Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #36902 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Mellieħa — Dawl

Question

Jista' il-Ministru jara li l-bozza ħdejn residenza 23 triq il-Pluviera l-Mellieħa tinxtegħel peress li ilha diġa rappurtata x-xhur u l-ħsarat għadhom ma ġewx rimedjati?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fil-fatt il-manutenzjoni meħtieġa fuq il-lampa msemmija diġa' daret.

Baħrija — Fawran ta' drenaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 36549 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopji ta' l-analiżi li saru fuq l-spejjer ta' l-ilma fl-inħawi? Jista' ukoll il-Ministru jgħid jekk kienx il-każ li nqerdu kwantitajiet ta' granċijiet ta' l-ilma ħelu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma saru l-ebda analiżi fuq spejjer ta' l-ilma fl-inħawi tal-fossa tal-Baħrija mid-Dipartiment tad-Drenaġġ għaliex id-Dipartiment ma rriżultalux illi far xi kwantita' ta' drenaġġ u li dan ikkontamina xi spejjer. Id-Dipartiment lanqas ma kellu xi rapporti illi nqerdu kwantitajiet ta' granċijiet ta' l-ilma ħelu minħabba xi fawran ta' drenaġġ.
Leg 9 PQ #36912 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

FAO — Sajjieda Maltin / Tuneżini

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari numru 36548 jista' il-ministru jaġġornani dwar il-kuntatti li saru mal-FAO kif oriġinarjament tirreferi l-ittra? Jista' ukoll il-Ministru jinfurmani x'inumha l-inizjattivi li rrefera għalihom sabiex is-sajjieda lokali jiġu megħjuna jakbbru l-ħbiberija mas-sajjieda Tuneżini?

Response (BORG, JOE)

B'riferenza għall-ewwel parti tad-domanda, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma saru ebda kuntatti speċifiċi mal-FAO dwar dan il-każ, peress li din il-materja qed tiġi trattata direttament fuq livell bilaterali, u fil-fatt ittieħdu l-passi neċessarji u ngħataw il-garanziji relevanti mill-awtoritajiet Tuneżini. In kwantu għal inizjattivi f'dan il-kuntest, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bl-għan li s-sajjieda Maltin u Tuneżini jkunu megħjuna jkabbru l-ħbiberija ta' bejniethom, l-awtoritajiet Maltin u dawk Tuneżini qed jinkoraġixxu t-tisħiħ tar-rabtiet bejn iċ-ċentru għax-Xjenzi fis-Sajd ta' Malta, f'Marsaxlokk, u Ċentri jew Istituzzjonijiet ta' Riċerka tas-Sajd fit-Tuneżija. L-awtoritajiet Maltin u Tuneżini qed ukoll iħeġġu lill-mexxejja lokali ta' irħula tas-sajjieda f'Malta u fit-Tuneżija jilħqu ftehim ta' ġemellaġġ. Permezz ta' ftehim simili, l-awtoritajiet lokali u n-nies tagħhom, bl-għajnuna tal-Gvernijiet ċentrali, jkunu jistgħu jsiru jafu aktar lil xulxin. Huwa ttamat li, permezz ta' dawn l-inizjattivi, inċidenti bejn is-sajjieda Maltin u dawk Tuneżini jiġu evitati.
Leg 9 PQ #36921 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ta' Qali — Bar Coding

Question

Kemm kienet in-nefqa totali tax-xogħlijiet li saru sabiex ġiet introdotta s-sistema tal-bar coding fil-pitkaljia ċentrali f' Ta' Qali sena b'sena matul l-1999, 2000, 2001 u 2002?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li s-sistema tal-Bar Coding fil-Pitkalija Ċentrali għadha ma ġietx introdotta u dan minħabba tibdil fl-operat li jrid isir fil-Pitkalija.
Leg 9 PQ #36929 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Nefqa fuq safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus f'safar ministerjali u dipartimentali tal-ministeru għax-xhur ta' Ġunju, Lulju, Awissu u Settembru ta'din is-sena?

