Ta' Qali — Pitkalija - xogħlijiet fuq l-infrastruttura
Question
Billi jidher li skont risposti parlamentari preċedenti fil-Pitkalija intefqet is-somma, ta' madwar €6,000, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu x-xogħlijet kollha li saru matul l-aħħar erba' snin għal dak li jikkonċerna infrastruttura fl-istess pitkalija f'Ta' Qali, u x'kienu x-xogħlijiet li saru b'dawn in-nefqiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-figura ta’ €6000 li qed jagħmel referenza għaliha, kienet tkopri biss tender waħda li ġiet aġġudikata u li, kif kien staqsa l-Onor. Interpellant, ix xogħol għadu ma bediex, kif infurmajtu fir-risposta tiegħi għad-domanda Parlamentari 32073.
Għar-rigward ta’ xogħlijiet oħra li saru fil-Pitkalija matul dawn l-aħħar erba snin, jien infurmat li n-nefqa totali kienet ta’ €569,680.40. Dan it-total jinkludi xogħol estensiv fil-faċilità fejn jinħaslu l-kaxxi; manutenzjoni ta’ waterproofing fuq soqfa; manutenzjoni fuq il-magna tal-ħasil b’ċertifikazzjoni ta’ Health and Safety; installazzjoni ta’ goods lift sabiex jintuża għat-tqassim tal-kaxxi; xiri ta’ sistema ġdida ta’ cameras; installazzjoni ta’ speedbumps; patchwork ta’ tarmac; kif ukoll xogħol ta’ installazzjoni ġdida għall-provvista tal-ilma fl-istess proġett ta’ ristrutturar ta’ toroq u tqegħid ta’ tarmak ġdid madwar u fil-Pitkalija li qed isir preżentament.
Billi riċentement, f'risposta parlamentari riċenti ngħadd l-informazzjoni li kien hemm 16-il-barriera li kienu qed jintużaw biex fihom jintefa materjal ta' kostruzzjoni, imbagħad ftit jiem wara ħarġet l-aħbar li lanqas il-proġetti tal-housing ma jistgħu jinbdew għaliex ma kienx hemm spazju fejn jintefa' l-istess materjal, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-vera sitwazzjoni għal dak li jikkonċerna r-rimi ta' materjal ta' kostruzzjoni, fil-barrieri jew x'imkien ieħor?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm sbatax (17) -il barriera li għandhom permess tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jaċċettaw radam u skart tal-kostruzzjoni, filwaqt illi hemm 9 permessi pendenti li għadhom qed jiġu proċessati. Il-lista li qed tindika 20 barriera fil-Mistoqsija Parlamentari 31772 tinkludi wkoll il-barrieri li għandhom permess iqattgħu l-ġebla u jordmu l-laqx tagħhom stess.
F’dawn l-aħħar ġranet irriżulta li xi operaturi ta’ barrieri ma kinux qed jaċċettaw materjal minħabba li kienu qed jirriservaw l-ispazju għall-proġetti tagħhom infushom biss, għaldaqstant, l-ERA emendat il-permessi tal-barrieri awtorizzati minnha biex jaċċettaw materjal nadif tal-kostruzzjoni minn kwalunkwe individwu sakemm il-materjal ikun nadif. L-operatur tal-barriera jista’ jirrifjuta materjal milli jidħol fil-barriera tiegħu jekk dan ikun maħmuġ, ma jkunx ta’ kalibru li jista’ jintradam jew jekk il-barriera ma jkunx fadlilha spazju iktar fejn tordom.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Konsulenzi minn individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninsab infurmat li l-persuna kkonċernata ma ngħatat l-ebda xogħol mill-Ministeru tiegħi jew minn xi entità li taqa’ taħti.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - Konsulenzi minn individwu
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari jgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninsab infurmat li l-persuna kkonċernata ma ngħatat l-ebda xogħol mill-Ministeru tiegħi jew minn xi entità li taqa’ taħti.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – ingaġġ ta’ farmers u ġardinara
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu farmers u ġardinara (ingħataw impieg ġdid mal-Gvern) minn barra is-Servizz Pubbliku fid-dipartiment u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid jekk hemmx sejħiet pendenti biex jidħlu jaħdmu iktar ħaddiema f'dawn il-gradi minn barra s-Servizz Pubbliku u jekk m’hemmx calls hemmx il-ħsieb li jinħarġu calls oħra?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bejn Marzu 2013 u t-30 ta’ Marzu 2017, fil-Ministeru tiegħi, ġew ingaġġati ħames (5) uffiċjali fil-grad ta’ Gardener u ħames (5) uffiċjali oħra fil-grad ta’ Farmer. Din is-sena nħarġet sejħa pubblika oħra għal ingaġġ fil-grad ta’ Farmer u, minħabba li l-proċess tal-għażla għadu għaddej, bħalissa ma hemmx il-ħsieb li jinħarġu sejħiet oħrajn.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Performance Bonuses
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw performance bonuses fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? F'liema kariga kienu dawk li ħadu l-performance bonuses? Kemm kien il-perċentwal tal-bonus mogħti f’kull każ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ħlas ta’ performance bonuseshuwa meqjus bħala data personali u għaldaqstant din l-informazzjoni ma tistax tingħata.
