Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha konsulenti lokali u barranin il-Maltapost? X'inhu s-salarju ta' dawn it-tali u kwalunkwe benefiċċji oħrajn li jmorru mal-kariga?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tibda tirċievi l-pensjoni l-persuna ndikata li isimha qed jintbagħat separatament li kienet impjegata mad-dipartiment ta' l-artijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37007, jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' kera għaż-żewġ proprjetajiet mikrija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-kera ta` l-istore fi Triq it-Torri ta` San Ġwann fil-Birgu hija ta` sebgħin lira maltija fis-sena (Lm70) u l-kera ta` l-istore fil-Pjazza tal-Fosos il-Furjana hija ta` mija u disgħin lira maltija fis-sena (Lm190).
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li faxxa art li tinsab taħt Triq il-Barrieri, Żurrieq (jew aħjar taħt il-Kontrada magħrufa bħala ta' Taħt iċ-Ċint), parti minnha ġiet allokata u parti żgħira ma ġietx?
Response (BORG, TONIO)
Mill-informazzjoni li għandi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern m`allokat l-ebda art f`dan l-indirizz. Peress illi l-art fil-viċin kienet ingħatat lill-Awtorita` tad-Djar, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi t-talba tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jikkonferma li fl-Awtorita' tad-Djar se jingħataw diversi promozzjonijiet? Jekk fl-affermattiv, jista' il-Ministru jgħid min ser jibbenefika minn dawn il-promozzjoniiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn żmien għal żmien, skond l-esiġenzi ta' l-Awtorita' tad-Djar, joħorġu sejħat għall-applikazzjonijiet biex jimtlew il-postijiet vakanti jew postijiet ġodda. Kull uffiċjal li japplika jpoġġi għall-intervista quddiem Bord maħtur mill-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar.
Jista' il-Ministru jikkonferma li fl-Awtorita' tad-Djar ser tingħata żieda fil-pagi lil diversi managers u uffiċjali oħra? Jekk fl-affermattiv, jista' il-Ministru jindika min ser jibbenefika minn dawn iż-żidiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-salarji ta' l-Awtorita' tad-Djar huma regolati bil-Ftehim Kollettiv li ġie ffirmat mal-Union Ħaddiema Maqgħudin u li iskadi f'31 ta' Diċembru 2003. Dan iffisser li ma hi kkontemplata l-ebda żieda barra minn dik stipulata fil-Ftehim Kollettiv.
Jista' il-Ministru jikkonferma li f'dawn l-aħħar ġranet konsulent ma' l-Awtorita' tad-Djar tilfet l-impjeg tagħha minn ma' l-istess awtorita', stante diżgwid li nqala' maċ-chairman ta' l-istess awtorita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li l-Awtorita' tad-Djar ma tterminat l-impieg ta' ebda uffiċjal tagħha.
B'referenza għal żewġ ittri li qed nippreżenta separatament dwar twessigħ ta' triq li tagħti għall-kamra tan-nar ta' San Ġużepp, f'Tal-Garda l/o Għaxaq, Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir f'dan il-każ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt l-ittri ta' l-Onor. Interpellant lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex ikun jista' jiġi kkunsidrat x'l-aħjar li jsir.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba telgħu delegazzjonijiet Maltin għall-diskussjonijiet mal-UE wara li bdew in-negozjati? Kemm telgħu persuni ma' kull delegazzjoni u kemm kellu jħallas għalihom it-tax payer Malti.
Response (BORG, JOE)
Ma narax il-ħtieġa li tinġabar l-informazzjoni ddettaljata mitluba sakemm l-Onorevoli Interpellant ma jagħtinix raġuni konvinċenti biex inqabbad lill-uffiċċjali fil-Ministeru tiegħi jiddedikaw ħin sostanzjali sabiex ifittxu l-informazzjoni neċessarja biex tkun tista' tingħata r-risposta. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-infiq għas-safar għall-ħidma uffiċċjali barra minn Malta kollu tal-Ministeru tiegħi minn mindu bdew in-negozjati sallum kien dejjem fil-limiti ta' l-estimi tal-Ministeru tiegħi għas-snin relevanti. Minkejja dan, jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi każ partikolari li dwaru jista' jkollu indikazzjoni li sar infiq ta' flus mhux floku nitolbu jagħmel mistoqsija speċifika. Nixtieq inżid ukoll li r-referenza magħmula mill-Onorevoli Interpellant, biex jipprova jieħu vantaġġ politiku, dwar kemm kellu jħallas it-tax payer Malti għas-safar kollu konness man-negozjati, hija żejda. Il-Gvern kommess li jitlob lill-poplu Malti jiddeċiedi f'referendum dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, referendum li l-Oppożizzjoni Laburista l-anqas għandha d-diċenza li tirrispettah, u għalhekk ser ikun il-poplu Malti li jiddeċiedi jekk dan l-infiq kienx floku jew le, meta jintalab jiddeċiedi dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jistennew fuq il-waiting list biex isirilhom operazzjoni ta' hip u knee replacements u kemm ilhom jistennew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta` Knee Replacement huwa 965 u n-numru ta` Hip Replacement huwa 118.
Il-pazjenti ilhom jistennew bejn sena u sentejn għal raġunijiet differenti (e.ż. piż żejjed, mard ieħor, nuqqas ta` "theatre time".
Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena kemm-il każ ta' serq ġie rapportat mill-kumpless sportiv ta' Qali? X'kienu l-oġġetti rapportati misruqa? Kemm ġew solvuti minn dawn il-każi ta' serq? Kemm persuni tressqu l-qorti akkużati b'serq minn dan il-kumpless sportiv f'Ta' Qali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, il-Pulizija kellha rapport wieħed ta` serq mill-kumpless tal-basketball f`Ta` Qali. F`dan il-każ, li għadu mhux solvut, kienu irrapurtati misruqa ammont ta` flus minn ġo basket li kien fuq bank.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex tintbagħat għalliema oħra fl-iskola Profs. Anton Tabone ta' Birżebbuga minflok Ms Muscat tat-tielet klassi li se tirtira minn hawn u ftit ieħor, kif sar fil-każ ta' l-iskola primarja ta' Ħal Għaxaq fejn is-Sur Lofaro, li wasal biex jirtira minn għalliem, ingħata xogħol fl-uffiċċju waqt li ħaddieħor ntbagħat minn floku biex ma titħarbatx l-edukazzjoni tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ż-żewġ każi msemmija mill-Onor. Membru ma humiex l-istess u għahekk ma jistgħux jitqabblu. Is-Sur Lofaro li wasal biex jirtira ngħata xogħol fl-uffiċju fl-iskola ta' Ħal Għaxaq bħala soluzzjoni temporanja għal problema immedjata li nqalgħet f'din l-iskola fil-bidu tas-Sena Skolastika.
Informat ukoll li Ms Muscat, li tgħallem fl-iskola ta' Birżebbuġa "A" tibda l-pre-retirement leave f'Jannar 2003 u għalhek ser jintbagħat sostitut fit-tieni term meta verament jinħoloq in-nuqqas.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-istudenti u l-istaff ta' l-istitut ta' l-arti u d-disinn jirritornaw lura fil-bini ta' Tarġa Gap fl-4 ta' Novembru 2002 x'inhu ppjanat li jkun lest mix-xogħlijiet kollha? Il-workshops se jkunu lesti, peress li dawn huma kruċjali għall-edukazzjoni ta' dawn l-istudenti għax ħafna units isiru fihom? Meta huwa maħsub li l-istitut jingħata l-finanzi meħtieġa biex ikun jista' iġedded is-sistema tal-computers li issa qdiemu għal dak li għandhom bżonn l-istudenti? Meta se jingħataw il-finanzi meħtieġa biex tintrema l-librerija ta' l-istitut tant meħtieġa mil-lecturers u l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tlesta ħafna xogħol fil-bini ta' Tarġa Gap liema xogħol sar matul ix-xhur tas-sajf. Dan kien jikkomprendi tħaffir ta' trinek mal-biċċa l-kbira tas-sit, tqiegħed ta' cables ta' l-elettriku biex l-Istitut ikollu provvista adekwata ta' dawl u jkun jista' jintuża s-substation il-ġdid. Is-sit issa hu kollu ħieles mill-asbestos u b'hekk tneħħa l-periklu.
L-ewwel kunsinja ta' kompjuters u programmi ġodda diġa` waslet. Huwa ppjanat li aktar apparat Teknoloġiku jinxtara biex l-istudenti u l-għalliema jkollhom l-aħjar riżorsi għat-tagħlim.
Hemm diġa` l-permessi kollha meħtieġa biex jinbena sular ieħor fil-parti ċentrali ta' l-Istitut. Ħarġu tenders biex jinbeda x-xogħol tal-bini. Huwa wkoll ippjanat li f'parti minn dan is-sular titwaqqaf librerija għall-istudenti u l-għalliema ta' l-Istitut.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li studenti li applikaw għall-kors tal-MCAST fil-vehicle body repair (panel beating) ġew mgħarrfa li dan il-kors mhux se jsir iżjed? Veru li lill-istudenti aċċettati bagħtuhom f'korsijiet oħra bħal fid-dockyard jew bħala electricians jew fuq welding fabrication? Għaliex dawn it-tibdiliet? Qed jitqies li m'hemmx bżonn iżjed ta' nies imħarrġa f'din is-sengħa tal-panel beating?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux minnu li l-istudenti li applikaw għall-kors tal-MCAST fil-vehicle body repair (panel beating) ġew mgħarrfa li dan il-kors mhux se jsir iżjed.
Dawk l-istudenti li wrew interess fis-sengħa tal-panel beating (vehicle body repair) ġew mogħtija l-opportunita` li jsegwu t-taħriġ f'din is-sengħa u fil-fatt instabulhom żewġ panel beaters bħala sponsors għal prattika tal-kors.
Ebda student li kien interessat fil-panel beating ma ntbagħat id-dockyard. Għall-Kulleġġ Vokazzjonali, il-panel beating hija sengħa li tingħata l-importanza tagħha.
Persuni li jaħdmu fil-customer care tal-bini tal-ministeru ta' l-edukazzjoni huma awtorizzati li meta jmorru xi ġenituri jilmentaw fuq xi każ f'xi skola jgħaddu ġudizzju kontra xi kapijiet u għalliema biex jagħtu raġun lill-ġenituri meta ma jkunux semgħu l-verżjoni taż-żewġ naħat? Ma jaħsibx il-Ministru li b'imġieba bħal din min-naħa ta' xi persuni fil-customer care jista' jiżdied id-disgwid meta l-iżjed li għandhom jagħmlu hu li jiġbru l-ilment u jgħadduh lil min hu responsabbli flok jidħlu huma fil-każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dak li qed jissugerixxi fil-Mistoqsija huwa dak li fil-fatt jiġri bħala proċedura. L-uffiċjali tal-Customer Care huma awtoriżżati li jiġbru l-ilmenti tal-pubbliku u jgħadduhom lill-uffiċjali responsabbli wara li jkunu semgħu il-verżjoni uffiċjali wkoll.