Response (BORG, JOE)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #36930 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barraninr — Safar mill-ambaxxatur Richard Muscat

Question

Fil-każ tas-safra tal-ambaxxatur Richard Muscat fl-Irlanda bejn is-7 u l-14 ta' April 2002 jista' il-Ministru jispjega d-diskrepanza bejn l-informazzjoni li ta fir-risposta għal mistoqsija parlamentari 34031 tiegħi fejn qal li din ġiet tqum Lm228 travel, Lm1052 accomodation/subsistence allowance u Lm378 others, u l-informazzjoni li ta fir-risposta għal mistoqsija parlamentari 34612 ta' l-Onor. Geroge Vella fejn qal li l-istess safra ġiet tqum Lm228 travel, Lm1026.61 hotel and subsistence allowance u Lm404.72 others?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li attwalment id-differenza hija ta' LM1.33 bejn ir-risposta mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari numri 34031 u dik 34612. Nixtieq nispjega illi l-figura ta' LM1.052 taħt akkomodazzjoni u "subsistence allowance" mogħtija fil-Mistoqsija numru 34031 kienet tinkludi "hospitality" ta' madwar LM26.90. Sakemm ġejt biex nirrispondi l-Mistoqsija numru 34612, dan l-iżball ġie rranġat għalhekk issa qed jidher fil-figura ta' LM404.72 taħt "others" minnflok is-somma ta' LM378. Id-differenza żgħira fit-total kollu tirriżulta minħabba "rounding off" tal-figuri u r-rata ta' kambju.
Leg 9 PQ #36956 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn Ċentri tas-Saħħa f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid kemm-il siegħa jiftħu kuljum? Kemm hemm tobba li jservu full-time f'dawn iċ-Ċentri?

Response (DEGUARA, LOUIS)

F'Malta u Għawdex hemm disa` ċentri tas-saħħa, tmienja minnhom qegħdin f'Malta u dawn jaqgħu taħt l-amministrazzjoni tad-dipartiment tal-Kura Primarja tas-Saħħa u l-aħħar waħda qegħda ġewwa Għawdex, pero` din taqa` taħt l-amministrazzjoni ta` l-iSptar Ċentrali ta` Għawdex. Iċ-Ċentri tas-Saħħa li huma miftuħa għal 24 siegħa huma dawn: Florjana, Mosta, Paola u Gżira Iċ-Ċentri tas-Saħħa li jagħtu servizz mit-08.00 sal-20.00 huma: Cospicua, Rabat u Qormi Iċ-Ċentru tas-Saħħa li jagħti servizz limitat mit-08.00 sal-14.30 huwa: B'Kara Minn complement ta` 105 tabib li jaħdmu Full Time fiċ-Ċentri tas-Saħħa preżentement hemm: Floriana, Qormi u Gżira: 25 tabib Paola u Cospicua: 19-il tabib Mosta, Rabat u Qormi: 18-il tabib
Leg 9 PQ #36957 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex iċ-ċentri tas-saħħa jerġgħu jibdew jiftħu għal 24 siegħa kuljum? Qed isiru xi negozjati biex dan iseħħ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minħabba nuqqas ta` tobba li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Kura Primarja, il-ftuħ ta` ċerti Ċentri tas-Saħħa ma setax jibqa` għal 24 siegħa kuljum. Qed jiġu mistħarrġa sistemi biex il-ftuħ ikun jista` jiġi estiż, fosthom taħtidied ma` grupp ta` tobba li għamlu proposta biex jiffurmaw koperattiva.

