Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tas-Sliema — Triq Mrabat - asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-asfalt li għadu kif ingħata fil-ġranet li għaddew fi Triq Mrabat, f'Tas-Sliema peress li jidher li dan huwa ta' kwalita' ħażina u fil-fatt diġa' qiegħed jinqala'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lill-Awtorita` dwar it-Trasport sabiex isiru l-aċċertamenti neċessarji f'dan ir-rigward.

Swieqi — Triq il-Ġiżimin - asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Triq il-Ġiżimin fis-Swieqi tinkesa u tingħata t-tarmak?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-preżent hemm ftehim bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi sabiex tkun tista ssir it-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant.

Baħrija — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex it-tarmac fil-pjazza tal-Baħrija ma tkompliex kif tkompla ( u tajjeb li sar hekk) fil-parti ġdida tan-naħa tal-knisja l-ġdida? Jista' jara li jitkompla jingħata t-tarmac min-naħa tal-pjazza 'il hemm u cioe' fit-toroq: Ġnien tan-Nigra, Triq il-Fiera u in-Namura u oħrajn li ma saurx?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ġiet ippublikata sejħa għal offerti sabiex issir Triq is-Sajf ta' ta' San martin, filwaqt li toroq oħra fil-lokalita' ikunu jistgħu isiru aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat. Fl-istess ħin tajjeb li wieħed ifakkar ukoll li l-pjazza msemmija hi waħda li taqa taħt ir-responsabilta tal-Kunsill Lokali.

Mosta — Triq il-Qalbiena Mostin

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Triq il-Qalbiena Mostin kulma taw minnha passata waħda tarmac qabel l-elezzjoni u ma komplewiex, tant li jidher ċar li mhux se jkompluha għax għamlu zebra crossing u waħlu s-signs? Għaliex fit-toroq li jagħtu għal din it-triq għamlulhom signs one way meta bil-kemm tista' tgħaddi minn dawn it-toroq għaliex kollha mfarrkin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf sew li ż-żmien meta t-toroq isiru qabel xi elezzjoni spiċċa, (nispera darba għal dejjem) u għalhekk l-ewwel parti tad-domanda hi barra minn lokha, minbarra wkoll il-fatt li tasal għall-konklużjonijiet mhux veru. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, l-Awtorita' dwar it-Trasport ħasset illi kien hemm aktar periklu għal min juża dawn it-toroq kieku t-traffiku tħalla jidħol u joħroġ minn kull triq u għalhekk twaħħlu tabelli meħtieġa biex it-traffiku ikun ikkontrollat. Ninsab infurmat illi fil-każ ta' Triq Monsinjur Mikelanġ Mifsud diġa ħarġet sejħa għall-offerti biex din it-triq tkun tista tiġi asfaltata.

San Ġwann — St Julian's Road

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol f'St Julian's Road, San Ġwann? Jaf il-Ministru li waqt li kien għaddej ix-xogħol il-kuntratturi kissru dak is-salib antik li kien hemm?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi peress illi l-kuntrattur ried ikun ċert li jilħaq il-specifications, importa żrar minn barra li hu ta' kwalita aħjar minn dak li jinsab lokalment sabiex isir il-wearing course. Issa kollox jinsab ippreparat u t-tqegħid tal-wearing course hu maħsub li jitlesta fil-ġranet li ġejjin. Fir-rigward tas-salib, dan kien inqala meta beda jsir ix-xogħol fuq l-isptar u fil-preżent qiegħed l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara. Bħalissa għaddejjien diskussjonijiet biex ikun deċiż kif dan is-salib għandu jiġi restawrat u mqiegħed f'post xieraq.

Fgura — Triq il-Ward tax-Xemx - asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li Triq il-Ward tax-Xemx fil-Fgura tingħata wiċċ xieraq peress li hi ta' inkonvenjent kbir għar-residenti li ilhom joqogħdu hemm ħafna snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq il-Ward tax-Xemx hija triq asfaltata u għalhekk il-Kunsill Lokali huwa responsabbli mill-manutenzjoni tagħha.

