Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaddiema Maltin ma' ambaxxati ta' pajjiżi membri tal-UE

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema Maltin jaħdmu ma' ambaxxati ta' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea u f'liema gradi qegħdin?

Response (DALLI, JOHN)

L-ambaxxati barranin f'Malta m'humiex obbligati li jinnotifikaw lill-Ministeru bid-dettalji ta' l-impjegati Maltin li huma jingaġġaw. Għaldaqstant, m'inhiex f'qagħda li nagħti l-informazzjoni mitluba lill-Onorevoli Interpellant.

Ambaxxata Maltija fi Tripli — Applikazzjonijiet għal visa

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma allegazzjonijiet li waslu għandi, li qed ikun hemm fast tracking ta' applikazzjonijiet tal-visa fi Tripli mill-Konsolat Ambaxxata Maltija mingħajr ma jsiru l-verifiki neċessarji ma' l-awtoritajiet kompetenti?

Response (DALLI, JOHN)

Hi proċedura normali li f'kull ambaxxata Maltija tinħareġ visa fl-iqsar żmien possibbli, speċjalment f'każijiet li jirrigwardjaw diplomatiċi barranin, persuni għolja tal-Gvern, każijiet urġenti mediċi u oħrajn li jistgħu jiġu kkunsidrati tali bħala urġenti. Sal-15 ta' Ġunju 2004, il-Konsolat Malti fi Tripli kellu tmienja u għoxrin (28) applikazzjonijiet fast track. Id-dettalji ta' dawn l-applikanti xorta jintbagħtu lill-Uffiċċju ta' l-Immigrazzjoni f'Malta.

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Xiri ta' biljetti ta' l-ajru

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6094, jista' il-Ministru speċifikament jgħid minn fejn inxtraw il-biljetti ta' l-ajru għad-delegazzjonijiet li mexxa kemm ilu Ministru ta' l-Affarijiet Barranin? Jista' jgħid jekk il-bookings għal-lukandi sarux mill-istess aġenzija/aġenziji? Jista' jgħid meta kien Ministru tal-Finanzi minn fejn kienu jinxtraw il-biljetti tal-mawriet tiegħu barra l-pajjiż matul din il-leġislatura?

Response (DALLI, JOHN)

Il-proċedura ta' kif jinxtraw il-biljetti ta' l-ajru mid-dipartiment konċernat fil-Ministeru tiegħi, b'mod li jingħażlu l-orħos prezzijiet f'kull każ, diġa spjegajtha fid-dettal fir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Numru 6094. Din l-istess proċedura kienet tintuża wkoll meta kont Ministru tal-Finanzi. L-aġenziji li minn għandhom jinqatgħu l-biljetti ta' l-ajru xi kultant jintalbu jieħdu ħsieb bookings f'lukandi skond il-pajjiż u ċ-ċirkustanzi. Kif għidt fir-risposta għall-Mistoqsija numru 6094, din il-proċedura issa se tinbidel biex nassiguraw l-aħjar servizz bl-anqas prezz.

Ambaxxati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm ambaxxati li bagħtu kontijiet mhux bilanċjati f'din l-aħħar sena jew aktar? Liema kienu dawn l-ambaxxati? X'kienu l-ammonti nvoluti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ambaxxati ta' Malta kemm f'din l-aħħar sena, kif ukoll qabel, dejjem bagħtu l-kontijiet bilanċjati, jiġifieri il-cash book dejjem ġie rikonċiljat mal-bank statement skond il-proċeduri normali ta' accounting.

Malta Enterprise — Perit

Question

B'riferena għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6080, jista' il-Ministru jivverifika l-fatti għax jien għandi fil-pussess tiegħi korrispondenza ffirmata minn perit li ismu qed jintbagħat separatament, f'isem l-MDC?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li la l-Malta Enterprise u lanqas il-Malta Development Corporation ma jimpjegaw lil xi persuna bl-isem il-ġdid indikat mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu, Perit bl-isem indikat fil-Mistoqsija oriġinali numru 6080 huwa mpjegat mal-Malta Industrial Parks Limited.

Voice of the Mediterranean

Question

Billi issa għaddew xhur mindu għalaq l-istazzjon Voice of the Mediterranean, jista' il-Ministru jagħti indikazzjoni jekk l-apparat sofistikat tar-radju inbiegħx u jekk iva, lil min u b'liema prezz?

Response (DALLI, JOHN)

Nikkonferma li l-apparat li kien jintuża mill-Voice of the Mediterranean għadu ma nbiegħx. Il-Ministeru qed jitlob lill-Gvern Libjan sabiex jaħtar rappreżentant tiegħu ħalli, flimkien ma' l-uffiċċjali tal-Ministeru tiegħi, jkun jista' jinbeda dan il-proċess.