Mellieħa – Toroq il-Marlozz u d-Denċi – xogħlijiet ta’ kostruzzjoni – saħħa u sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jara li min hu responsabbli mis-siti ta’ kostruzzjoni li għaddejjin bħalissa fit-toroq Il-Marlozz u d-Denċi fil-Mellieħa (inkluż rimi ta’ terrapin) ikunu qed jirrispettaw kemm is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti li jgħixu hemm kif ukoll tal-persuni li jgħaddu minn din iż-żona?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirefferi l-Minstoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet strutturali saru fil-biċċerija bejn Jannar 2013 u llum? Jista’ jgħid kemm ġew jiswew dawn l-istess xogħlijiet? Liema xogħol ieħor hemm ippjanat li jsir matul din is-sena? Għal liema minn dan ix-xogħol diġà nħarġu l-permessi u t-tenders rispettivament?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Siġar tal-frott, Siġar taż-Żebbuġ u Siġar tal-Ħarrub – każi ta’ mard
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ġewx rapportati każi ta’ mard fuq xi siġar tal-frott f’Malta u Għawdex, inkluż siġar taż-Żebbuġ u tal-Ħarrub matul dawn l-aħħar erba’ snin? Liema kienu t-tip ta’ s-siġar effettwati u x’passi ttieħdu biex il-mard ma jinfirix?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nikkonferma li d-Direttorat minn dejjem jirċievi rapporti rigward mard u insetti li huma ta’ dannu għas-siġar tal-frott. Ukoll nikkonferma li d-Direttorat irċieva rapporti ta’ mard u infestazzjoni ta’ insetti fuq iz-żebbuġ, it-tin, il-ħarrub u ċ-ċitru.
F’ kull każ id-Direttorat jinvestiga, u fejn jinstab li jkun hemm xi tip ta’ patoġenu jieħu il-passi neċessarji skont it-tip ta’ mard jew insett. Dawn il-passi jistgħu jinkludu eradikazzjoni tas-siġar infettati, jew pariri kif dan il-mard jew insetti jistgħu jiġu kkontrollati.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — ingaġġ ta' persuni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni (mhux persons of trusts jew persuni f'positions of trust) f'Dipartimenti u kumpanniji parastatali li jaqgħu taħt it-responsabilità tiegħu minn Marzu 2013 'il hawn maqsuma bit-tip ta' kuntratt mogħti - definit jew indefinit - u anki bir-rwol li ddaħħlu fih?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32072, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proġetti li twettqu mill-Ministeru tiegħu bejn l-2013 u llum? F’liema każijiet saret konsultazzjoni mal-kunsilli lokali rispettivi? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għall-każijiet fejn il-proġetti jinsabu għaddejjin bħalissa, u fil-każ, fejn ix-xogħol fiżiku għadu ma nbediex?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li kif ġa weġibtu fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 32072, meta l-Ministeru jkun ser iwettaq xi proġett maġġuri dan jagħmel il-konsultazzjonijiet meħtiega mal-stakeholders kollha, inkluż il-Kunsilli Lokali. Jekk l-Onor Interpellant jixtieq xi informazzjoni fuq xi konsultazzjonijiet li saru fuq xi proġett partikolari, nitolbu jkun aktar speċifiku u jindika liema Kunsill Lokalli qed jirreferi għalih sabiex inkun nista’ nagħtih l-informazzjoni meħtieġa. L-Onor Interpellant għandu jifhem li t-terminu “proġetti” huwa vast ħafna u għalhekk huwa mitlub li jkun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema tenders għal xogħol fil-pitkalija ġew aġġudikati, u x-xogħol fl-istess tenders għadu ma nbediex? Kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol u meta hu mistenni li jinbeda?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li jien infurmat illi bħalissa hemm tender waħda (xogħol tal-waterproofing) li ħarġet, ġiet aġġudikata, u x-xogħol mistenni jibda fix-xhur tas-Sajf meta jkun aktar ċert li mhix se taghmel ix-xita, sabiex ix-xogħlijiet isiru kif suppost. L-ispiża hija ta’ €6603 VAT eskluż.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – segretarjat parlamentari – ingaġġ ta’ persuni
