Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #36461 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid sarx xi rapport lill-pulizija mill-awtoritajiet ta' l-iskola qed jintbagħat separatament, dwar studenta barranija li mingħajr provokazzjoni attakkat għalliem f'din l-iskola nhar it-Tlieta 22 ta' Ottubru? Jekk le, tista' ssir investigazzjoni mill-pulizija għaliex jidher li dan l-għalliem ta' eta' anzjana weġġa' sew u dan ukoll peress li xi membri ta' l-istaff li kellmuni dwar l-inċident huma inkwetati dwar dak li ġara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija, ġie ikkonfermat li kien hemm inċident bejn studenta barranija u għalliem. F`dan l-inċident l-għalliem sofra feriti ta` natura ħafifa u irrinunzja għal proċeduri kriminali kontra din l-istudenta.

Rabat — Għajn Qajjed - Ġnien Pubbliku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana x'ġara mill-ġnien pubbliku li kellu jsir fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed ir-Rabat fejn il-parti tal-housing kienu lestew il-pjanti matul l-1997 u l-1998? Hemm ħsieb li jsir fix-xhur li ġejjin u għaliex ma kien hemm ebda żviluppi matul dawn l-aħħar erba' snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li ma kienu saru ebda pjanti mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fl-1997 u fl-1998 iżda kellhom isiru pjanti mit-Taqsima tax-Xogħolijiet. Dawn il-pjanti kellhom jinkludu bidliet fit-tqassim tat-toroq fl-inħawi. Billi d-Dipartiment tat-Toroq issa jifforma parti mill-Ministeru għat-Trasport u Telekomunikazzjoni nagħti parir lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Misoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #36794 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Watchmen/Security Officers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' watchmen/security officers fid-dipartiment ta' l-agrikoltura u sajd matul l-1996, 1997 u 1998? X'kienet is-sitwazzjoni għas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-informazzjoni hi skond ma jidher hawn taħt: AGRIKULTURA: Watchman Security Officer 1996 3 - 1997 4 3 1998 3 3 1999 3 3 2000 3 3 2001 3 5 2002 3 4 PIXKERIJA: Watchman Security Officer 1996 3 - 1997 3 - 1998 3 - 1999 3 - 2000 3 - 2001 3 - 2002 3 - SAN LUCJAN: Watchman Security Officer 1996 3 1 1997 3 1 1998 3 1 1999 3 1 2000 1 1 2001 1 1 2002 1 1
Leg 9 PQ #36800 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Mosta — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' il-Ministru jispjega r-raġuni għaliex fl-1998 miċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta saru 8,542 viżiti fid-djar mit-tobba bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena saru biss 2,561, u dan fi żmien meta l-popolazzjoni ta' Buġibba, Burmarrad, Ħal Għargħur, l-Imġarr, il-Mellieħa, in-Naxxar, il-Qawra, San Pawl il-Baħar u l-Wardija żdiedet u meta l-istess ċentru tas-saħħa tal-Mosta jrid jaqdi t-talbiet għall-viżti tat-tabib mill-poplu tal-Baħrija, Ħad-Dingli, l-Imtarfa u r-Rabat peress li ċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat (Malta) m'għadux jiftaħ fuq bażi ta' 24 siegħa u għalhekk qed jagħlaq fil-5.00 p.m.?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tal-Kura Primarja ma għandux influenza diretta fuq in-numru ta` nies li jċemplu biex jattendi t-tabib fid-dar. Infakkar lil Onorevoli Interpellant li s-servizz ta` tabib miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha sar wieħed ta` emerġenza wara l-ħamsa ta` fil-għaxija matul il-ġimgħa, u mis-Sibt wara siegħa sat-Tnejn fit-tmienja ta` fil-għodu. Din kienet miżura li kellha tittieħed minħabba nuqqas ta` tobba li jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa. It-tnaqqis tal-visti jista` jkun ukoll bħala riżultat tal-kampanja ta` edukazzjoni li ssir mid-Dipartiment tal-Kura Primarja biex jintuża s-servizz fid-djar b'mod aktar għaqli u meta verament meħtieġ. Raġuni oħra setat kienet li din is-sena ma kellniex episodji qawwija ta` influenza.
Leg 9 PQ #36802 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Kura barra minn Malta - Tfal

Question

Kemm kien in-numru ta' tfal taħt it-13-il sena li ntbagħtu barra minn Malta għall-kura u fejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mill-ewwel ta` Jannar sal-31 ta` Ottubru 2002, intbagħtu seba` u tmenin (87) tifel u tifla taħt it-tlettax-il sena: sitta u tmenin (86) l-Ingilterra u waħda (1) l-Iżrael.
Leg 9 PQ #36803 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Asthma

