Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti akkużati li biegħu xorb alkoħoliku lil tfal taħt l-eta' din is-sena u x'weħħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2002, kien hemm żewġ sidien ta` ħwienet b`liċenzja għall-bejgħ bl-imnut ta` inbejjed, birra jew likuri li ittellgħu il-Qorti mill-Pulizija talli biegħu alkoħol lill-persuni ta` anqas minn sittax-il sena. Wieħed kien liberat, filwaqt li l-każ l-ieħor għadu pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jaħdmu bla permess din is-sena? Kemm minn dawn kienu qed jirreġistraw għax xogħol? Kemm kienu Maltin u kemm barranin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru 2002 kien hemm 1,067 persuna Maltija u 42 persuna barranija li nstabu jaħdmu mingħajr ma' kienu ssottomettew l-engagement form meħtieġa lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Minn dawn 252 kienu qed jirreġistraw għax-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u x'rimunerazzjoni jieħdu wieħed wieħed u x'allowance għandhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bl-ismijiet ta' persuni li jaħdmu mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid fis-sistema tar-reviżjonijiet tal-karti ta' l-eżami tal-bord tal-Matsec, min qed jerġa' jara u jimmarka l-karta jkun diġa` raha u mmarkaha f'xi stadju meta tkun qed tiġi mmarkata għall-ewwel darba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċedura li l-MATSEC Board miexi biha fil-każ tar-reviżjoni tal-karti ta' l-eżami, hi dik stabbilita fl-Att dwar l-Edukazzjoni Kap 327 ippubblikat fis-Suppliment tal-Gazzetta tal-Gvern ta' Malta Nru 17299 tal-11 ta' Ottubru 2002 fejn tgħid:
"9. (1) Il-kandidati li ma jkunux sodisfatti li l-grad mogħti lilhom f'xi suġġett jirrappreżenta l-livell tagħhom fl-eżami jistgħu jitolbu reviżjoni ta' l-iskritt tagħhom ta' l-eżami.
(2) Talbiet bħal dawn iridu jsiru lir-Reġistratur, fuq il-formula provduta minnu u flimkien mal-ħlas stabbilit, fil-perjodu indikat b'avviż li jinħareġ ftit wara l-pubblikazzjoni tar-riżultat. F'każijiet fejn ir-reviżjoni ta' l-iskritti ta' l-eżami tirriżulta fi grad rivedut, il-ħlas imħallas jingħata lura lill-kandidat.
(3) Meta jkun hemm talba għal reviżjoni ta' l-iskritt ta' l-eżami trid tiġi segwita din il-proċedura:
(a) jinħatar marker addizzjonali mis-Senat,
(b) il-marker addizzjonali jerġa' jdur l-iskritts relevanti u jekk
jaqbel mal-marka/grad mogħti, jikkonferma l-marka/grad
maċ-Chairperson tal-Panel tal-Markers,
(c) jekk il-marker addizzjonali jħoll li l-marka/grad għandu
jinbidel irid jinforma liċ-Chairperson tal-Panel tal-Markers.
F'dan il-każ, iċ-Chariperson, il-marker addizzjonali u l-
marker/s ta' dik il-parti tal-karta li fuqha hemm nuqqas ta'
qbil iridu jiltaqgħu, jiddiskutu l-parti relevanti tal-karta u
jippruvaw jilħqu ftehim fuq il-marka/grad li għandu jingħata.
Jekk ebda ftehim ma jintlaħaq, jittieħed vot minn dawk il-
membri kkonċernati skond il-provvediment tar-Regolamenti
ta' l-Eżamijiet ta' l-Universia`, 1997; u
(d) f'kull każ li tintalab reviżjoni ta' l-iskritts, il-marker
addizzjonali jrid jikteb rapport qasir, li kopja tiegħu
tintbagħat lill-kandidat ikkonċernat."