Childrens' Allowance — Ommijiet mhux miżżewġa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ommijiet mhux miżżewġa li jirċievu ċ-children allowance? Kemm minnhom huma taħt it-tmintax-il sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Reġistrazzjoni għax-xogħol — Persuni jaħdmu bla permess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid s'issa kemm kien hemm nies li nqabdu jaħdmu meta kienu qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm kienu nisa u kemm rġiel? Minbarra li tneħħew mir-reġistru tax-xogħol, ittieħdu xi passi oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mill-1 ta' Jannar 2002 sa l-aħħar ta' Ottubru 2002 instabu total ta' 284 persuna jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol. 273 kienu rġiel u 11 kienu nisa. Minbarra li nqatgħu minn fuq ir-reġistru, dawk li kienu qed jirċievu xi benefiċċju soċjali twaqqfilhom.
Leg 9 PQ #36960 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Sports Ground — Użu minn coaches barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk coaches barranin li huma ngaġġati ma' għaqdiet sportivi għandhomx il-permessi li jużaw it-track ta' l-atletika tal-Marsa u faċilitajiet oħra biex jagħtu taħriġ atletiku fuq bażi ta' ħlas individwali? Jista' jgħid x'kontroll għandu d-dipartiment ta' l-isports fuq dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-coaches barranin li huma ngaġġati ma' għaqdiet sportivi m'għandhomx permess li jużaw it-track ta' l-atletika jew xi faċilitajiet oħra fil-Marsa biex jagħtu taħriġ fuq bażi ta' ħlas individwali. Sal-lum ma hemm ebda kontroll fuq individwi li jiffrekwentaw it-track ta' l-atletika. Madanakollu d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport jikkontrolla l-użu ta' dawn il-faċilitajiet minn gruppi ta' persuni (għaqdiet jew timijiet). Hemm il-ħsieb li jiġu ntrodotti miżuri biex jiġi kontrollat l-użu ta' dawn il-faċilitajiet wara li jitlesta x-xogħol fuq it-track.

Benefiċċju tal-mard — Hlasijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies li s'issa din is-sena applikaw għall-benefiċċju tal-mard? Kemm hu kkalkulat li kien il-ħlas totali li ngħata bħala benefiċċju s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Jannar u t-12 ta' Novembru 2002, tħallset is-somma ta' Lm1,708,134 bħala benefiċċju tal-mard (sickness benefit). Lm1,613,954 tħallset direttament lil 16,831 persuna. Il-bilanċ ta' Lm98,180 tħallas direttament lil diversi entitajiet f'isem l-impjegati tagħhom li taw il-kunsens biex, sakemm ikunu qed jirċievu l-paga, il-benefiċċju jitħallas direttament lill-entita' li timpjeghom. Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' persuni li dwarhom ikun qed isir il-pagament f'dawn il-każijiet.

Kumitati tar-Rijabilitazzjoni — Infiq ta' flus

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-kumitati tar-rijabilitazzjoni mill-1999 sal-lum, kull kumitat u kull sena separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-nefqa tal-Kumitati tar-Riabilitazzjoni mill-1999 sa llum hija kif tidher hawn taħt: Sena Kumitat Kumitat Kumitat għar-Riabilitazzjoni għar-Riabilitazzjoni għar-Riabilitazzjoni tal-Belt u l-Floriana tal-Kottonera ta' l-Imdina ______________________________________________________________ 1999 Lm269,671. Lm 85,417. Lm 30,330. 2000 Lm251,797. Lm165,668. Lm156,555. 2001 Lm286,899. Lm144,729. Lm221,910. 2002* Lm193,824. Lm 77,894. Lm185,269. * sa l-aħħar ta' Ottubru 2002

Xogħol ta' restawr — Infiq ta' flus

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus għal-xogħol ta' restawr mill-1999 sal-lum kull sena separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mill-1999, intefqu dawn il-flus fuq xogħol ta' restawr: SENA NEFQA 1999 Lm624,787. 2000 Lm584,585. 2001 Lm448,652. 2002* Lm397,159. * sa l-20 ta' Novembru 2002

Parks Nazzjonali — Infiq ta' flus

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemmintefqu flus fuq il-parks nazzjonali mill-1999 sal-lum, kull sena separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-flus li ntefqu fuq il-parks nazzjonali mill-1999 sa l-2002 (sal-21 ta' Novembru) huwa kif jidher hawn taħt: SENA NEFQA 1999 Lm 37,678. 2000 Lm 64,309. 2001 Lm206,535. 2002 Lm 96,245.

Waste Oils Company Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għat-trattament taż-żejt maħruq u xaħmijiet? Il-kumpanija Waste Oils Company Ltd hi parti minn dan il-pjan? Jekk fl-affermattiv, din il-kumpanija hi waħda parastatali u min huma l-azzjonisti u d-diretturi tagħha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-pjanijiet tal-Gvern għat-trattament taż-żejt maħruq u xaħmijiet huma ddettaljati fid-dokument ta' l-Istrateġija u l-Immaniġjar ta' l-Iskart li kien ippubblikat f'Ottubru 2001. Il-kumpanija Waste Oils Company Ltd. tispeċjalizza fir-riċiklar ta' l-iskart miż-żjut u tista' tifforma parti minn dan il-pjan bħal kumpaniji oħra. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #37066 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

EU — Water Framework Directive

Question

Peress li f'każ ta' sħubija ma' l-UE, Malta trid taderixxi ma' l-Water Framework Directive li fost affarijiet oħra tinsisti li jkun hemm full cost recovery għal produzzjoni ta' l-ilma tax-xorb. Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod qiegħed jiġu ippjanat li dan issir?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li d-direttiva msemmija, imkien ma ssemmi l-frażi u d-definizzjoni ta' full cost recovery. Din il-frażi tidher fil-proposta tal-Kummissjoni ta' l-1997 (Com 1997/49) ma tidher imkien fid-direttiva kif addottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill (2000/60/EC of 23 October 2000) Il-preambolu għall-Water Framework Directive jgħid li l-użu ta' strumenti ekonomiċi jistgħu jkunu tajba (appropriate) bħala parti minn programm ta' miżuri, li l-prinċipju ta' full cost recovery għandu jiġi kkunsidrat, u partikularment jirrikonoxxi s-servizz ta' l-ilma (the supply of water) bħala servizz ta' interess ġenerali u allura eliġibbli għal state aid jew sussidju. Fil-fatt, Artiklu 9 tad-direttiva jistipula li għandu jkun hemm kontribut adegwat (recovery of costs) ta' l-użu differenti ta' l-ilma, imqassam ta' l-inqas fl-industrija, fid-djar u fl-agrikoltura, għall-irkupru ta' l-ispejjeż għas-servizzi ta' l-ilma; biss kull stat membru jista' jikkunsidra l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi ta' dan l-irkupru kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tal-post.
Leg 9 PQ #37068 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

UE — Power Station tal-Marsa

Question

Peress li fin-negozjati ma l-UE ġie miftiehem li sad-data li Malta ssir membru ta' l-UE, il-power station tal-Marsa trid tkun konformi mar-regoli ambjentali ta' l-UE. Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir sabiex dan l-għan jintlaħaq? Kemm se jiswa x-xogħol li hemm bżonn isir?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea ma saru ebda kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-power station tal-Marsa. Ir-regoli ambjentali ma' l-Unjoni huma dawk kontemplati fid-direttiva 88/609/EC. Il-power station tal-Marsa hija kklassifikata bħala existing plant u l-Artiklu 5 tad-direttiva jesiġi tnaqqis iggradat fl-emissjoni ta' sulphur dioxide u nox. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, ser jiġi utilizzat żejt ta' kwalita' aħjar li jnaqqas l-emissjoni tas-sulphur dioxide. Fejn hu meħtieġ qed isir tibdil biex l-emissjoni ta' nitrogen oxide ma teċċedix il-limitu maħsub.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li kienet taħdem ta' warrant officer qed tieħu pensjoni bbażata fuq grade 20?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha
Leg 9 PQ #37096 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gżira — Dawl fit-toroq

Question

Tista' titwaħħal bozza quddiem 89, C. Manche Street Gżira minħabba fid-dlam li hemm?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dwal fit-toroq tal-Gżira issa huwa fir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali ta' dak il-post.