Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali u d-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tiegħi ma tawx xogħol legali jew talab konsulenzi mid-ditta legali u jew mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw b’mod separat.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — Segretarjat Parlamentari għad-drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva - konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari jgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, is-Segretarjat Parlamentari u l-Entitajiet u Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tal-istess Segretarjat u Ministeru, ma tax xogħol legali jew talab konsulenzi mid-ditta legali u jew mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw b’mod separat.

Penzjoni tad-Diżabilità – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward applikazzjoni għall-pensjoni tad-diżabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ imsemmi minnu ngħata l-attenzjoni meħtieġa.

Bdil ta’ post – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta’ bdil ta’ post?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-applikazzjoni tas-Sinjuri qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Dħul f’dar tal-anzjani – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta’ dħul f’Dar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Każ ta’ pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta’ pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-persuna msemmija ġiet ikkuntatjatha fejn ġie spjegat lilha l-każ tagħha.

Irranġar ta’ flat – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward irranġar ta’ partijiet minn flat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ imsemmi minnu ngħata l-attenzjoni meħtieġa.

Sussidju fuq rranġar ta’ dar – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward sussidju biex tirranġa d-dar tagħha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-lum ma jidhirx li l-persuna li għaliha qed issir referenza għandha applikazzjoni pendenti mal-Awtorità tad-Djar.

Housing soċjali – waiting list

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fil-waiting list għall-Housing soċjali f’Malta u Għawdex b’mod separat għaż-żewġ gżejjer?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — Performance Bonuses

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw performance bonuses fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? F'liema kariga kienu dawk li ħadu l-performance bonuses? Kemm kien il-perċentwal tal-bonus mogħti f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ħlas ta’ performance bonus huwa meqjus bħala data personali u għaldaqstant, din l-informazzjoni ma tistax tingħata.

Home visit minn social worker – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li Social Worker jagħmel home visit lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li 5 snin ilu applika għal post tal-housing imma ħadd qatt ma mar jara l-post?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-każ imsemmi minnu qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn din is-sinjura tixtieq li tibqa’ taħdem sena oħra imma meta marret is-Social Service qalulha li tista’, però d-Dipartiment qalulha li ma tistax? Jista’ jara’ jekk it-talba ta’ din is-sinjura tistax tiġi milqugħa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħti aktar dettalji dwar l-impjieg tal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament.

Għawdex – proġetti relatati mal-Housing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il proġett tal-Housing sar f’Għawdex bejn Marzu 2013 u Marzu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, ma sar l-ebda proġett ta’ housing fl-aħħar 14-il sena.

Għawdex – proġetti relatati mal-Housing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti relatati mal-Housing ser isiru f’Għawdex matul is-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul is-sena 2017 l-Awtorità tad-Djar ser tkompli tagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa biex tindirizza rapporti ta’ ħsarat li tirċievi mill-inkwilini minn żmien għal żmien. Ser tkun qed issir ukoll evalwazzjoni ta’ twaħħil ta’ liftijiet u tisbieħ tal-madwar f’diversi blokok.

Aġenzija Sedqa – parental skills

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kors ta’ parental skills ġew organizzati mill-Aġenzija Sedqa f’dawn l-aħħar tliet snin? F’liema lokalitajiet saru dawn il-programmi? Fiex jikkonsisti l-kors tal-parental skills?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-aħħar tliet snin (2014-2016), l-aġenzija Sedqa organizzat korsijiet fil-parental skills kif ġej: Fis-sena 2014, saru 14-il kors, filwaqt li fis-snin 2015 u 2016 saru 15-il kors kull sena. Il-korsijiet saru f’dawn il-lokalitajiet : Sliema, Balzan,Żejtun, Mosta, Qawra, Birkirkara, Ħal-Luqa (Komunita’ Santa Marija), Fgura (Skola Primarja), Vittoriosa (Kulleġġ De La Salle), Gżira (Skola Santa Monica), Santa Venera, Ħamrun, Pieta’ (Kulleġġ Santu Wistin), Rabat, Żurrieq, Mġarr, Gudja (Skola Santa Giovanna Antida), Cospicua (Skola St Francis), Floriana (Skola Primarja), Iklin u Birżebbuġa It-temi li kienu koperti waqt dan il-korsijiet kienu jinkludu: 1. Tmexxija tal-Familja – Niddiskutu tlett modi differenti ta’ tmexxija fil-familja. 2. Kommunikazzjoni Effettiva - Niddiskutu kif nistgħu intejbu l-komunikazzjoni bejn il-ġenituri u t- tfal. 3. Żvillupp Psikoloġiku tat-Tfal – Niddiskutu l-istadji ta’ l-iżvilupp psikoloġiku u emozzjonali tat- tfal mit-twelid sa 11-il sena. 4. Responsabilta` - Niddiskutu s-suġġett ta’ responsabilita’ u ninkoraġixxu lit- tfal ikunu responsabbli. 5. Alkoħol u Drogi Oħra – Ngħatu informazzjoni fuq l-alkoħol u d drogi lill- ġenituri u biex b’hekk il- ġenituri ikunu ippreparati għal eventwalita’ ta’ abbuż. 6. Sess u Sesswalita`- Niddiskutu l-iżvilupp sesswali tat- tfal.

Benefiċċju Soċjali – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fuq każ ta’ benefiċċju soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ imsemmi minnu ngħata l-attenzjoni meħtieġa.

Ċekk tal-bonus – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward ċekk tal-bonus?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ imsemmi minnu ngħata l-attenzjoni meħtieġa.

Bini ta’ appartamenti — siti

Question

Issa li saret ċerimonja f’sit fejn se jinbnew tmien appartamenti, li mistennija jkunu lesti matul is-sena d-dieħla, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min huma l-periti li tqabbdu biex ifasslu l-pjanti tas-16-il sit li fuqhom suppost li se jinbnew 600 appartament? Kemm se jkun hemm appartamenti fuq kull wieħed mis-siti ndikati? Liema siti diġà tħammlu, u fejn ma kienx hemm tħammil liema se jkunu l-kuntratturi, f'kull sit, li se jħammlu l-istess siti? Kif intgħażlu dawn l-istess siti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, il-pjanti tas-sittax-il sit kienu tlestew mill-periti li kienu tqabbdu mill-Awtorità tad-Djar fiż-żmien meta inħareġ il-permess. Bħalissa qed jiġu ffinalizzati l-emendi għall-permessi maħruġa u għadu mhux finalizzat in-numru ta’ appartamenti. L-għażla tal-kuntratturi qed issir permezz ta’ tender pubbliku li t-tagħrif tiegħu jkunu ppubblikati. L-għażla tas-siti saret minn fost numru konsiderevoli ta’ siti fiż-żona tal-bini li fuqhom ilhom snin jeżistu l-permessi tal-bini.