Il-marker addizzjonali ma jkunx ra jew immarka l-karta qabel.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati pubbliċi li wieġbu s-sejħa għal reklutaġġ mal-Kavallier ta' San Ġakbu? Kemm intgħażlu minnhom? Meta bdew jaħdmu? Meta ngħataw il-kuntratt bil-kundizzjonijiet tax-xogħol? X'kienu dawn il-kundizzjonijiet offruti? Kemm għad fadal mill-impjegati pubbliċi jadħmu fil-Kavallier ta' San Ġakbu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw biex jattendu l-kors għal spetturi tal-pulizija li l-applikazzjoni għalqet f'Awissu? Kemm kienu surġenti jew kuntistabbli tal-pulizija? Minn dawk li applikaw, hemm min hu ggradwat? Meta hemm il-ħsieb li jibda dan il-kors?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 60 applikant li wieġbu għas-sejħa għal applikazzjonijiet għall-postijiet ta` Spetturi fil-Korp tal-Pulizija li kienet ġiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-25 ta` Ġunju 2002. Minn dawn 34 huma membri tal-Korp tal-Pulizija - 31 surġent u 3 kuntistabbli, filwaqt li 33 minn dawk kollha li applikaw huma gradwati. Dan il-kors huwa mistenni li jibda wara li dawn l-applikazzjonijiet ikunu ipproċessati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti/ġlied eċċ. f'Paceville li wasslu lill-pulizija ttella' nies il-qorti mill-bidu tas-sena sal-lum? Kemm kienu barranin u ta' liema nazzjonalita`? Liema kienu l-akkużi prinċipali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena tressqu quddiem il-Qorti 62 persuna b`konsegwenza ta` ġlied f`Paċeville. Minn dawn 4 kienu Taljani, 2 Eġizzjani u 5 Libjani. L-akkużi prinċipali kienu jikkonsistu offiżi fuq il-persuna li f`każ minnhom kienet segwita bil-mewt.
Persuna ta' nazzjonalita` barranija li ilha toqgħod Malta aktar minn ħames snin u li għandha permess regolari li jaħdem hawn, jista' japplika biex jieħu ċittadinanza Maltija? Jekk fl-affermattiv, jista' jibqa' iżomm ukoll iċ-ċittadinanza tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Persuna barranija li tkun ilha tgħix hawn Malta għal aktar minn ħames snin hija eliġibbli biex tapplika għac-ċittadinanza Maltija.
Jekk talba simili tintlaqax jew tiġix miċħuda jiddependi mill-Linji Gwida li hemm stabbiliti dwar l-għoti taċ-ċittadinanza Maltija.
Jista' jgħid kemm intnefqu dan l-aħħar biex jinxtara l-ktieb Abacus tal-Matematika għall-iskejjel primarji? Xi proċeduri ntużaw biex jinxtraw dawn il-kotba u ssir din in-nefqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa fl-iskema Abacus għall-iskejjel primarji għas-sena kurrenti laħqet is-somma ta' mija u tmienja u għoxrin elf lira Maltin (LM128,000).
L-għażla ta' din l-iskema saret wara studju ntensiv dwar x'hawn fis-suq fil-qasam tal-matematika li jsita' jaqdi l-bżonnijiet ta' l-istudenti Maltin fid-dawl tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali.
Ix-xiri sar direttament minn għand id-dar tal-pubblikazzjoni fl-Ingilterra peress li max-xiri kienu nvoluti negozjati dettaljati:
1. għal taħriġ ta' l-għalliema fl-aħjar użu tas-sistema minn esperti
mibgħuta u mħallsa mid-dar tal-pubblikazzjoi, u
2. għal adattament ta' l-iskema għal studenti Maltin bħal, per
eżempju, fejn jidħlu flus u qisien.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm hospital auxiliaries jaħdmu f'dipartimenti oħra barra dak tas-saħħa u ta' l-anzjani? Meta sar dan iċ-ċaqliq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta` Hospital Auxiliaries li ma jaħdmux fis-settur tas-Saħħa huwa 24.
