Jiena nfurmat li l-Management tal-Kumpanija, Kalaxlokk irrifjuta applikazzjonijiet tal-'leave' ta' żewġ ħaddiema tal-IPSL li dawn kienu qed jaħdmu taħt is-supervizzjoni tal-management tal-Kalaxlokk.
Dawn iż-żewġ ħaddiema riedu 'leave' fit-tul għall-kaċċa u l-insib. Dan il-'leave' ġie rrifjutat minħabba esiġenzi tax-xogħol.
Il-Management tal-Kumpanija Kalaxlokk qatt ma hedded li min jieħu s-'Sick Leave' jiġi mkeċċi, pero' il-ħaddiema ġew infurmati li min jabbuza mis-'sick leave' hu suġġett għal passi dixxiplinarji.
Peress illi fuq il-vapuri tal-Gozo Channel qed ikun hemm ħafna ħmieġ u peress li hemm ħafna tgergir mill-passiġġieri, jista' il-Ministru jgħid għaliex qed jiġri dan u jara li fuq il-vapuri jkun hemm l-indafa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Kumpanija Gozo Channel għandha servizz ta' tindif għal għaxar siegħat kontinwi kulljum (bejn it-8 ta' fil-għodu u s-6 ta' fil-għaxija). Għalkemm jien infurmat li dan huwa diġa suffiċjenti, il-kumpanija qed tagħmel arranġamenti nterni biex is-servizz ta' tindif jkopri s-siegħat kollha tas-servizz .
Jiena nfurmat li meta l-ħaddiema tal-IPSL jiġu mibgħuta jaħdmu ma xi dipartiment ieħor tal-Gvern jibqgħu igawdu l-paga, l-overtime bir-rata ta' siegħa u nofs u l-leave li kellhom qabel ma ġew ingagati mal-Kumpanija IPSL.
Il-paga u l-leave tal-ħaddiema jitħallsu mill-IPSL. Il-flus għall-overtime joħroġhom id-Dipartiment fejn ikun sar l-overtime imma jitħallsu mill-IPSL wara li d-Dipartiment konċernat jgħaddi l-flus dovuti lill-IPSL.
Meta ħaddiem tal-IPSL jiġi trasferit ma' Dipartiment tal-Gvern jibqa bil-grad li għandu iżda għandu jwettaw ix-xogħol skond l-esiġenzi ta' dak id-Dipartiment li jkun ġie trasferit fih. Fl-eventwalita' li l-ħaddiem ikun qed jagħmel xogħol ta' anqas mill-grad, huwa jibqa jgawdi l-istess paga/salarju.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-post ta' senior manager philately għadux vakanti? Jista' jgħid kemm kienu l-applikanti u xi kwalifiki ntalbu?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-pożizzjoni ta' Senior Manager Philately mhix ser timtela għalissa, sakemm l-istruttura preżenti tal-management fil-Maltapost tkun riveduta.
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni erba' ħaddiema tal-Gozo Channel li kienu assenjati magħha minn mal-Kalaxlokk ġie terminat l-impjieg tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li dawn il-ħaddiema kienu sekondati mal-Gozo Channel temporanjament. Minħabba li ma kellhomx bżonnhom aktar dawn reġgħu intbagħtu lura mal-Kalaxlokk.
Possibbli li l-Enemalta tressaq cables ta' l-elettriku li għaddejjin minn ma' gallerija - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - għax is-sid irid jagħmel xi xogħol f'din il-gallerija u ma jistax minħabba dawn il-wires? Possibbli jittieħdu passi fl-iqsar żmien possibbli?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-persuna li għamlet dan l-ilment ġiet infurmata bil-proċeduri meħtieġa biex ikun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ.
Peress li l-Ministru jikkonferma li hemm intenzjoni li l-Interprint tiġi privatizzata, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li l-Gvern joħroġ is-sejħa? Jista' jgħid jekk hemmx min wera interess fix-xiri ta' din il-kumpanija, kemm interess lokali kif ukoll dak barrani?
Response (GATT, AUSTIN)
Kif diġa kkonfermajt f'okkażjonijiet oħra u anke kif ħabbar l-Prim Ministru fid-diskors tal-Budget għall-2005, il-proċess ta' privatiżżazzjoni ta' l-Interprint maħsub li jsir is-sena d-dieħla.
Għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid x'interess hemm fix-xiri ta' din il-Kumpanija meta s-sejħa għad lanqas biss ħarġet.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari 9299 jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jibda l-proċess ta' privatizzar ta' l-Interprint? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx min wera interess fix-xiri ta' din il-kumpanija?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 9529.
Jista' l-Minstru jgħid liema rata ta' ħlas intrabtet li tħallas il-kumpanija CMA CGM meta ddeċidiet li topera mill-Freeport u kif titqabbel din ir-rata ma' ħlasijiet li ntalbu jħallsu kumpaniji oħrajn?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokumenti li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra li jirreferu għall-ftehim kollu li sar bejn il-Gvern/Malta Freeport Corporation ma' CMA/CGM. Ir-risposta tista' tinġabar minn dawn id-dokumenti.
B'liema rata fis-siegħa ntrabtet li tħallas is-CMA CGM għall-ħatt tal-containers mill-vapuri tagħha u f'każ li ma żammitx mal-ftehim x'penali kellha tħallas? Kemm kienu telgħu dawn il-penali sakemm laħqet ftehim biex tmexxi l-Freeport għat-30 sena li ġejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għal-PQ 9732.
Il-Gvern ħa sehem fl-Israel Telecom 2004 Conference li nżamment f'Tel Aviv fl-ewwel nofs ta' Novembru? Jekk iva minn min kien irrappreżentat u x'sehem kellu l-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni fil-Fiera?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi il-mistoqsija parlamentari numru 9450 u ċioe' jgħid x'arranġamenti qed isiru mal-banek biex min għandu kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma jissellef mill-banek biex iħallas il-kontijiet? X'arranġamenti se jagħmlu l-banek ma' dawk il-persuni li jifilħu jħallsu biss sa ċertu livell għax jgħixu bl-assistenza soċjali biss?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9453 u cioe' jgħid meta stabilixxa s-surcharge fuq id-dawl u l-ilma l-gvern b'liema mod ikkalkola l-prezz taż-żejt? F'liema żmien u b'liema valur tad-dolllaru kkalkola li nxtara dan iż-żejt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentri numru 9448 u ċioe' jgħid meta jiġu biex jintalbu ħlasijiet għall-kontijiet tad-dawl u ilma l-korporazzjonijiet u l-gvern qed jagħtu kas fejn il-posta jeħodha r-raġel li ma jgħix id-dar u allura l-mara ma tkunx taf li qed jiġu l-kontijiet, ma tkunx taf li ma tħallsux u lanqas ma tkun taf b'avviż li jekk ma tħallasx se jaqtgħulha d-dawl u l-ilma bħal fil-każ ta' persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li f'każijiet ta' separazzjoni, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma toqgħod attenta ħafna biex ma tieħux passi li jiffavorixxu parti waħda.
Il-każ li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għalih, qed jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9445 u cioe' jista' jara li jsiru arranġamenti mal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament biex tħallas il-kont tad-dawl u ilma gradwalment (Lm50 fix-xahar) peress li tinsab fi proċess ta' separazzjoni mar-raġel u tgħix biss bl-assistenza soċjali?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-persuna indikata tista' tmur l-uffiċċju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex tagħmel arranġament ma' bank kummerċjali għall-ħlasijiet permezz ta' Standing Order, b'mod li l-kont pendenti jitħallas fi żmien sitt xhur.