Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għad-Djalogu Soċjlai, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — konsulenzi minn individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tagħha tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiiet Ċivili u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma taw ebda xogħlijiet lill-persuna msemmija.

Direttur Ġenerali tal-Kompetizzjoni – notifika ta’ konċentrazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta d-Direttur Ġenerali responsabbli mill-Kompetizzjoni jirċievi notifika ta’ konċentrazzjoni skont l-LS 79.08, apparti li jieħu ħsieb li din tkun ippubblikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern u f’ġurnal ta’ kuljum, jekk ukoll jeħux ħsieb li l-istess notifika tkun avżata fuq il-website tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jekk mhux qed isir hekk, x’inhi r-raġuni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li skont regolament 5(4) tar-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet, id-Direttur Ġenerali għandu obbligu li jippubblika n-notifika fil-Gazzetta tal-Gvern u f ’gazzetta ta’ kuljum. B’danakollu infurmata li mis-sena l-oħra, l-Uffiċċju beda jippublika l-istess notifika wkoll fuq il- website tal-Awtorità.

MCCAA – abbonament elettroniku

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) toffrix il-faċilità li min hu interessat jista’ jabbona b’mod elettroniku biex l-avviżi, deċiżjonijiet pubbliċi, newsletters, gwidi u tagħrif ieħor għall-konsumaturi eċċ. jiġu notifikati lilu b’mod elettroniku bħalma jsir f’każ ta’ diversi websites oħra?

Response (DALLI, HELENA)

Il-materjal kollu maħruġ għall-pubbliku mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) huwa disponibbli fuq il-website tal-istess Awtorità. Aktar tard din is-sena, il-konsumaturi se jkollhom l-possibbiltà, fost servizzi oħra, li jabbonaw mal-website tal-MCCAA sabiex minn żmien għal żmien ikunu jistgħu jirċievu numru ta’ notifiki, tagħrif u aħbarijiet elettronikament.

MCCAA – ingaġġ ta’ impjegati ġodda permezz ta’ sejħa interna

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30917 li kienet titlob lill-Ministru tgħid kemm huma, liema huma u xi gradi huma l-pożizzjonijiet fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li ġew mimlija permezz ta’ sejħa interna minn Jannar 2013 sal-lum, u biex f’kull każ, telenka l-kwalifiki ta’ kull persuna li qed tokkupa dawn il-karigi, tgħid mil-liema lokalità ġejjin l-individwi li mlew dawn il-karigi, u tgħid x’inhu l-pakkett tas-salarju u perkaċċi marbut ma’ kull pożizzjoni, tista’ l-Ministru tagħti din l-informazzjoni kollha mitluba inkluż il-lokalitajiet li ġejjin minnhom l-individwi li mlew il-karigi? Tista’ tgħid jekk hemmx xi diffikultà biex tagħti din l-informazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn izjed xi nzid mal-mistoqsija parlamentari 30917.

MCCAA — inspectors

Question

B' referenza għall-aħħar żewġ sejħiet li ħarġu biex daħlu l-aħħar żewġ gruppi ta' inspectors fl- Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikanti wara kull sejħa u kemm għaddew f'kull call rispettivament? Kemm daħlu inspectors? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn l-inspectors u tista’ tgħid ukoll x’pakkett finanzjarju inkluż perkaċċi għandhom?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MCCAA — individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kap tas-Segretarjat tagħha li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux ukoll rwol uffiċjali fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Tista’ tgħid jekk ir-rwol ta’ dan l-individwu f din l-Awtorità hux b xi mod relatat mar-riżorsi umani u l-ingaġġ ta’ ħaddiema ġodda mal-Awtorità? Jekk l-individwu m’għandu l-ebda rwol uffiċjali, tista’ tispjega l-iskop tal-preżenza spissa tiegħu fil-bini ta’ din l-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-persuna msemmija huwa l-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru. Ir-riżorsi umani u l-ingaġġ ta’ ħaddiema mal-Awtorità huma f’idejn ic-chairperson tal-Awtorità u l-istaff tagħha.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — Performance Bonuses

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw performance bonuses fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha ? F'liema kariga kienu dawk li ħadu l-performance bonuses? Kemm kien il-perċentwal tal-bonus mogħti f’kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-hlas ta’ performance bonuses huwa meqjus bhala data personali u ghaldaqstant, din l-informazzjoni ma tistax tinghata.