Iċ-ċaqliq sar kif jidher hawn taħt:
1991
1
1993
1
1995
1
1996
4
1997
3
1998
2
1999
5
2000
2
2001
2
2002
3
TOTAL
24
Common Agricultural Policy — Tariffi fuq prodotti tal-ħalib
Question
B'referenza għall-common agricultural policy jiċħad jew jikkonferma l-Ministru li t-tariffa/levy fuq l-importazzjoni ta' dairy products barra mill-UE hija 87.7% u se tibqa' hekk anke wara s-sena 2010?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant għandu jikseb din l-informazzjoni direttament mill-Unjoni Ewropea.
Dwar jekk hux se tibqa' ċ-ċifra tal-levy kif imsemmija fil-mistoqsija, l-Onor. Interpellant jaf li dawn il-valuri jew mekkaniżmi ta' levies/tariffi jistgħu jinbidlu minn żmien għal żmien.
Każ klassiku kien l-export subsidy fuq il-prodotti tal-majjal li dwarhom l-istess Interpellant tant kien ibeżża' li dawn ma konniex se nkomplu nibbenefikaw minnhom bi sħubija fl-Unjoni Ewropea.
L-export subsidy fuq il-prodotti tal-majjal tneħħiet f'Lulju 2000 u għaldaqstant dan il-benefiċċju ntilef allavolja għadna ma sirnix membri. L-istess jista' jgħodd għal kull mekkaniżmu tas-suq preżentament applikabbli mill-EU fuq kull settur/prodott agrikolu.
Common Agricultural Policy — Tariffi fuq prodotti ta' l-ikel proċessati
Question
B'riferenza għall-common agricultural policy jiċħad jew jikkonferma l-Ministru li t-tariffa/levy fuq l-importazzjoni ta' processed foods barra mill-UE hija 28.8% u se tibqa' hekk anke wara s-sena 2010?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant għandu jikseb din l-informazzjoni direttament mill-Unjoni Ewropea.
Dwar jekk hux se tibqa' ċ-ċifra tal-levy kif imsemmija fil-mistoqsija, l-Onor. Interpellant jaf li dawn il-valuri jew mekkaniżmi ta' levies/tariffi jistgħu jinbidlu minn żmien għal żmien.
Każ klassiku kien l-export subsidy fuq il-prodotti tal-majjal li dwarhom l-istess Interpellant tant kien ibeżża' li dawn ma konniex se nkomplu nibbenefikaw minnhom bi sħubija fl-Unjoni Ewropea.
L-export subsidy fuq il-prodotti tal-majjal tneħħiet f'Lulju 2000 u għaldaqstant dan il-benefiċċju ntilef allavolja għadna ma sirnix membri. L-istess jista' jgħodd għal kull mekkaniżmu tas-suq preżentament applikabbli mill-EU fuq kull settur/prodott agrikolu.
B'riferenza għal każ ta' għaxar nursing aides li jaħdmu fl-isptar San Vinċenz de Paule fejn kien hemm nuqqas ta' qbil dwar id-data ta' l-appointment tagħhom u issa jidher li anke d-direttur tad-dipartiment għall-anzjani rrakkomanda bidla fid-data ta' dawn l-appointments, jista' il-Viċi Prim Minaitru jgħid meta fil-fatt se jingħataw dawn l-appointments, u hux se jingħataw ukoll l-arrettrati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant għadu s-suġġett ta' diskussjonijiet bejn id-Dipartiment responsabbli u l-Management and Personnel Office.