Ambaxxati Maltin f'pajjiżi tal-UE

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandna ambaxxati Maltin ġo pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u fejn? Xi pjani futuri għandu l-ministeru biex jinfetħu oħrajn, meta u fejn?

Response (DALLI, JOHN)

Malta għandha ambaxxata fi tlettax-il pajjiż ieħor ta' l-Unjoni Ewropea, jiġifieri Fl-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, l-Olanda, r-Renju Unit, Spanja, l-Isvezja, u l-Ungerija. Il-ftuħ ta' ambaxxati Maltin f'pajjiżi oħrajn isir fuq programm studjat, li jieħu in konsiderazzjoni diversi fatturi, bħal importanza strateġika u ekonomika, fost oħrajn.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown tas-safar li sar mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu għall-ewwel ħames xhur tas-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (DALLI, JOHN)

Waqt li ma jkolli l-ebda diffikulta sabiex nipprovdi lill-Onorevoli Membru bl-informazzjoni mitluba għal din is-sena u għas-sena li għaddiet, ma nara l-ebda bżonn li tingħata l-informazzjoni mitluba għal ħames snin wara xulxin. Il-ħin li jkun hemm bżonn sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista' jintuża aħjar u l-ispiża ta' ġbir ta' nformazzjoni bħal din, hi sostanzjali.

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Safar fuq xogħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn kemm ilu Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta' l-Investiment, kemm-il darba siefer fuq xogħol governattiv? Minn min kienet komposta d-delegazzjoni ministerjali f'kull okkażjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Mill- 24 ta' Marzu 2004 'l hawn, sifirt fuq xogħol kif se ngħid: Data Destinazzjoni Membri Oħra tad-Delagazzjoni 25 ta’ Marzu sa 27 ta’ Marzu Brussels Is-Sur Robert Aquilina 9 ta’ April sa 12 ta’ April Tripoli Is-Sur Robert Aquilina 14 ta’ April sa 17 ta’ April Dublin Is-Sur Frank Zammit, is –Sur John Inguanez 18 ta’ April sa 20 ta’ April Pariġi Waħdi 22 ta’ April sa 24 ta’ April Sirakuża Waħdi 25 ta’ April sa 28 ta’ April Luxembourg Is-Segretarju Parlamentari Dr. Michael Frendo, is-Sur Frank Zammit, is-Sur John Inguanez 5 ta’ Mejju sa 6 ta’ Mejju Dublin Is-Sur Alfred Zarb, is-Sur Frank Zammit, is-Sur John Gatt Rutter 8 ta’ Mejju sa 9 ta’ Mejju Ruma Waħdi 11 ta’ Mejju Catania Dr. Mario Costa, is-Sur Jonathan Muscat 12 ta’ Mejju sa 13 ta’ Mejju Strasbourg Is-Sur Frank Zammit 16 ta’ Mejju sa 29 ta’ Mejju Brussels Is-Sur John Inguanez, is-Sur Pierre Mallia Washington / London Is-Sur Frank Zammit, Dr. Mario Costa China Is-Sur Frank Zammit, Dr. Mario Costa, is-Sur Chris Baldacchino

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Minstru jgħid minn fejn inqatgħu l-biljetti ta' l-ajru għad-delegazzjonijiet li mexxa kemm ilu Ministru ta' l-Affarijiet Barranin?

Response (DALLI, JOHN)

Jiena nfurmat li fil-każ ta' xiri ta' biljetti ta' l-ajru, id-dipartiment responsabbli jitlob kwotazzjonijiet mill-Air Malta u minn aġenzija privata u jordna l-biljett minn fejn jirriżulta l-irħas. Jien nfurmat li b'dan mhux biss id-dipartiment qed ikollu servizz aħjar talli f'dawn l-aħħar xahrejn ġew frankati il-fuq minn LM5,000 lira. Issa qegħdin nidentifikaw possibbilta oħra ta' frankar ta' flus. Is-sistema li qed tintuża s'issa mill-Ministeru hu li fejn għandna ambaxxati, ikunu nies mill-ambaxxati li jagħmlu l-arranġamenti fil-lukandi meħtieġa waqt vjaġġar ta' uffiċċjali. Qed insibu li f'dan il-każ nistgħu nġibu prezzijiet aħjar jekk nużaw is-servizzi ta' l-Air Malta jew ta' aġenziji privati lokali. Għalhekk qegħdin nagħtu struzzjonijiet lid-dipartiment fil-Ministeru li jieħu ħsieb l-ivjaġġar biex jibdel is-sistema u jibda jitlob kwotazzjonijiet kif jagħmel fil-każ tal-biljetti ta' l-ajru, iqabbel dawn mal-prezzijiet li jkollhom l-ambaxxati u jagħti struzzjonijiet lil min ikun l-irħas biex jagħmel l-allokazzjoni. Ikun tajjeb jekk jirnexxielna nġibu l-istess servizz bi prezz inqas. Inħeġġeġ liċ-Chairman tal-Public Accounts Committee biex jitlob lill-Awditur Ġenerali jagħmel eżerċizzju fejn jara l-prezzijiet li bihom jinxtraw il-biljetti ta' l-ajru fis-settur pubbliku kollu, iqabbilhom mal-prezzijiet li qed jitħallsu fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u jara jekk hux il-każ li kull min mhux qed juża s-sistema li qed tintuża f'dan il-Ministeru fil-fatt jagħmel hekk.

