Jista' il-Ministru jgħid jekk f'każ li 'l quddiem il-kumitat ORNIS jiddeċċiedi li qed ikun hemm tnaqqis serju f'xi speċi ta' tajra li tista' tiġ ikkaċċjata dan il-kumitat jistax jordna illi l-kaċċa fuq dan l-ispeċi tieqaf?
Response (BORG, TONIO)
In-numru ta` għasafar li jinqabdu f`Malta huwa żgħir. L-għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati f`pajjiżna jiġu ikkaċċjati fil-15-il pajjiż tal-UE. Barra minn hekk din hi mistoqsija ipotetika u allura kull risposta li tista` tingħata tkun ipotetika ukoll.
F'dawn l-ewwel kważi għaxar xhur tas-sena kemm intremew pilloli (fi flus) mill-maħżen tal-gvern għaliex kienu skadew? Kemm kien l-ammont li kellhom jiġu distrutti għall-istess raġuni tul is-sena li għaddiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta` Jannar u l-aħħar ta` Ottubru 2002 skadew b'kemm jiswew LM361,266 mediċinali. Tajjeb li wieħed jinnota li f'dan il-perjodu, prodott partikolari (Iloprost) mixtri fis-sena 1998 għal pazjent partikolari skada wara li ma laħaqx intuża għax il-pazjent kien ġie nieqes. Iċ-ċifra għal dan il-prodott biss kienet tammonta għal LM179,654.
Matul is-sena li għaddiet (2001) skadew b'kemm jiswew LM270,501 mediċinali.
Il-mediċini skaduti għalissa qegħdin jinżammu maħżuna separatament minn prodotti oħra sakemm tiġi stabbilita sistema nazzjonali ta` kif jiġu meqruda tali prodotti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ġranet ta' skola għal din is-sena skolastika? X'inhuma d-dati għall-vaganzi tal-Milied, tal-Għid u tas-Sajf?
Meta huma l-mid-terms?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' ġranet ta' skola għal din is-sena skolastika huwa ta' mija u ħamsa u sebgħin ġurnata (175).
Id-dati għall-vaganzi tal-Milied huma mit-23 ta' Diċembru 2002 sas-6 ta' Jannar 2003.
Id-dati għall-vaganzi ta' l-Għid huma mis-16 ta' April 2003 sat-23 ta' April 2003. Iżda:
14 ta' April ingħatat Holiday i/l/o 21/09/2002
15 ta' April ingħatat Holiday i/l/o 02/11/2002
24 ta' April ingħatat Holiday i/l/o 08/12/2002
25 ta' April ingħatat Holiday i/l/o 07/06/2003
Id-dati għall-vaganzi tas-Sajf huma mill-4 ta' Lulju u jispiċċaw fit-tielet ġimgħa tax-xahar ta' Settembru 2003.
Il-mid term kien fl-1 ta' Novembru 2002.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskejjel indipendenti u tal-knisja jibgħatux lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni n-numru ta' ġranet ta' skola f'kull sena skolastika biex ikun żgurat li jkunu viċin dawk ta' l-istat? Jekk le, ma jaħsibx li tkun ħaġa tajba li dan jibda isir? Jekk fl-affermattiv jista' jgħidli kemm huma l-ġranet ta' skola f'dawn l-iskejjel għal din is-sena skolastika:
1 Il-kulleġġ San Alwiġi
2 Il-kulleġġ De La Salle
3 Il-kulleġġ St. Edwards
4 Il-kulleġġ St. Martins
5 L-iskola tad-Dorotej
6 L-iskola tas-Sacred Heart?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull sena d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tibgħat lil kull skola tal-Knisja jew Indipendenti n-numru minimu ta' siegħat u tagħlim li jrid isir f'dik is-sena partikolari. Dawn is-siegħat iridu jsiru minn kull skola irrispettivament minn xi "Holidays" partikulari ta' skejjel individwali.
Dawn is-siegħat jiġu kkalkulati kull sena biex ikunu viċin ħafna dawk ta' l-iskejjel ta' l-Istat. Barra minn hekk, l-għalliema tal-knisja jridu jaħdmu 7.5 siegħata addizzjonali fil-bidu tas-sena skolastika biex ikunu bħall-għalliema ta' l-Istat.
Għalkemm dawn is-siegħat, 920.50 għas-sena skolastika 2002-2003, huma komuni għall-iskejjel kollha, in-numru ta' siegħat f'jum ta' tagħlim ivarja minn skola għal oħra.
Il-ġranet ta' skola f'dawn l-iskejjel għas-sena skolastika 2002-2003 huwa hekk:
Kulleġġ San Alwiġi - 172
Kulleġġ De La Salle - 166
Kulleġġ St Edwards - 166
Kulleġġ St Martins - 167
L-iskola tad-Dorotej - 169
L-iskola tas-Sacred Heart - 167
In-numru ta' ġranet ta' skola fl-iskejjel ta' l-istat huwa 175.