Jista' il-Ministru jara li d-dawl li hemm f'Kortina San Nikola, Bormla jibda jixgħel fid-dlam biss peress li ilu jixgħel lejl u nhar għal numru ta' xhur?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
B'riferenza għall-common agricultural policy, jiċħad jew jikkonferma l-Ministru li t-tariffa /levy fuq l-importazzjoni tat-textiles/wearing apparel barra mill-Unjoni Ewropea hija ta' 10.2% u se tibqa' hekk wara s-sena 2010?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li normalment l-importazzjoni tat-textiles/wearing apparel ma tiġix inkwadrada fil-kuntest tal-Common Agricultural Policy ta' l-Unjoni Ewropeja.
Rigward il-medja tad-dazju applikat bħalissa mill-Unjoni Ewropeja fuq l-importazzjoni tal-prodotti ikkonċernati, sa kemm ma hemmx ftehim partikulari bħal fil-każ tat-Turkija, l-Onorevoli interpellant għandu jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 36162.
L-indikazzjoni illum hija li dawn it-tariffi ser ikunu sostanzjalment anqas fil-futur qrib. Dan skond il-pożizzjoni favur il-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-kummerċ internazzjonali li qed tadotta l-Unjoni Ewropeja fin-negozjati li qed isiru fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinija tal-Kummerċ wara l-konferenza li saret f'Doha is-sena li għaddiet.
Common Agricultural Policy — Tariffi fuq Xorb u Tabakk
Question
B'riferenza għall-common agricultural policy, jiċħad jew jikkonferma l-Ministru li t-tariffa/levy fuq l-importazzjoni ta' beverages and tabacco barra mill-Unjoni Ewropea hija ta' 8.3% u se tibqa' hekk wara s-sena 2010?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li d-definizzjoni "beverages and tobacco" hija wiesgħa ħafna. Għal tabella li turi l-medja tad-dazju applikat bħalissa mill-Unjoni Ewropeja fuq l-importazzjoni tal-prodotti konċernati, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 36161.
Illum l-indikazzjoni hija li fil-futur dawn it-tariffi ser jitnaqqsu. Dan minħabba l-pożizzjoni favur il-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-kummerċ internazzjonali li qed tadotta l-Unjoni Ewropeja fin-negozjati li qed isiru fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinija tal-Kummerċ wara l-konferenza li saret f'Doha is-sena li għaddiet.
Common Agricultural Policy — Tariffi fuq injam u prodotti tal-karti
Question
B'riferenza għall-Common Agricultural Policy, jiċħad jew jikkonferma l-Ministru li t-tariffa / levy fuq l-importazzjoni wood / paper products barra mill-Unjoni Ewropea hija ta' 2.4% u se tibqa hekk wara s-sena 2010?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li d-definizzjoni "paper products" tinkludi ħafna prodotti differenti u diffiċli wieħed jikkalkula tariffa medja mingħajr ma jidentifika l-prodotti speċifiċi li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant. Fin-nuqqas ta' kalkolu ikar eżatt, iċ-ċifra ikkwotata tidher rejalistika.
Illum l-indikazzjoni hija li fil-futur dawn it-tariffi ser jitnaqqsu . Dan minħabba l-pożizzjoni fuq il-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-kummerċ internazzjonali li qed tadotta l-Unjoni Ewropeja fin-negozjati li qed isiru fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinija tal-Kummerċ wara l-konferenza li saret f'Doha is-sena li għaddiet.
Common Agricultural Policy — Tariffi fuq petrol u kimiki
Question
B'referenza għall-Common Agricultural Policy, jiċħad jew jikkonferma l-Ministru li t-tariffa / levy fuq l-importazzjoni tat-Petrol / Chemicals / Minerals barra mill-Unjoni Ewropea hija ta' 3.2% u se tibqa' hekk wara s-sena 2010?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li normalment l-importazzjoni tal-petrol/chemicals/minerals ma tiġix inkwadrata fil-kuntest tal-Common Agricultural Policy ta' l-Unjoni Ewropeja.
Id-definizzjoni petrol/chemicals/minerals hija wiesgħa wisq biex tista' tiġi ikkalkulata tariffa medja li fil-prattika tagħmel sens.