Jista' il-Ministru ġentilment jinfurmani meta hu maħsub li l-kuntrattur jibda xi xogħol fuq it-tibdil ta' mains ta' l-ilma fi triq l-Imriekeb, Wied il-Għajn? Liema toroq se jsiru fl-istess tender flimkien ma' din it-triq? Meta se jibda dan ix-xogħol u minn liema triq se jibda l-kuntrattur? Meta hu maħsub li jintemm dan ix-xogħol bejn wieħed u ieħor?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi Triq il-Qawwara, Triq Wistin Born u Triq l-Imriekeb huma t-tlett toroq li se jiġu asfaltati skond il-kuntratt imsemmi mill-Onor. Interpellant. Ix-xogħol ta' tibdil ta' mains beda fil-11 ta' Novembru fi Triq il-Qawwara. Ix-xogħol ta' kostruzzjoni mistenni li jdum għaddej 10 ġimgħat u għandu jkun lest fil-bidu ta' Frar.
Jistgħu jinżabru s-siġar fi triq Vilhena Floriana fejn binja Filippo Sciberras?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ż-żabra tas-siġar li hemm fi Triq Vilhena, Floriana, fejn il-Binja Filippo Sciberras, saret f'Ottubru 2001. Issa li l-Consortium ħa r-responsabbilta' ta' dan ix-xogħol, din it-talba ġiet reġistrata fil-programm.
Jistgħux il-garages taħt binja Filippo Sciberras Floriana joħorġu b'tenders għall-użu ta' l-inkwilini/sidien ta' l-appartamenti fl-istess binja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-garages indikati mill-Onor. Interpellant huma meħtieġa mill-Awtorita' tad-Djar li diġa' qed tużhom bħala stores, arkivji għad-dokumenti, sala għal konferenzi u biex jiġu ppubblikati skemi kif ukoll għall-parkeġġ ta' karozzi ta' l-impjegati ta' l-Awtorita'. Għalhekk m'hemmx ħsieb li jiġi attwat is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant.
Tista' tiġi rranġata triq Għargħur, San Ġwann minħabba fil-kundizzjoni ħażina li tinsab fiha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali qed jimplimenta programm għal asfaltar ta' toroq ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokalita' isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-Ministeru tiegħek biex jiġi stabbilit jekk l-operatur Grieg prospetttiv tal-lottu pubbliku huwiex qed jiġi ndagat għall-ħasil tal-flus maħmuġin flimkien ma' irregolaritajiet oħra kif irrapurtat fl-istampa internazzjonali u lokali?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qegħda tiġi miġbura nformazzjoni f'dan ir-rigward min fonti kompetenti u eventwalment jintalbu opinjoni min fonti għaldaqstant kompetenti.
X'kien il-vot globali fis-snin 2000, 2001 u 2002 għall-budget taċ-Child Development and Assessment Unit (CDAU)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iċ-Child Developmnet and Assessment Unit taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru għas-Saħħa, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
X'kien il-vot globali fis-snin 2000, 2001 u 2002 għall-budget ta' l-iskejjel speċjali f'Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-vot globali fis-snin 2000, 2001 u 2002 għall-budget ta' l-iskejjel speċjali huwa kif se nsemm:
2000 2001 2002
Lm731,000 Lm695,000 Lm981,000
Kemm tħallsu flus tal-BICAL s'issa u meta se jitħallsu l-kumplament tal-flus dovuti lid-debituri?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' flus li s'issa tħallsu lid-depożitanti u kredituri tal-BICAL sal-lum jammonta għal Lm1,825,899. Rigward meta sa jitħallsu l-kumplament tal-flus dovuti lil dawn id-depożitanti u kredituri, deċiżjoni tittieħed meta jiġi stabbilit u realizzat skond il-kawżi pendenti li hemm il-Qorti l-ammont ta' flus li jappartjenu lill-BICAL.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi second hand mis-sena 2000 sal-lum xahar b'xahar? Jista' jgħid mil-liema pajjiżi oriġinaw? X'inhuma l-proċeduri sabiex persuna tkun tista' timporta karozza second hand?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dwar vetturi second hand li ġew liċenzjati mis-sena 2000 sa llum.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kellux ilmenti li l-aħħar lot ta' asthma reliever bl-isem Salamol m'hux qed ikollhom l-effett mixtieq bħalma kien ikollhom il-lots ta' qabel? Jaf il-Ministru li minħabba dan, ċerti pazjenti qed ikollhom jirrikorru għal spiżeriji privati sabiex jixtru asthma relievers li verament ikollhom effett?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li sal-lum id-Dipartiment tal-Farmaċija ma rċieva l-ebda lment li l-aħħar lot ta` Salamol inħaler mhux qed ikollhom l-effett mixtieq.
B'referenza għall mistoqsija parlamentari 36403 liema domanda tikkonċerna premises kantuniera ma' St. Margaret Str. San Ġwann hekk kif iddur ma' Triq il-Fuxa, San Ġwann, jista' il-Ministru jinnota li s-sidien li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament applikaw biex jibnu it-tielet sular liema permess gie rrifjutat u huma xorta komplew jibnu penthouse u flat żgħir li jidher min-naħa ta' wara tas-supermarket li ismu qed jintbagħat separatament? X'passi ttieħdu dwar dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ittieħdet azzjoni t`infurzar skond l-Att Numru 1 dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp u inħarġu separatament tlett Avviżi biex Tieqaf u tat-Twettieq (ECF 871/02, ECF 872/02, ECF 873/02) kontra il-persuna indikata u dan talli ikkonverta washrooms bħala penthouse fuq kull wieħed mit-tlett blokki ta` erba` flats il-wieħed u dan kuntrarjament għal kif kien approvat fil-permess ta` żvilupp PA 5329/97 maħruġ fit-23 t`April 1998.
Infurmat ukoll illi sa llum penthouse waħda biss mit-tlieta in kwistjoni hija kompluta (finished) mentri t-tnejn l-oħra għadhom fi stat ta` shell form. Il-MEPA ser tibqa` ssegwi il-każ sa ma l-proċeduri t`infurzar ikunu konklużi skond il-liġi.
B'referenza għall mistoqsija parlamentari numru 36407, u cioe' jafx il-Ministru li f'Naxxar Road, San Ġwann hemm żewġ stabbilimenti separati (wieħed confectioner u l-ieħor supermarket) li għandhom roller door bejniethom li jinfetaħ kull nhar ta' Ħadd biex it-tnejn jiftħu taparsi bħala confectioners minkejja l-liċenzji separati li għandhom, x'passi ħadet il-pulizija dwar dan il-każ s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għamlet diversi spezzjonijiet tul l-aħħar Ħdud, fejn irriżulta illi kemm il-confectionery, is-supermarket u l-grocery, li hemm fit-triq imsemmija kienu magħluqin. Infurmat ukoll illi ma rriżultax li hemm xi stabbilimenti li għandhom roller door bejniethom. Għaldaqstant ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji sabiex inkun nista` nivverifika ulterjorment.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra l-liċenzji u l-permessi kollha relattivi għan-negozju li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Peress illi b`effett mill-1 ta` Mejju ta` din is-sena, il-liċenzji ta` dan it-tip ta` negozju ma baqgħux jinħarġu mill-Pulizija, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ il-Ministru jgħid x'inhu iżomm lill-Kummissarju tal-Puliizija milli joħrog liċenzja tal-kaċċa lill-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament meta dan għandu l-kondotta tiegħu nadifa żgur għal dawn l-aħħar 20 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi peress li reċentement il-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant instabet ħatja ta` ksur tar-regolamenti dwar il-kaċċa, it-talba tiegħu ma tistax tiġi ikkunsidrata.
Jista’ l-Ministru jgħid lil-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar meta beħsiebu jagħti wiċċ tarmac lit-Triq Arznell San Pawl l-Baħar minħabba is-sitwazzjoni prekarja tagħha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Naħseb li l-Onor. Interpellant għandu bżonn jiddistingwi x'inhu x-xogħol li għandu jagħmel Kunsill Lokali, minn dak li jsir mill-Gvern Ċentrali. Minbarra hekk, konvint li l-Onor. Interpellant jaf x'inhu l-mod li biħ jaħdmu l-Kunsilli Lokali.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-persuna li isimha qed jintbagħat under separate cover għadha kif ġiet maħtura konsulenta mal-Ministeru tiegħu? X’ser ikun ix-xogħol tagħha? Kemm ser tkun mistennija taħdem sigħat fix-xahar? X’ser ikun is-salarju tagħha bħala advisor? X’perjodu ta’ żmien ikopri l-kuntratt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kuntratt fuq bażi part-time tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant bħala konsulenta dwar affarijiet tal-Komunita' Ewropeja ġie estiż għal tnax il-xahar b'effet mis-17 ta' Ottubru 2002.
Din il-persuna mistennija taħdem mill-anqas għal 30 siegħa fix-xahar u s-salarju tagħha hu ta Lm3,600 fis-sena.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-persuna li isimha qed jintbagħat under separate cover ġiet maħtua bħala konsulent mal-Privatisation Unit? X’ser ikun ix-xogħol speċifiku tagħha? Kemm ser tkun mistennija taħdem sigħat fix-xahar? X’ser ikun is-slarju tagħha bħala konsulent? X’perjodu ta’ żmien ikopri l-kuntratt?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Unit ma' mpjegat lill-ħadd b'dak l-isem.
Jista` l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu mal-fondazzjoni għas-servizzi mediċi. X'rimunerazzjoni jieħdu wieħed, wieħed u x'allowances għandhom.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li hemm sittin (60) persuna jaħdmu mall-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Dawn huma mqassmin kif ġej:
Corporate Office 12
Site Office 21
Sptar Monte Carmeli 13
Sptar Mater Dei 4
Sptar San Luqa 10
L-informazzjoni dwar ir-rinumerazzjonijiet u l-allowances tal-persuni li jaħdmu mal-Fondazzjoni hija skond kif jidher fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.