Question

Kemm kien in-numru ta' tfal li daħlu l-isptar isofru minn attakki ta' l-astma matul dawn l-aħħar 5 snin sena b'sena u minn liema lokalitajiet f'Malta u Għawdex separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis jirriżulta li n-numru tat-tfal bejn 0 - 14-il sena li ġew ammessi fl-iSptar San Luqa minħabba attakki ta` l-asthma għal dawn l-aħħar ħames snin, kif ukoll il-lokalita` rispettiva fejn kienu joqogħdu jidhru fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma tinġabarx statistika ta` tfal minn Għawdex. Għal din il-parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel talba lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #36804 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Xorb alkoħoliku — Każi riferuti l-isptar

Question

Kemm kien in-numru ta' persuni, tfal u żgħażagħ li daħlu l-isptar f'Malta u Għawdex kawża ta' xorb alkoħoliku bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis jirriżuta li minn Jannar sa Settembru 2002 ġew ammessi fl-Isptar San Luqa tmin (8)-itfal u żgħażagħ kawża ta` xorb alkoħoliku. Dawn jitqassmu f'żewġ kategoriji: Kategorija A: Sindromu ta` dipendenza fuq l-alkoħol jew intossikazzjoni ikkawżata mill-alkoħol jew problemi oħra mentali minħabba l-użu eċċesiv ta` l-alkoħol (ICD-10 codes F10.0 - F10.9). Kategoija B: Mard tal-fwied attribbwit għall-alkoħol (ICD-10 code K70). Kategorija Etajiet (snin) A B 10-14 2 - 15-19 4 - 20-24 1 - 25-29 1 - TOTAL 8 - Ma kien hemm l-ebda każ f'dawn l-etajiet li daħal fl-Isptar San Luqa minħabba mard tal-fwied attribbwit għall-alkoħol. Rigward Għawdex, nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #36886 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Pensjoni — Income tax

Question

Jista' il-Ministru jara li jogħla ċ-ċeiling ta' l-Income tax b'tali mod li l-pensjonanti ma jibqgħux iħallsu taxxa aktar fejn ma għandhomx xi dħul minn sorsi għajr il-pensjoni? Jaf il-Ministru li ċerti pensjonanti fuq il-pensjoni biss ukoll iħallsu t-taxxa? Jista' jsir xi ħaġa biex ma jġorrux dan il-piż?

Response (DALLI, JOHN)

Kemm hu komdu tgħum fis-sħab mill-bankijiet ta' l-oppożizzjoni.

Arretrati

Question

Jista' il-Ministru jara li arretrati dovuti lill-persuna mejta li d-dettaliji tagħha qed jintbagħtu separatament jiġu mgħoddija lill-armla peress li għandha bżonnhom u qed jgħidulha li trid tistenna xi ħames xhur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet avżata personalment dwar il-każ tagħha.

Gwardjani Lokali — Ksur tal-Liġi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm gwardjani lokali li nqabdu f'xi att illegali u dan mill-1 ta' Jannar sal-lum? X'kien kull ksur tal-liġi? X'passi ttieħdu?

Response (GATT, AUSTIN)

Mill-1 ta` Jannar 2002 s`issa hemm gwardjan lokali wieħed li qiegħed jigi investigat mill-pulizija. Sakemm issir din l-investigazzjoni, dan il-Gwardjan Lokali huwa sospiz mix-xogħol. Dan il-Gwardjan għadu ma tressaqx il-Qorti u għalhekk ir-risposta għat-tieni parti tal-mistoqsija ma tistax tingħata.

Gwardjani Lokali — Kunsilli Lokali li għandhom is-servizz

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali li għandhom is-servizz tal-gwardjani lokali għal inqas minn sagħtejn kuljum? Il-liġi tistipula għal kemm-il siegħa kull kunsill għandu jkollu dan is-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Kunsilli Lokali li għandhom anqas minn sagħtejn servizz kuljum ta` Gwardjani Lokali huma: Birgu, Isla, Bormla, Siggiewi, Attard, Balzan, Gudja, Għaxaq, Isla, Kalkara, Kirkop, Lija, Luqa, Mqabba, Paola, Qrendi u Safi. Il-liġi ma tistipulax għal kemm il-siegħa kull Kunsill għandu jkollu dan is-servizz. Dan jiddependi mit-Tender mogħti.
Leg 9 PQ #36898 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumitat — Tmexxija tat-timijiet tal-football tal-gvern u parastatali

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-kumitat li ser imexxi l-football tat-timijiet tal-Gvern u parastatali? Instab sponsor għal dan il-league? Meta ser jibda? Il-ħlasijiet dovuti għal-logħob tas-sena li għaddiet tħallsu kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumitat tal-Malta Employees Sports Association huwa ffurmat hekk: Is-Sur Mario Meli - President Is-Sur Philip Sammut - Viċi President Is-Sur Alfred Spiteri - Segretarju Is-Sur Mario Meli - Teżorier Is-Sur Joe Micallef - Segretarju Amministrattiv Minkejja l-isforzi li saru kemm mis-Segretarjat Parlamentari u mill-istess Kumitat s'issa għadu ma nstabx sponsor għal-league tal-football li ser jibda nhar it-Tlieta 19 ta' Novembru 2002. Informat ukoll li l-ħlasijiet għal-logħob tas-sena li għaddiet tħallsu kollha.
Leg 9 PQ #36899 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħlasijiet — Referees