Bormla — Triq W. Rosato - Karozzi tal-linja

Question

Jista' il-Ministru jara li tiġi kkonsidrata t-talba tar-residenti ta' Triq W. Rosato, f'Bormla sabiex il-karozzi tal-linja lejn l-Isla ma jgħaddux minn din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-karozza tal-linja ta' l-Isla li toħroġ bin-numru ta' r-rotta 3, mill-Belt lejn l-Isla ma tgħaddix minn Triq W. Rosato. Fil-fatt hija r-rotta ċirkolari bin-numru 22, bejn l-Isla/Bormla u Wied il-Għajn li tgħaddi minn din it-triq. Għaldaqstant, flimkien ma' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku ser tiġi ikkunsidrata din it-talba.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bypass ta' San Pawl il-Baħar tħalliet daqstant abbandunata? Kemm ilha li ġġarfet din il-bypass u għaliex ix-xogħlijiet ma sarux meta minn dakinhar 'il hawn il-ħsara kompliet tikber daqstant? Kemm hi l-ispiża meħtieġa sabiex jitranġaw il-ħsarat ta' fejn sfrundat it-triq u ssir il-manutenzjoni tal-bypass?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ħsara li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tikkonsisti f'ċediment f'art privata li tmiss ma' din il-bypass u li minħabba f'hekk parti mill-ġenb tal-bypass ingħalqet bħala prekawzjoni biex ma jkunx hemm periklu għal min ikun għaddej f'din it-triq. Filwaqt li għaddejjin diskussjonijiet ma' sidien u diversi entitajiet biex din is-sitwazzjoni tkun riżolta, ninsab infurmat li din il-bypass ser terġa tinbena mill-ġdid minn finanzjament li qed jiġi provdut mill-Cohesion Fund ta' l-Unjoni Ewropeja. Fil-preżent għadu kif ingħata kuntratt sabiex isiru il-Feasibility Studies u l-Environmental Impact Assessments li huma meħtiġa mir-regoli ta' l-unjoni Ewropeja biex ikun jista jsir dan il-proġett.

Bormla — Triq ix-Xatt - blokki ta' lava antika

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnhom il-blokki ta' lava antika li nqlagħu minn Triq ix-Xatt, Bormla?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi fuq arranġamenti li kienu saru bejn id-Direttorat tat-Toroq u l-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera, il-kuntrattur kien ġie mitlub biex jerfa l-blokki tal-lava għandu sakemm il-Kumitat ikun jista jipprovdi post fejn jintrefgħu.

Bus shelters ġodda

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani kemm-il bus shelter ġdid sar, lokalita' b'lokalita' f' dawn l-aħħar 12- il xahar f' tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi u Pembroke? Kemm hemm previsti li jsiru f' din is-sena, u kemm-il talba hemm mill-Kunsilli ta' dawn il-lokalitajiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħaż Żabbar — Triq G. Micallef - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li Triq G. Micallef, f'Ħaż Żabbar tingħata wiċċ bit-tarmac peress li għadha qatt ma' inksiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport qed tipprepara program għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Servizz ta' trasport pubbliku għall-isptar San Luqa

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-ħinijiet u l-lokalitajiet ta' minn fejn taħdem karozza tal-linja għall-isptar San Luqa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li preżentament qedgħin jiġu operati dawn is-servizzi diretti mill-lokalitajiet imsemmija lejn l-isptar San Luqa: Fil-għodu Senglea fis-7:45, Gudja fis-7:30, B'Bugia fis- 6:00 u s-7:30, Żabbar fis-6:00 u s-7:30, M'Xlokk 7:10, Żejtun fis-6:05, Żurrieq fis-6:00 u fis-7:30, Qrendi fis-7:30, Attard fis-6:30 u fis-7:30, Mellieħa fis-6:00 u fis-7:00, Buġibba fis-6:10 u fis-7:30, Għargħur fis-6:15 u fis-7:30, Savoy fis-7:30, Siġġiewi fis-6:00 u fis-7:30, Rabat fis-6:20 u fis-7:30, Qormi fis-6:10 u fis7:30 u Ħaż-Żebbuġ fis-6:15 u s-7:30. Wara nofs in-nhar Ċirkewwa fis-2:50, Buġibba fit-3:10 u B'Kara fit-3:30. Mill-irħula l-oħra kollha titlaq xarabank fit-3:15. Il-passiġġieri ta' Wied il-Għajn u x-Xghajra jitilgħu mal-karozza ta' Ħaż-Żabbar li titlaq fit-3:15. Minbarra r-rotot imsemmija, hemm ukoll ir-rotta 75 li topera bejn l-isptar u l-Belt Valletta. Il-ħinijiet ta' din ir-rotta huma mit-tnejn sa Sibt, kull kwarta jew għoxrin minuta bejn is-7:00 ta' fil-għodu u 8:00 ta' fil-għaxija u l-ħdud u l-festi bejn is-7:00 u l-11:30 ta' fil-għodu w is-2:50 u il-5:50 ta' fil-għaxija kull tletin minuta.

