ninsab infurmata wkoll li ebda persuna minn dawn ma tressqet il-Qorti.
Minn naħa tagħha d-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali twaqqaf il-benefiċċju li jkun qed jittieħed filwaqt li jsir dak kollu possibbli biex jinġabru lura l-flus mhux dovuti li jkunu tħallsu.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' persuni li twaqqfilhom r-relief jew xi benefiċċju soċjali ieħor din is-sena u għaliex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li matul l-2007 kien hemm 6029 każ fejn twaqfet Għajnuna Soċjali jew benefiċċji oħra mhux kontributorji.
Ninsab infurmata wkoll li fost ir-raġunijiet għal dawn it-twaqqif kien hemm:
Bidu ta' xogħol
Bdil fiċ-ċirkostaqnżi finanzjarji
Ikkwalifikaw għall-pensjoni kontributorja
Qtugħ mill-Ewwel Parti tar-Reġistru
Riżultat ta' nvestigazzjoni
Mewt
Safar
Żwieġ
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma d-diffikultajiet li d-dipartiment għandu sabiex jagħti c-Children's Allowance lit-tfal ta' ġenituri li huma separati legalment? X'inhi r-raġuni li minkejja li kien hemm min ta d-dettalji kollha, nkluż l-kuntratt/sentenza tas-separazzjoni, dawn it-talin għadhom ma ħadux risposta b'detriment li l-benefiċċju tat-tfal għadu ma tħallasx?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjonijiet għall-Allowance tat-Tfal jiġu proċessati hekk kif id-Dipartiment ikollu f’idejh l-informazzjoni kollha meħtieġa.
Ninsab infurmata wkoll li fil-każijiet indikati mill-Onor. Interpellant id-Dipartiment irid jistabbilixxi min mill-ġenituri għandu l-kura u l-kustodja tat-tfal, xi ħaġa li mhux dejjem toħroġ ċara mill-kuntratti jew sentenzi tas-separazzjoni.
Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi każ partikolari nitolbu jagħti parir lill-persuna konċernata biex tmur l-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali tal-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.