Question
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm ġew impjegati nies fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u mas-Segretarju Parlamentari tiegħu u x'inhu l-grad tagħhom, mill-elezzjoni ‘l hawn?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-istaff complement tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari tiegħu, x'inhu l-grad ta’ kull persuna, ġewx ingaġġati persuni minn barra s-Servizz Pubbliku jew kenux diġà fis-Servizz Pubbliku u jekk ma kenux fis-Servizz Pubbliku hemmx minnhom li issa ġew ingaġġati fis-Servizz Pubbliku?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat Privat tiegħi u dak tas-Segretarjat Parlamentari huma stabbiliti fil-parametri li jipprovdi għalihom id-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat li kopja tiegħu diġa' tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Staff – reduced hours u teleworking
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm staff li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jaħdmu b’reduced hours jew għandhom faċilitajiet ta’ teleworking?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ konsultazzjoni jwettaq il-Ministeru tiegħu, mal-kunsilli lokali, meta jkun se jagħmel xi proġett partikulari? Ma’ liema kunsilli saret tali konsultazzjoni matul l-aħħar 12-il xahar, u fuq liema proġetti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant, li meta l-Ministeru jkun ser iwettaq xi proġett maġġuri, jagħmel il-konsultazzjonijiet meħtiega mal-stakeholders kollha, inkluż il-Kunsilli Lokali. Jekk l-Onor Interpellant jixtieq xi informazzjoni fuq xi konsultazzjonijiet li saru fuq xi proġett partikolari ieħor, nitolbu ikun aktar speċifiku u jagħmel id-domanda sabiex inkun nista’ nagħtih l-informazzjoni meħtieġa.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — każijiet ta' inġustizzja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ inġustizzja ġie ttrattat, solvut, investigat u deċiż minn xi entità li taqa’ taħtu minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, jista’ l-Ministru jgħid minn min kien magħmul il-Bord jew entità li trattat tali każijiet ta’ inġustizzja? Jista’ jelenka (mingħajr ismijiet) l-ammont ta’ flus ordnati li għandhom jitħallsu (jew li diġà tħallas) u/jew xi rimedju ieħor ordnat/mogħti fl-ewwel 12-il każ biss għal kull entità/Bord fil-Ministeru tiegħu li qed jinvestiga l-inġustizzji?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx demel (manure) mill-irziezet tal-baqar f’Għawdex, li qed jiġi trasportat lejn Malta mill-Wasteserv jew min xi kuntrattur imqabbad minnha? Jista' jgħid fejn qed jittieħed u x'qed isir minnu? Jista' jgħid jekk dan hux qed jiġi trasportat fuq il-vapuri tal-Gozo Channel mat-trips tal-iskeda jew fuq trips speċjali? Jista' jgħid mill-bidu tas-sena sal-lum, kemm ġie trasportat demel minn Għawdex għal Malta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-WasteServ bdiet tagħti servizz lill-GAB (Agency for the Governance of Agricultural Bioresources) għat-transport u trattament ta’ demel. Id-demel qiegħed jinġabar minn Għawdex ġo bowsers, jiġi ttrasportat fuq il-vapuri tal-Gozo Channel mat-trips tal-iskeda u jitniżżel fl-impjant tal-Malta North għat-trattament. S’issa ddaħħlu madwar 40 tunellata ta’demel.