Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — Persuni liċenzjati biex joperaw pompa tal-petrol

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom liċenzja joperaw pompa tal-petrol iżda m'għandhomx pompa tal-petrol xi jħaddmu? Jista' jgħid jekk fost dawn hemmx min wera interess li jopera l-pompa l-ġdida li nħarġu l-permessi għaliha fil-Mellieħa wara l-ground tal-football?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru koncernat.

Ħ'Attard — Xogħol ta' drenaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5046, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi biex ikun jista' isir ix-xogħol ta' drenaġġ fi Triq iz-Zahar, Triq it-Tahhan u Triq il-Larinġ, f'Ħ'Attard? Jista' jgħid kemm se jiġi jiswa aktar milli kien proġettat dan il-proġett? Jista' jgħid kif se jintgħelbu d-diffikultajiet biex tingħaqad sistema tad-drenaġġ mill-Mosta għal Ħ'Attard via Triq Pantar?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-imsemmi xogħol hu mistenni li jibda fl-ewwel ġimgħa ta' Lulju mill-kuntrattur wara li issa kienet stabbilita r-rotta tal-cable ta' l-Enemalta fi Triq Pantar, xogħol li sar mill-ħaddiema ta' l-Enemalta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Dan il-proġett hu mistenni li jiswa madwar Lm33,000, sakemm ma jkunx hemm xi tibdiliet minħabba xi kundizzjonijiet ta' l-art fejn se jsir ix-xogħol. Is-sistema tad-drenaġġ fl-imsemmija toroq imbagħad se tkun tista titqabbad ma dan il-mejn il-ġdid fi Triq Pantar.

Air Malta — Titjiriet bi prezz sussidjat

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6147 u cioe' jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' passiġġieri li ġew Malta bit-titjiriet ta' l-Air Malta bi prezz sussidjat sabiex jivvotaw fl-elezzjoni tal-MEP's? Kemm ġie jiswa dan is-sussidju? Dan is-sussidju jagħmel tajjeb għalih il-gvern jew l-Air Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li n-numru ta' passiġġieri li l-Air Malta ġabet għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kienu ta' 542. L-ammont ta' sussidju inħadem fuq bażi ta' spejjeż diretti li kellha l-Air Malta biex iġġorr dawn il-passiġġieri u fuq bażi ta' dħul li tilfet l-Air Malta biex iġġorr dawn il-passiġġieri minflok oħrajn. L-ammont totali hu ta' Lm31,807. Nikkonferma li l-Air Malta sejra tibgħat il-kont relattiv lill-Gvern.

Gozo Channel — Proprjeta' mikrija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il proprjeta' għandha mikrija lilha l-Gozo Channel u jagħti d-dettalji relattivi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-propjetajiet li għandha mikrija għanda l-Gozo Channel huma dawn is-segwenti:- L-Ufficju tagħhom li jinsab f'Haywharf, Sa Maison; L-Ufficini tagħhom li jinsabu c-Cirkewwa; It-Ticket Booth tac-Cirkewwa; L-Ufficini li jinsabu ġewwa Shore Street, Mgarr Għawdex Garaxx ġewwa Mġarr Road, Għajnsielem, li jintuża bħala workshop u store. Il-Kumpannija tħallas ukoll parti mill-kera (limitat għal LM60 fix-xahar) fuq erba' propjetajiet oħra, li jintużaw għall-akkomodazzjoni ta' xi mpjegati barranin tagħha.

Wardija — Arbli tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-korporazzjoni Enemalta ħaditx il-passi meħtieġa biex tilqa' għall-ilmenti li saru minn residenti fil-Wardija biex jitneħħew arbli tad-dawl li twaħħlu fil-post u kerrħu l-ambjent? Meta ttieħdu jew se jittieħdu dawn il-passi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ma jirriżultax li l-arbli msemmija għandhom għalfejn jitneħħew bi spejjeż addizzjonali għall-Korporazzjoni.

Entitajiet pubbliċi — Dħul ta' fondi matul l-2003

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienu jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament? Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Countertrade

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha l-kumpannija Countertrade, x'pagamenti kien hemm involuti u lil min? X'inhi l-konnessjoni tal-Malta Export House mal-kumpannija Countertrade?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interepellant jispeċifika għal liema pagamenti qiegħed jirreferi. Rigward l-isem tal-kumpanija, Malta Countertrade kienet bidlet isimha għal Malta Export House Co. Ltd.