Toroq — Sleeping policeman

Question

Jista' il-Ministru jgħid min jiddeċiedi fejn issir sleeping policeman? X'inhuma d-dimensjonijiet li għandha tkun sleeping policeman? Ta' min hi r-responsabbilta' f'każ li din tikkaġuna ħsara lil xi vettura?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi d-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku jirċievi r-rikjesti għall-road humps mingħand il-Kunsill Lokali kkonċernat. Hemm standards fejn dawn jistgħu jitqiegħdu li wkoll jinkludu d-dimensjonijiet tagħhom. Hija responsabbilta tal-Kunsill Lokali kkonċernat li dawn ir-road humps jinbnew kif approvat.

Awtorita' dwar it-trasport — Ħaddiema li ngħataw promozzjoni

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni li ngħataw promozzjoni u f'liema grad, fl-awtorita' dwar it-trasport matul dawn l-aħħar 12-il xahar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li ngħataw promozzjoni fi ħdan l-Awtorita' dwar it-Trasport.

Awtorita' dwar it-trasport — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni u l-karigi li jokkupaw li ġew impjegati ma' l-awtorita' dwar it-trasport matul dawn l-aħħar 12-il xahar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-persuni li ġew impjegati ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport matul dawn l-aħħar 12-il xahar huma dawn: Major M.Sammut Tagliaferro - Director Licensing & Testing Mr K. Pule' - Accountant, Corporate Services Directorate Ms. G. Fenech - Customer Care Executive.

Servizz tal-Karozzi tal-Linja

Question

Meta huwa kkunsidrat li s-servizz tal-karozzi tal-linja jibda jaħdem mingħajr sussidju mit-taxxi taċ-ċittadini u allura jkun iffinanzjat kollu kemm hu mill-biljett tal-passiġieri li jużaw dan is-servizz? Kemm kien dan is-sussidju s-sena li għaddiet u kemm huwa stmat li jridu jogħlew il-biljett tal-karozzi tal-linja biex is-servizz jitħaddem mingħajr sussidju?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi f'Novembru 2003 sar qbil bejn l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku fejn ġie maqbul illi s-sussidju għandu jispiċċa fi żmien tlett snin. Madankollu l-gvern huwa kommess li jibqa jissusidja n-noll tal-karta anzjan u ta' l-istudenti. Sadanittant l-ADT u l-ATP għadhom għaddejjin bid-diskussjonijiet kemm fuq it-tariffi kif ukoll fuq ir-riforma globali tas-servizz. Dan il-ministeru jikkunsidra bidla fit-tariffi kemm -il darba dan il-proċess ikun parti integrali mill-imsemmija riforma. Is-sussidju matul is-sena 2003 ammonta għal Lm1,405,000.

Għajn Dwieli — Triq Daħlet it-Tlett Ibliet

Question

Jista' il-Ministru jara li Triq Daħlet it-Tlett Ibliet taħt il-mini ta' Għajn Dwieli tingħata wiċċ kif jixraq? Jidhirlu l-Ministru li bi triq fi stat ħażin bħal dan, qed tingħata impressjoni ħażina lil min ikun dieħel fil-Kottonera għall-ewwel darba?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 3700. Jien infurmat illi fil-preżent qed jiġi kkwantifikat ix-xogħol li hu meħtieġ.

Distrett nru. 2 — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq fit-tieni distrett li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-gvern ċentrali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista tat-toroq arterjali fit-tieni distrett li huma responsabilta' tal-Gvern ċentrali.

Testijiet tal-vetturi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4572, ma jaħsibx il-Ministru li ma jagħmilx sens li biċċa mit-test isir Għawdex u biċċa Malta? Ma jaħsibx li l-Għawdxin għandhom jagħmlu it-test kemm prattiku u kemm tat-teorija f'Għawdex stess?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'għandi xejn x'inżid mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 4572.

Vetturi reġistrati ġodda

Question

Kemm kien in-numru ta' karozzi/vetturi reġistrati ġodda matul ix-xahar ta' Jannar 2004? Jista' il-Ministru jinfurmani bir-reġistrazzjoni għal istess xahar tas-snin 2003, 2002, 2001 u 2000 separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi n-numru ta' vetturi ġodda hu kif ġej: Jannar 2004 577 Jannar 2003 619 Jannar 2002 680 Jannar 2001 718 Jannar 2000 1,098