Sptar San Luqa — Pazjenti li jittieħdu għall-visti
Question
Billi ġejt informat li pazjenti li jittieħdu l-isptar għall-visti minn speċjalisti b'ambulanza ma jitħallewx jiġu akkumpanjati mill-qraba, jaf il-Ministru li ħafna drabi min m'għandux karozza privata qed ikollu jikri taxi biex ikun jista' jiġi akkumpanjat mill-familjari tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-pazjenti li jittieħdu l-isptar għall-visti b'ambulanza jistgħu jiġu akkumpanjati minn persuna waħda biss.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilmenti li residenti tal-Gżira jsibuha ferm diffiċli biex jirkbu l-karozza tal-linja, speċjalment bejn id-9.30 a.m. u l-11.00 a.m. għax invarjabbilment ikunu mimlija bil-passiġġieri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta għandha pjan li jsir Survey sabiex jiġu nvestigati dawn l-ilmenti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kellu jitħallas overtime fl-Enemalta mindu spiċċa fl-24 ta Diċenbru 2001 il-ħaddiem li ismu qed jintbagħat separatament? X'passi ttieħdu biex timtela l-vakanza bħala assistant head chief security guard fl-istess Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-ħaddiem li qed issir riferenza għalih spiċċa mill-impjieg fl-1 ta' Jannar ta' din is-sena u l-aħħar ġurnata li ħadem kien fil-31 ta' Diċembru 2001. F'Jannar ta' din is-sena tħallas l-arretrati u l-bonus dovut kollu. Fi Frar li għadda tħallas tal-festa pubblika ta' l-ewwel tas-sena peress li kien off duty u tħallas ukoll ta' xi differenzi li kien hemm. Fir-rekords tal-Korporazzjoni Enemalta ma jidhirx li dan l-impjegat fadallu jieħu xi flus. Madanakollu jekk hemm xi dubju wieħed dejjem jista' jikkjarifika mat-taqsima tal-pagi tal-Korporazzjoni.
Jiena nfurmat ukoll li l-Korporazzjoni ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet sabiex timtela l-vakanza fil-kariga ta' Assistant Chief Security Guard. Bħalissa din is-sejħa qed tiġi pproċessata.
Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar il-faċċata tal-mużew marittimu fil-Birgu, jiġifieri x'passi ttieħdu dwar restawr u f'kemm żmien dan se jsir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li riċentement inbidlu l-balavostri tal-Mużew Marittimu, li kienu fi stat perikoluż. Sar ukoll xogħol ta' pavimentar biċ-ċangatura fil-portiku ta' l-istess mużew.
Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar iż-żona ta' sajd ta' 25 mil madwar Malta viz-a-viz il-pożizzjoni li ħadu, il-Libja, l-Italja u t-Tuneżija?
Response (BORG, JOE)
F'Ġunju ta' din is-sena, Malta laħqet ftehim ma' l-Unjoni Ewropea dwar is-sajd. Skond dan il-ftehim, wara s-sħubija, Malta ser tkompli tmexxi għal żmien indefinit, żona għas-sajd ta' 25 mil madwar Malta bil-għan li tibqa' sseħħ il-konservazzjoni tal-kwantita' ta' ħut fl-ibħra Maltin. Fiż-żona ta' konservazzjoni, ser ikunu jistgħu jistadu biss dgħajjes ta' mhux iktar minn 12 il-metru tul billi dawn jipprattikaw tip ta' sajd limitat u li huwa l-anqas li jagħmel ħsara lill-ambjent ekoloġiku.
B'eċċezzjoni, ser ikunu permessi xi tipi oħra ta' sajd fiż-żona ta' bejn 12 u 25 mil il barra mill-kosta ta' Malta minn dgħajjes li huma akbar minn 12 il-metru, u fil-każ ta' trawlers, iżgħar minn 24 metru. Dawn l-attivitajiet huma:
1. tkarkir f'żoni limitati u identifikati apposta għat-tkarkir minn Malta;
2. sajd għal-lampuki f'130 lokazzjoni differenti li minnhom 110 lokazzjoni huma normalment meħuda minn sajjieda Maltin;
3. is-sajd bil-lampara; u
4. s-sajd għat-tonn u ħut migratorju ieħor.
Il-vapuri kollha ta' iktar minn 12 il-metru tul u li għandhom permess jistadu fiż-żona ta' 25 mil madwar Malta jridu jkunu reġistrati filwaqt li l-qbid tal-ħut m'għandux jaċċedi dak li hu meqjus li jista' jagħmel ħsara għal-konservazzjoni tal-kwantitajiet tal-ħut.
L-ewwel 12 il-mil mill-kosta Maltija jkunu riservati esklussivament għas-sajjieda Maltin.