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Membri tas-segretarjat

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tas-segretarjat tal-Ministru? X'karigi jokkupaw? Kemm minnhom huma ħaddiema taċ-ċivil? Kemm minnhom ġew seconded minn kumpanniji parastatali? Kemm minnhom huma bil-kuntratt?

Response (DALLI, JOHN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri tas-segretarjat tiegħi u tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi u l-karigi li jokkupaw. Kull membru huwa bil-kuntratt kif provdut fid-dokument "Engagement of Staff for Ministerial Secretariat" tat-8 ta' Mejju 2003. Hemm tlett membri li l-proċess tal-kuntratt tagħhom għadu ma ġiex finalizzat.

Persuni ta' nazzjonalita' Maltija u ta' nazzjonalita' Libjana — Talba għall-visa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' Maltin u Libjani li talbu ż-żewġ ambaxxati għall-visa sabiex daħlu fiż-żewġ pajjiżi rispettivament? Kemm-il visa nħarġet mill-1 ta' Mejju 'il hawn u kemm-il visa ġiet miċħuda?

Response (DALLI, JOHN)

Matul ix-xahar ta' Mejju 2004, ġew reġistrati 1250 applikazzjoni għal visa fil-Konsolat Malti fi Tripli. Minn dawn, 25 ġew miċħuda. Għal raġunijiet ovvji, m'inix f'qagħda li ngħid kemm Maltin applikaw fl-ambaxxata Libjana f'Malta biex jingħataw visa biex iżuru l-Libja.

Kap tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li fil-ġejjieni qarib il-kap preżenti tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin se jinbidel u floku se tilħaq bħala permanent secretary mara li bħalissa tinsab taħdem ta' ambaxxatur fi Spanja?

Response (DALLI, JOHN)

Jiena lqajt it-talba tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi sabiex, meta jagħlaqlu l-kuntratt fis-sbatax ta' Lulju 2004, jieħu mill-ġdid posting bħala Ambaxxatur.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Vakanzi għall-kariga ta' First Counsellor

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fil-ministeru għall-kariga ta' first counsellor? Kemm għaddew mill-aħħar eżami li sar għall-first counsellor? Kemm minn dawn li għaddew se jieħdu l-ħatra ta' first counsellor?

Response (DALLI, JOHN)

In-numru ta' vakanzi fil-kariga ta' First Counsellor, fiż-żmien li saret l-intervista, kien ta' sitta. Dawn il-vakanzi issa qed jimtlew gradatament minn fost l-erbatax il-uffiċjal li għaddew mill-intervista.

Forti Chambray

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern fil-konfront ta' l-iżviluppaturi ta' Fort Chambrai li kienu kisru l-kondizzjonijiet tal-kuntratt li bih ingħataw il-proprjeta'?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Membru jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u l-Investiment.

Rifuġjati Eritrej

Question

Il-Ministeru kien f'xi mod involut fil-kwestjoni tad-deportazzjoni tar-rifuġjati Eritrej li spiċċaw ġew ittorturati mal-wasla lura tagħhom f'pajjiżhom?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta' l-Investiment kien biss involut fuq talba tal-Pulizija meta dawn talbu l-għajnuna tal-Ministeru biex jinġabru it-Travel Dcouments mill-Ambaxxati akkreditati lejn Malta ta' dawk il-persuni li ħa jkuna jintbagħtu lura pajjiżhom.

Ditta Carrefour — Xiri tal-Price Club

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għadhomx għaddejjin in-negozjati mad-ditta Carrefour biex din tixtri l-Price Club jew toħloq xi supermarket chain ġdida f'Malta? Jikkonferma li l-awtoritajiet Maltin qed jimponu kondizzjonijiet fuq Carrefour li tuża xi konsulenti Maltin u li tixtri xi biċċa art mingħand xi ħadd partikolari?

Response (DALLI, JOHN)

Ir-risposta hi fin-negattiv.

Bastimenti tal-gwerra

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu bastimenti tal-gwerra f'pajjiżna din is-sena u x'tip kienu?

Response (DALLI, JOHN)

In-numru ta' bastimenti tal-gwerra li daħlu f'pajjiżna din is-sena huwa ta' 31. Dawn varjaw minn Frigate, destroyers, auxiliary, mine sweepers, coast guard patrols, corvettes, u submarine li kien ġie decommissioned u li għadda mill-ibħra territorjali ta' Malta.