Raħal Ġdid — Wire tad-dawl fi stat perikoluż

Question

Jista' il-Ministru jara li l-wire li hemm quddiem ir-residenza f'Raħal Ġdid li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jinbidel peress li huwa perikoluż?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret ma jirrizultax li l-wires quddiem ir-residenza ndikata mill-Onor. Interpellant f'Raħal Ġdid huma perikoluzi.

Forti Chambrai

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern fil-konfront ta' l-iżviluppaturi ta' Forti Chambrai li kisru l-kondizzjonijiet tal-kuntratt li bih ingħataw il-proprjeta'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress illi qed isiru diskussjonijiet mal-partijiet konċernati ikun aħjar jekk nirrispondi din il-mistoqsija aktar il-quddiem.

Gżira — Kanna ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga x'inhi r-raġuni li minkejja l-bdil tal-kanna ta' l-ilma fit-toroq: Luqa Briffa, Mattew Pulis u Nazju Ellul fil-Gżira, l-ilma mill-vit xorta għadu kulur is-sadid?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li mill-investigazzjoni li għamlet il-KSI fis-17 ta' Ġunju, l-ilma f'dawn it-toroq hu ċar mingħajr traċċi ta' sadid . Il-problema tas-sadid f'dawn it-toroq issolviet meta nbidlu l-kanen. Issa, l-ilma jista jkun bis-sadid biss meta jkun hemm xi ċaqlieq fl-operat tad-distirbuzzjoni, bħal per eżempju meta jingħalaq l-ilma fil-lokal. Meta jiġri hekk, jista' jkun li għal żmien qasir ħafna, jiġi ftit ilma bis-sadid.

Freeport — Company accounts

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-printing/film setting u art work tal-company accounts l-aktar riċenti tal-Freeport? Fejn ġew stampati? Kien hemm offerti aktar vantaġġjużi għal dan ix-xogħol? Il-prezz ta' dan l-istampar kif jipparaguna man-nefqa fuq stampar u art work fuq il-company accounts ta' l-istess kumpannija s-sena ta' qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant sar għand Promotion Services Ltd għas-somma ta' LM787.75 li kienet l-istess daqs tas-sena l-oħra. Ma kien hemm l-ebda offerta aktar vantaggjuza.

Maltacom/Bank of Valletta — Privatizzazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk humiex qegħdin isiru xi trattattivi ma xi strategic partners prospettivi dwar il-privatizzazzjoni tal-Maltacom u tal-Bank of Valletta? Jekk iva, jista' jindika l-partijiet interessati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'humiex qed isiru trattattIvi ma ' strategic partners fir-rigward tal- privatiżżazzjoni tal-Maltacom u l-BOV.

Gozo Channel — Ħaddiema tal-Kafetterija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-pożizzjoni dwar il-ħaddiema tal-Kafetterija tal-Gozo Channel hux se tiġi riveduta u jekk wara Ottubru 2004 dawn humiex se jibqgħu mal-Gozo Channel jew humiex se jitkeċċew?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kienet ingħatat għal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5665 peress illi ma kien hemm ebda żvilupp minn dakinhar.

Gozo Channel — Overtime tal-ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif jiġi allokat l-overtime tal-ħaddiema tal-Gozo Channel?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li overtime, meta jkun hemm bżonnu, jitqassam fuq sekwenza sabiex il-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jibbenifikaw indaqs. F'każ li jkun hemm lok ta' sahra fil-ġimgħa meta diġa tkun saret ir-roster, dan jiġi offrut lill-ħaddiema li ma jkunux xogħol f'dik il-ġurnata, wkoll fuq bażi ta' sekwenza.

Żejtun — Maltapost branch - kaxxa ta' l-ittri

Question

Possibbli l-Maltapost tikkonsidra li fil-branch li fetħet fi Triq id-Duluri, fiż-Żejtun tagħmel kaxxa ta' l-ittri biswit il-branch għax m'hemmx waħda fil-viċinanzi u din il-kaxxa tkun handy ħdejn il-branch tal-posta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li, kuntrarju għal dak li qed jingħad, jiġifieri li m'hemmx kaxxa ta' l-ittra fil-vicinanzi, hemm żewġ kaxxi fil-qrib, waħda fi Triq San Girgor 50 metru bogħod, u l-oħra fi Triq Santu Wistin. Ta' min jgħid ukoll li dik li nfethet fi Triq id-Duluri, u li qed jirreferi għaliha l-interpellant, mhix fergħa tal-posta iżda semplicement centru (Hub) mnejn il-pustiera joħorġu biex iqassmu l-posta. Il-fergħa tal-posta fiz-Zejtun tinsab iktar vicin il-pjazza.