Ghal daqstant, l-uniċi dgħajjes Maltin li jistgħu jintlaqtu minn dawn l-arranġamenti speċjali huma dawk ta' 'l fuq minn 24 metru tul. Għal dawn is-sajjieda Maltin, il-Gvern ħaseb biex jippprovdi pakkett ta' għajnuna finanzjarja li ser jgħinhom biex itejjbu l-effiċċjenza tagħhom ħalli jkunu jistgħu jistadu aħjar barra miż-żona ta' 25 mil.
Minbarra dan, wara s-sħubija, is-sajjied Malti ser ikollu aċċess għal għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Maltin ħejjew programm biex tkun tista' tintalab din l-għajnuna finanzjarja li ser tintuża għall-immoderniżżar tal-flotta tas-sajd Maltija u għal titjib fl-istrutturi tas-swieq tal-ħut u għall-ipporċessar.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-ftehim ma jippermettiex lil sajjieda Libjani jew Tuneżini jew minn kwalunkwe pajjiż mhux membru ta' l-Unjoni Ewropea li jistad fiż-żona ta' 25 mil, u għalhemm il-pożizzjoni tagħhom baqgħet l-istess bħalma kienet qabel ma ġie negozjat dan il-ftehim ma' l-Unjoni Ewropea.
Fir-rigward ta' l-Italja bħala membru hija stess ta' l-Unjoni Ewropea, din aċċettat dan il-ftehim li ġie negozjat bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, dwar iż-żona ta' konservazzjoni tas-sajd ta' 25 mil madwar Malta, liema ftehim jorbot lis-sajjieda Taljani fid-dettalji kollha tiegħu kif għadni kemm spjegajt.
Jista' il-Ministru jagħti l-istatistika uffiċjali skond il-kawża, sess, eta' u x-xogħol tal-persuna dwar suwiċidji li seħħew f'Malta matul l-2000 u l-2001?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-snin 2000 u 2001, in-numru ta` persuni li wettqu suwiċidju kien ta` 21 u 26 rispettivament.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub dwar dawn il-każi ħlief għat-tip ta` xogħol li mhux disponibbli.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk dawk li applikaw għal care workers fir-residenza San Vincenz de Paule u li qagħdu għall-interview aktar minn sentejn ilu, għadhomx fuq il-waiting list? Billi kien hemm dawk li għaddew u li baqgħu ma ġewx impjegati , hemm ħsieb li jiġu mpjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninfoma lill-Onor. Interpellant li r-recruitment tal-care workers tal-grupp imsemmi, issa ġie magħluq.
Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Sistema ta' l-intercom
Question
Min ħa l-kuntratt tas-sistema ta' l-intercom fil-wings il-ġodda fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Kemm jiswew dawn is-sistemi? Saret sejħa għall-offerti jew ingħataw b'direct order?
Response (BORG, TONIO)
Għandi nassumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għal Remand Block il-ġdid, peress li fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin ma żdidux Wings Ġodda.
Jekk dan hu l-każ ninsab infurmat illi dan l-apparat kien jifforma parti mill-kuntratt globali għall-bini tar-Remand u l-Administration Block.
Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li għandi li hemm diversi abbużi għaddejjin fis-S.A.T.U. fl-Imtaħleb? Il-Ministru jikkonferma li kien hemm saħansitra rapporti sesswali bejn membri ta' l-istaff u l-inmates infushom?
Response (BORG, TONIO)
Naċċerta lill-Onorevoli Interpellant li meta l-uffiċċju tad-Direttur isir jaf b`xi abbuż jew għajdut ta` xi abbuż, dan mill-ewwel jagħmel l-istħarriġ neċessarju meħtieġ.
Fir-rigward tar-rapport li qed isemmi l-Onor. Interpellant, naċċertah li dan kien ġie investigat bir-reqqa iżda irriżulta fin-negattiv.
Sħubija fl-Unjoni Ewropea — Twaqqif ta' bordijiet fil-qasam tal-biedja
Question
Jista' jekk jogħġbu l-Ministru jagħti l-lista' ta' l-organizzazzjonijiet, bordijiet, kumitati u organi oħra li jkollhom jitwaqqfu fil-qasam tal-biedja, governattivi u oħrajn, biex jassiguraw it-tmexxija tal-politika agrikola komuni ta' l-Unjoni Ewropea f'Malta fil-każ li Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab fin-National Position Paper on Agriculture li kopja tagħha tinsab fil-Website tal-MIC.
X'inhi l-pożizzjoni tad-diskussjonijiet li għaddejjin bejn il-Gvern Malti u l-kumpanniji barranin dwar il-pipeline tal-gass li huwa proġettat li jgħaddi bejn il-kosta ta' l-Afrika ta' fuq u Sqallija? Dan ser jgħaddi minn Malta u nkunu nistgħu nieħdu fergħa minnha jew ikollha tgħaddi fergħa oħra minn Sqallija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fid-diskussjonijiet li qed issir riferenza għalihom hemm involut id-Dipartiment tat-Tiftix għaż-Żejt. Għaldaqstant nisseġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fil-każ tal-ħarba tal-ħabsi El Zabi li ħarab mill-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Peress li hemm suspett li dan ħarab minn pajjiżna, jikkonferma l-Ministru li nħareġ international warrant of arrest kontra tiegħu? Intalbet l-għajnuna ta' l-Interpol biex dan jinqabad?