Ċertifikat dwar ir-Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ċertifikat dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija Energy Performance Certificate (EPC) huwiex neċessarju għal min ikun kiseb permess tal-iżvilupp iżda ma jkollux ħsieb li jikkonsma l-permess u lanqas ibiegħ?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Għawdex – Iż-Żebbuġ – Triq is-Sagħtrija – wiċċ bit-tarmak

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28735, issa li għaddew kważi ħames xhur minn meta ngħatat it-tweġiba, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sejħa għall-offerti biex Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ, Għawdex tingħata wiċċ bit-tarmak, inħargitx? Jekk is-sejħa għall-offerti nħarġet, meta hu mistenni li jibda x-xogħol u meta hu mistenni li jispiċċa?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – Materjal Stampat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie ppubblikat materjal stampat mill-Ministeru tagħha u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn April 2013 sal-lum? F’kull każ, tista’ l-Ministru tgħid x’kien is-suġġett tal-pubblikazzjoni, jekk kellux messaġġ mill-Ministru jew ta’ xi politiku ieħor, kemm-il kopja ġew stampati u fejn tqassmu? F’kull każ, tista’ l-Ministru tgħid ukoll kemm swiet il-pubblikazzjoni u fejn ġiet stampata?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – Materjal Stampat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il Ministeru tagħha u l-entitajiet li jaqgħu taħtha nefqu fuq reklamar jew xi xorta ta’ avviżi oħra bi ħlas fuq il-media stampata, online, fuq ir-radju u awdjoviżiva minn April 2013 sal-lum? F’kull każ tista’ tgħid x’kien is-suġġett u x’kienet in-nefqa?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — Ħaddiema b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħaddiema li jaħdmu ma’ kuntrattur

Question

Tista’ l-Ministru tinvestiga permezz tad-dipartiment konċernat jekk ħaddiema li qed jaħdmu bil-kuntratt mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-iskejjel tal-Gvern qed jaqbdu f’idejhom €688.16 kull erba’ ġimgħat meta huma qed jaħdmu full time imma reġistrati bħala part-time jekk ħadux iż-żieda fil-paga kif stipulat bil-liġi u jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol humiex skont il-liġi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg qed jinvestiga dan il-każ.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — ingaġġ ta' persuni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati persuni (mhux persons of trusts jew persuni f'positions of trust) f'Dipartimenti u kumpanniji parastatali li jaqgħu taħt it-responsabilità tagħha minn Marzu 2013 'il hawn maqsuma bit-tip ta' kuntratt mogħti - definit jew indefinit - u anki bir-rwol li ddaħħlu fih?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid — ħwienet

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk humiex jiġu kkonsultati sidien il-ħwienet tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid invista tal-inkonvenjenzi li għaddejjin minnhom tul ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li saru numru ta’ laqgħat mal-operaturi kif ukoll mal-GRTU dwar dan il-proġett. Dawn id-diskussjonijiet kienu jsiru b’mod regolari mill-2015 sal-2017 qabel beda l-proġett. Intbaghat wkoll cirkulari lill-operaturi nkwestjoni kemm fuq iddevjar ta Traffiku kif ukoll fuq il-Loading and loading Bays.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali — deċiżjonijiet tal-Qrati kostituzzjonali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30630 fejn staqsejt dwar il-liġijiet li għandhom jiġu emendati wara d-deċiżjonijiet tal-Qrati Kostituzzjonali ta’ April 2015 u Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), u peress li fl-ispjega tagħha tat-3 ta’ Jannar 2017 li l-Ministru bagħtet lill-Oppożizzjoni, wara li fl-1 ta’ Diċembru 2016 kont tlabt għar-raġunijiet li wasslu l-Gvern biex jipproponi emendi kostituzzjonali u m’għażilx toroq oħra, kienet ukoll indikat li għandu jitbiddel l-Att dwar l-Kompetizzjoni u l-Avviżi Legali li jaqgħu taħtu, tista’ l-Ministru tispjega, peress li dan l-Att jaqa’ wkoll taħt ir-responsabbilità tagħha, għalfejn dan ma ġiex indikat li se jiġi emendat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll jekk l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Avviżi Legali li jaqgħu taħtu humiex ukoll se jiġu emendati?

Response (DALLI, HELENA)

kif diġà ġie indikat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 30630, l-Att dwar il-Kompetizzjoni se jiġi emendat. L-Att dwar l-Affarjiet tal-Konsumatur se jiġi emendat ukoll sabiex jirrifletti l-amendi fl-Att dwar l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur. Barra minn hekk, minkejja li s-sentenza msemmija hawn fuq m’għandhiex effett dirett fuq l-Uffiċċju għall-Affarjiet tal-Konsumatur, qed jiġi kkonsultat l-Avukat Ġenerali sabiex jiġu evalwati possibilitajiet ta’ tibdil fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi fl-Att dwar l-Affarjiet tal-Konsumatur.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali — deċiżjonijiet tal-Qrati kostituzzjonali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30630 fejn staqsejt dwar il-liġijiet li għandhom jiġu emendati wara d-deċiżjonijiet tal-Qrati Kostituzzjonali ta’ April 2015 u Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), peress li fl-ispjega tat-3 ta’ Jannar 2017 li l-Ministru bagħtet lill-Oppożizzjoni, wara li fl-1 ta’ Diċembru 2016 kont tlabt għar-raġunijiet li wasslu biex il-Gvern jipproponi emendi kostituzzjonali u m’għażilx toroq oħra, kienet wkoll indikat li għandu jitbiddel l-Att dwar l-Kompetizzjoni u l-Avviżi Legali li jaqgħu taħtu, tista’ l-Ministru tikkonferma li apparti l-Att, se jiġi emendat avviż legali wieħed biss minn sebgħa?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jkun il-waqt jingħataw id-dettalji.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali — deċiżjonijiet tal-Qrati kostituzzjonali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30630 fejn staqsejt dwar il-liġijiet li għandhom jiġu emendati wara d-deċiżjonijiet tal-Qrati Kostituzzjonali ta’ April 2015 u Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), tista’ l-Ministru tgħid hemmx il-ħsieb li tinħareġ White Paper u jekk iva meta se jkun dan?

Response (DALLI, HELENA)

Ninoforma lill-Onor. Interpellant li meta jasal il-waqt jingħataw id-dettalji.

Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur – każijiet deċiżi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew deċiżi każijiet mit-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur mill-bidu ta’ din is-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ġew deċiżi 17-il każ mit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur mill-bidu ta’ din is-sena sal-ġurnata ta’ din il-mistoqsija parlamentari.

MCCAA — Direttorat ta’ Market Surveillance fl-Entità Regolamenti Tekniċi – uffiċjali ġodda

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32004, tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu uffiċjali ġodda mad-Direttorat ta' Market Surveillance fid-Diviżjoni Regolamenti Tekniċi fl-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fl-aħħar sena u dan peress li din il-mistoqsija ma ġietx imwieġba? Tista' tgħid ukoll minn liema lokalitajiet ġejjin dawn l-uffiċjali ġodda u dan peress li lanqas din il-parti tal-mistoqsija ma ġiet imwieġba?

Response (DALLI, HELENA)

Erbgħa. Għal raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ data ma jistax jingħata l-lokalità tagħhom.