Question

Peress li s-sena li għaddiet kien hemm si taħdidiet bejn il-Kumitat li mexxa l-league tal-gvern u parastatali u l-Malta football association dwar ħlasijiet lir-referees li jaħdmu mal-gvern, jista' il-Ministru jgħid jekk instabitx soluzzjoni? Kemm hemm uffiċjali tal-logħba li jaħdmu mal-Gvern u parastatali li jistgħu jieħdu sehem f'dan il-logħob?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Malta Employees Sports Association għamlet kull sforz biex jintlaħaq ftehim mal-Malta Football Association u mal-Malta Referees Association dwar il-ħlasijiet li jaħdmu mal-Gvern iżda baqa' ma ntlaħaqx ftehim. Dwar it-tieni parti tad-domanda informat li d-Dipartiment ma jkollux informazzjoni dwar ir-referees li jkunu affiljati mal-Malta Football Association.
Leg 9 PQ #36900 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għalliema — Activity/Peripatetic/Complementary

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-job description jew terms of reference għax-xogħol ta' activity teacher, ta' peripatetic teacher u complementary teacher?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-job description ta' l-għalliema peripatetiċi jvarja skond in-natura ta' l-arja kurrikulari li jkunu qed jaħdmu fiha: ngħidu aħna, l-għalliema peripatetiċi tal-PSE, li huma maqsuma f'sezzjonijiet, jaħdmu jew f'post fiss jew iduru minn skola għall-oħra, dawk tal-Proġett Let Me Learn jaħdmu f'numru ta' skejjel li għandhom dan il-proġett fil-Pjan ta' Żvilupp ta' l-iskola tagħhom. L-għalliema peripatetiċi kollha qed jaħdmu f'dawn l-arji kurrikulari: Xjenza u Teknoloġija, Home Economics, PSE, SpLD, Let Me Learn, Literacy Programmes, Arti, Drama, Edukazzjoni Fiżika, Hands-on-Farming, Mużika u Franċiż. B'mod ġenerali, l-għalliema peripatetiċi marbutin b'dawn id-dmirijiet: * biex iwasslu l-kontenut u l-istrateġiji tat-tagħlim fid-dawl tal-Kurrikulu Nazzjonali * biex jagħtu parir u sapport lill-għalliema u lill-kapijiet ta' l-iskejjel * biex jgħinu f'attivitajiet organizzati mill-iskejjel u mid-Diviżjoni ta' l-edukazzjoni. L-għalliema peripatetiċi fil-qasam kumplimentari huma speċifikament marbutin b'dawn id-dmirijiet: * biex jgħallmu lil dawk it-tfal li għandhom problemi fil-litteriżmu u fin-numeriżmu * biex iwasslu l-kontenut u l-istrateġiji tat-tagħlim kif mitluba mill- kurrikulu * biex jagħtu sapport lill-għalliema fil-qasam kumplimentari * biex ifasslu programmi edukattivi individwali f'dan il-qasam. Il-job description għax-xogħol ta' activity teacher qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #36947 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-ambjent — High Rise Buildings

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-Ambjent toħroġx permessi għal high rise building ġewwa Marsascala? Jekk le għaliex,jekk iva f'liema żoni? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-policy b'mod ġenerali għal bini għoli?

Response (BORG, TONIO)

High rise building f`Marsascala jista` jkun permissibli sakemm dan ikun konformi mal-'Policy and Design Guidance 2000' paragrafu 1.7 'Application of Floor Area Ratio.

Sigurta' soċjali — Palm readers

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema sections fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qed jagħmlu użu mill-palm readers bħala mezz ta' punch clocking?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jsirx użu mill-palm reader bħala mezz ta' punch clocking.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Postijiet allokati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew allokati postijiet mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali lokal b'lokal tul din is-sena u jista' jgħid ukoll skond liema kategorija ġew allokati (ġuvni, single parent, miżżewweġ, separat)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija. Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.

Bormla — Triq id-Dejqa - Xogħol programmat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol hemm programmat għal Triq id-Dejqa, Bormla? Jista' jagħti indikazzjoni meta ser jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Barranin jaħdmu Malta — Welders/fitters

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn barranin jaħdmu bħala welders u fitters minn Jannar sal-lum ma' kumpanniji privati f'Malta? Minn liema pajjiż kienu ġejjin? Ma' liema kumpannija kienu jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija, skond ir-rekords tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħrig. L-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija hi ta' natura kunfidenzjali u għalhekk ma nħossx li għandha tiġi ppublikata.