Response (BORG, TONIO)
Billi l-investigazzjoni dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għad m`hix konkluża, ma nħossx li hu opportun li wieħed jippublika d-dettalji dwar l-andament ta` din l-investigazzjoni ħlief li għall-aħħar żewġ domandi, ir-risposta hi fl-affermattiv.
Malta International Airport — Żieda fil-ħlas ta' rati għall-Air Malta
Question
Peress li l-MIA wara li ġiet parzjalment privatizzata talbet lill-Air Malta żieda sostanzjali fir-rati ta' ħlas ta' ċerti servizzi provduti fl-ajruport, liema żieda tammonta għal madwar Lm5 miljun kull sena, jista' il-Ministru jgħid jekk hu ġiex konsultat dwar din it-talba? Jekk iva x'kien il-parir tal-Gvern? Jekk le x'kien il-parir tad-diretturi appuntati mill-Gvern meta ttieħdet din id-deċiżjoni? Jaqbel il-Ministru li talba bħal din tagħmel ħsara lill-kumpannija nazzjonali ta' l-ajru speċjalment meta l-qasam turistiku għandu kompetizzjoni qawwija minn pajjiżi madwar Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-M.I.A. ma talbet l-ebda żieda fir-rati ta' servizz lill-Air Malta f'dawn l-aħħar xhur, u bla ebda dubju mhux wara l-privatizzazzjoni li saret fis-26 ta' Lulju 2002.
Jista' il-Prim Ministru jagħti dettalji tal-persuni kollha li ġew ingaġġati fis-settur pubbliku, cioe' mal-Gvern u ma' entitajiet u korporazzjonijiet li fihom il-Gvern għandu interess u dan għall-perjodu bejn Novembru ta' l-1998 u Ottubru 2002, sena b'sena, u kategorija b'kategorija ta' ħaddiema/personnel ingaġġati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba qeghda tingabar u tinghata twegiba f’xi seduta ohra.
Peress li l-Ministru waqqaf fi ħdan il-Ministeru tiegħu l-unit li tagħmel traduzzjoni ta' l-acquis, jista' il-Ministru jagħti din l-informazzjoni u cioe', kemm ġew ingaġġati translators, lista tal-persuni ngaġġati bħala translators (ismijiet), kemm jitħallsu fis-siegħa jew kull faċċata li tkun ġiet tradotta għall-Malti (cioe' rata ta' ħlas fis-siegħa jew rata ta' ħlas kull faċċata)?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 36836, jista' l-Ministru jagħti d-data meta l-PSC tat direttiva biex ħatriet għall-futur ma jsirux aktar fuq rakkomandazzjoni diretta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien fit-18 ta` Settembru 2002, li l-Kummissarju tal-Pulizija kien ġie infurmat bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku illi fil-futur ħatriet għal Assistenti Kummissarji kellhom isiru bi proċess ta` għażla, wara sejħa għall-applikazzjonijiet.
Sabiex ma jkunx hemm ebda ekwivoku, ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll, illi bħal ma naħseb diġa` jaf, l-aħħar ħatriet ta` Assistenti Kummissarji kif imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36836, kienu ġew rakkomandati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fid-29 ta` Awissu 2002 u approvati mill-Prim Ministru fit-3 ta` Settembru 2002.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 36835, billi l-overtime ta' l-1997 jinkludi l-ammont ta' l-overtime li nħadem fl-1996 in konnessjoni ma' l-elezzjoni ġenerali, jista' l-Ministru jgħid kemm overtime fil-fatt inħadem f'dik l-elezzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Mhux possibli li wieħed jiddetermina l-ammont ta` overtime li jitħallas lill-membri tal-Korp in konnessjoni mal-Elezzjoni Ġenerali ta` l-1996 dan għaliex l-impenji li jkollhom il-pulizija f`dawn l-okkażżjonijiet huma diversi. L-uniku ammont li hu determinat f`dan is-sens hu l-ammont ta` Lm154,117 li tħallsu mill-Kummissjoni Elettorali għax-xogħol li wettqu il-Pulizija fit-tqassim tal-voti u l-għassa mal-postijiet tal-voti. Ma` dan għandu jiżdied ħlas għal overtime ieħor konness mal-attivitajiet kollha li jkun hemm f`okkażżjonijiet bħal dawn.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 36835, jista' l-Ministru jgħid kemm membri tal-Korp tal-Pulizija bbenefikaw mill-overtime mill-1992 sa Ottubru 2002, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata.