Jirriżultalu l-Ministru li l-Unjoni Ewropea se tkompli timponi l-protezzjoni tal-biedja tagħha permezz tat-tariffi protettivi f'levies wara s-sena 2010?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jindirizza il-mistoqsija tiegħu lill-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex jara li l-insetti riżultat ta' fawran ta' drenaġġ li hemm fil-plot li qed tinbena fil-kantuniera bejn triq il-Parroċċa u triq San Pawl in-Naxxar jiġu kkontollati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li saru minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fil-post indikat, plot li qiegħda fi Triq il-Parroċċa kantuniera ma` Triq San Pawl, in-Naxxar, irriżulta li kien hemm diversi tnixxijiet ta` drenaġġ li qiegħed jikkontribwixxi għal tali nkonvenjent. Diġa` ttieħdu l-passi neċesarji dwar ħafna minn dawn id-difetti, tant li saru diversi tiswijiet fuq is-sistema tad-dreanġġ ta` diversi residenzi fil-viċin. Baqa` biss nixxiegħa waħda li dwarha qed isir l-istħarriġ meħtieġ biex jiġi allokat l-għajn.
Fuq ir-rigward ta` insetti fil-plot indikat, intbagħat avviż lis-sid biex dan ineħħi l-ilma li nġema partikolarment wara x-xita li għamlet.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti b'diżabilita' fl-universita', u fl-MCAST, fil-Junior Collage u fl-iskola Giovanni Curmi? Jista' jgħid ukoll fl-istituzzjonijiet hawn fuq imsemmija x'inhi l-popolazzjoni ta' l-istudenti kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar mill-istituzzjonijiet kollha tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li ma jibqax isir parking tal-karozzi fl-aktar parti wiesgħa ta' sqaq it-Tramuntana Ħal Tarxien, minħabba li meta jkunu jridu jduru bil-karozzi biex joħorġu mill-isqaq qed isibuha ferm diffiċli minħabba li jkun hemm ipparkjati l-karozzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lil-Awtorita' dwar it-Trasport biex tiċċekja t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant sabiex jiġi deċiż xinhu l-aħjar li jsir.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu skejjen tal-klandestini din is-sena? Jista' jgħid f'liema kundizzjoni huma, xi kemm jiswew il-waħda u xi ħsieb hemm li jsir bihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm sittax (16) -il dgħajsa involuta fit-traġitt ta` klandestini. Tnejn kienu suġġett ta` operazzjoni ta` salvataġġ mill-Forzi Armati wara li kienu f`diffikultajiet. Waħda minnhom kienet għerqet waqt il-ħidma ta` salvataġġ, filwaqt li l-oħra għadha qed tkun miżmuma sakemm isiru l-investigazzjonijiet. Mill-erbatax l-oħra li kienu daħlu Malta bil-klandestini, waħda kienet ġiet ritornata lil sidha, oħra tkissret mal-blat waqt il-wasla, filwaqt li l-oħrajn ġew eżebiti fil-proċeduri quddiem il-Qorti li ordnat il-konfiska tagħhom. Għaldaqstant ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-aħħar parti tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ il-Ministru jara li jinbidlu żewġ tabelli (Traffic Signs) li jindikaw id-destinazzjoni ta' l-irħula f'’Tal-Barrani Road Tarxien waħda li hemm bejn l-iskola u l-pompa tal-petrol u l-oħra aktar `l isfel kif taqbeż l-ewwel sett ta’ traffic lights qabel iddur lejn triq San Anard għax litteralment huma mqaxxra u ma jidher xejn bil-konsegwenza li ħafna turisti jipiċċaw mitlufa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi d-Direttorat għat-Toroq diġa ħa l-passi biex dawn it-tabelli jiġu mibdula sabiex il-kitba li għandhom fuqhom tkun tista terġa tibda tinqara.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm oqbra ssiġillati fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata cioe' oqbra li s-sidien tagħhom ma jridux li jibqa jsir dfin fihom? Jista' jsir xi ħaġa biex wara ċertu żmien jerġgħu jibdew jintużaw biex isir użu sew mill-ispazju limitat li hemm fiċ-ċimiterju?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li jeżistu madwar 450 qabar issiġillat fiċ-ċimiterju ta` l-Addolorata.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, tali siġillar ta` oqbra jsir permezz ta` dokument notarili, liema dokument jista` jsir peress li l-qabar ikun inxtara minn sidien privati u b'hekk huwa kkunsidrat bħala propjeta` privata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn permessi validi bħalissa lill-persuni biex jarmaw f'open air market? Jista' il-Ministru jgħid kemm ilhom li reġgħu nfetħu l-applikazzjonijiet għal dawn it-tip ta' permessi, u kemm hemm pendenti applikazzjonijiet għal tali permessi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa hawn 70 permessi validi li ingħataw lil persuni biex jarmaw f'open air markets. L-applikazzjonijiet għal dawn it-tipi ta' permessi infetħu fit-2 ta' Mejju 2002 u fil-preżent hemm 96 applikazzjoni għal tali permessi li għad iridu jitħallsu.
Dwar liċenzji ta' dan it-tip li nħarġu mill-Pulizija sa l-aħħar ta' April ta' din is-sena, nissuġġerixxi li l-mistoqsija issir lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni mit-tuna pennings f'Malta minn mill-1 ta' Novembru 2001 sal-31 ta' Ottubru 2002. Kemm minnha marret għas-suq lokali u kemm għas-suq barrani? F'liema swieq barranin dan it-tonn ġie esportat, u f'liema ammonti għal kull suq?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni li qiegħed jitlob l-Onor. Interpellant hi ta' natura kummerċjali u l-pubblikazzjoni tagħha tista' tagħmel ħsara lill-operaturi għaliex f'dak il-perjodu kien hawn tnejn biss. It-tonn imrobbi fil-gaġeġ dejjem jispiċċa esportat lejn swieq Asjatiċi bħall-Korea u l-Ġappun għaliex hemm iġib l-aħjar prezzijiet.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il tunnellata tonn, mit-tuna pennings Maltin, l-Air Malta ġarret bejn l-1 ta' Novembru 2001 u l-31 ta' Ottubru 2002? Lejn liema destinazzjonijiet dan it-tonn twassal mill-Air Malta u liema kienu d-destinazzjonijiet finali ta' dan it-tonn?
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il round ta' ammunition ta' small weapons intuża f'sessjonijiet ta' taħriġ mill Forzi Armati ta' Malta matul is-sena 2001? U kemm-il shell intużat mill-kanuni fl-istess perjodu għall-istess għan?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma jidhirlix li l-informazzjoni ghandha tkun ippubblikata.
Forzi tas-Sigurta — Taħriġ f'każ ta' Diżastru Nazzjonali
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta sar l-aħħar eżerċizzju ta' prova għal xi tip ta' National Disaster mill-forzi tas-sigurta, pulizija u protezzjoni ċivili? Jekk sar f'hiex kien jikkonsisti?
Response (BORG, TONIO)
It-tliet korpi imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għandhom rwol differenti, pero` l-Att dwar il-Protezzjoni Ċivili jipprovdi sabiex f`każ ta` diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem, il-ħidma tat-tliet Forzi tiġi ko-ordinata mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Għalhekk tħejjew pjanijiet ta` kontinġenza li jiġu adoperati f`kull eventwalita`. It-taħriġ f`dawn il-każi jingħata "on the job" bħal ma ġara fil-każi tal-immigranti illegali kif ukoll riċentement fil-każ tal-għargħar. Il-koperazzjoni bejn it-tlett Forzi kif ukoll ma` Dipartimenti oħra tal-Gvern u Korpi Volontarji kienet waħda sodisfaċenti.
Ninsab infurmat illi l-aħħar eżerċizzju li kien jinvolvi il-forzi tas-sigurta` (il-Pulizija, l-A.F.M. u id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili) flimkien ma` entitajiet oħra, fosthom l-M.I.A., id-D.C.A. u l-awtoritajiet tas-saħħa, sar fis-6 ta` Ġunju 2002. Dan kien jitratta simulazzjoni ta` ajruplan f`diffikulta`.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nisa u rġiel impjegati bħala gwardjani lokali? Liema huma dawk il-lokalitajiet li għad m'għandhomx is-servizz tal-gwardjani lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onor. Interpellant hu mitlub li jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat peress illi l-Gvern ma jimpjegax gwardjani privati.
Peress li ftit ilu sar xi xogħol ta' tiswija fuq is-saqaf ta' l-appartament li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u peress li ssa li għamlet l-ewwel xita jidher li xorta waħda dawn is-soqfa għandhom joqtru ħafna, jista' il-Ministru jara li din il-ħsara tissewwa bis-serjeta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi fażi oħra ta' slum clearence proġettata għal triq San Mark Bormla? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid liema postijiet ser ikunu milquta u meta ser isir dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret applikazzjoni lill-Awtorita' Maltija għall-Ambjent u Ippjanar biex tkun żviluppata t-tielet fażi tal-proġett. Din tkopri ż-żewġ blokki bejn Triq Hanover, Triq Sta Liena, Hanover Hill, Triq l-Irlandiżi u Triq San Mark. Ix-xogħol hu maħsub li jinbeda fl-2005.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kellhom free lessons mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum l-istudenti tal-Form I fil-Junior Lyceum G. Despott? Jista' jaqsamhom separatament skond is-suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti m'għandhomx free lessons. Numru ta' lezzjonijiet lill-istudenti tal-Form I fil-Junior Lyceum G. Despott ma setgħux isiru minħabba mard ċertifikat ta' l-għalliema.
X'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar ħaddiema li jaħdmu mal-water services corporation u li jixtiequ jmorru jaħdmu mal-gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-kundizzjonijiet tal-haddiema tal-Gvern li huma “detailed” mal-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma huma regolati minn Att Nru XXIII tal-1991 (Parti V).
Talbiet li jsiru minn dawn il-haddiema ghal trasferiment jigu kkunsidrati fuq il-meriti taghhom, u skond il-htigijiet tas-Servizz Pubbliku.
B'referneza għall mistoqsija parlamentari preċedenti tiegħi fuq arbli tad-dawl ta' l-elettriku li jinsabu f'għalqa fis-Sqaq taċ-Ċaqma fi Triq tar-Rumi, M'Scala possibbli li l-Enemalta tinnota li l-arbli msemmija kellhom jinqalgħu madwar sena ilu u minkejja li kien inqala' wieħed, l-oħrajn baqgħu ma nqalawx? Billi dawn l-arbli huma ta' inkonvenjent għal sid l-għalqa, possibli tittieħed azzjoni biex dawn l-arbli jinqalgħu għax lis-sid ta' l-għalqa in kwestjoni qed itellfuh fix-xogħol tar-raba'? Jekk l-Enemalta qed issib problema biex issib fejn huma dawn l-arbli, tista' tikkuntatja lili biex nindikalhom fejn joqgħod sid l-għalqa.
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment u s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ġew mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta għall-kunsiderazzjoni tagħha.