Jista' il-Ministru jikkonferma li kien hemm xi każi fejn il-ġimgħa li għaddiet studenti ġew infurmati mill-MATSEC board li minħabba żball klerikali ingħataw marka ħażina u fejn qabel kienu weħlu ġew mgħarrfa li issa għaddew? F'kemm il-każ ġara dan u f'liema suġġetti? Dan ġara wara r-resits fis-SEC biss? Jaf li ħaġa bħal din tista' ttellef lil istudenti milli jagħżlu l-iskola li jridu huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mit-tlieta u sittin talba fl-eżami tas-Sec u mill-mija u tmien talbiet fl-eżami Avvanzat u Intermedjarju għar-reviżjoni tal-karti ta' l-eżami tal-MATSEC ta' Settembru, każ wieħed biss ta' żball klerikali ġie rrapurtat mill-eżaminaturi. Dan kien fil-każ tal-Malti tas-SEC fejn ir-riżultat inbidel minn grad 6 għal grad 5. Il-Bord tal-MATSEC informa minnufih lill-istudent konċernat kif ukoll lill-Prinċipal tal-Junior College fejn seta' jattendi l-istudent.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija 36029 kif jista' il-Ministru jgħid li kollox kien normali fuq it-titjira meta l-Armata ammettiet f'mistoqsija oħra tiegħi li l-lembuba tas-suldati kienet nieqsa għal xi ħin u saret tfittxija għaliha? Kif jista' s-superintendent inkarigat jirraporta dan?
Response (BORG, TONIO)
M`hemm xejn x`jiżdied mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36027.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallas s'issa l-korp tal-pulizija lill-Air Malta bħala spejjeż għall-vjaġġi li saru biex iwasslu lura f'pajjiżhom immigranti ilegali? Kemm-il darba ġie mikri ajruplan sħiħ u għal fejn? Kemm sewa kull darba? Kemm-il darba tħallas ta' immigranti illegali wieħed u fi gruppi? Jista' jagħti l-figuri mill-1 ta' Jannar 2002 s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħlas kollu li sar mill-1 ta` Jannar 2002 s`issa mid-Dipartiment tal-Pulizija lill-Air Malta għal ġarr ta` immigranti illegali lejn pajjiżhom huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Infurmat ukoll li ġew mikrija ħames ajruplani chartered, erba` għall-Eritrea li swew Lm16,759 kull wieħed u ieħor għall-Eġittu li sewa Lm11,365.
Jista' il-Ministru jindika l-ammont ta' dawk il-persuni ta' iktar minn 40 sena li applikaw sabiex jitgħallmu l-internet u l-e-mail fl-isfond ta' l-iskema li għadu kemm ħabbar u nieda l-ministeru?
Response (GATT, AUSTIN)
In-numru ta` persuni ta` aktar minn 40 sena li applikaw sabiex jilgħallmu l-internet u l-email bħala parti minn skema li għadu kif nieda l-Ministeru tiegħi kien ta` 5112. Dan huwa 55.25% ta` dawk kollha li applikaw.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar mis-Sur Ranier Fsadni
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni tas-safra tas-Sur Ranier Fsadni fil-Greċja, li skond ir-risposta li ta għal mistoqsija parlamentari 34031 ġiet tiswa 'l fuq minn Lm400, u għal liema raġuni li s-sur Fsadni li mhux impjegat tal-Foreign Office isiefer a spejjeż ta' dan il-ministeru?
Response (BORG, JOE)
Is-Sur Ranier Fsadni siefer biex jattendi l-laqgħa tal-Forum Mediterranju f'Delos, il-Greċja. Din kienet laqgħa fejn kull pajjiż membru tal-Forum kien mistieden li jinnomina żewġ intellettwali sabiex jattendu flimkien mad-delegazzjoni ministerjali. L-intellettwali ta' kull pajjiż kellhom jipparteċipaw f'diskussjonijiet dwar l-iskambji interkulturali u d-djalogu bejn iċ-ċiviltajiet. Il-Gvern Malti nnomina lill-E.T. Dr Ugo Mifsud Bonnici u lis-Sur Ranier Fsadni, lil dan ta' l-aħħar peress li jgħallem l-antropoloġija kulturali tal-Mediterran fl-Universita ta' Malta, b'riferenza partikolari għall-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani. Fil-laqgħa tal-Greċja, is-Sur Ranier Fsadni għamel proposta għall-proġett kulturali li jista' jkun organiżżat mill-membri tal-Forum.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar mill-Ambaxxatur Willie Spiteri
Question
Billi l-ambaxxatur Willie Spiteri hu akkredit għall-Ġermanja, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni tas-safra tal-ambaxxatur Spiteri u l-mara tiegħu f'Palermo fi Sqallija li ġiet tqum mas-Lm600 skond ir-risposta li ta għal mistoqsija parlamentari 34031
Response (BORG, JOE)
Waqt iż-żjara tal-President ta' Malta fil-Ġermanja f'Novembru tal-2001, l-Ambaxxatur Spiteri, flimkien miegħi, ġie mistieden mill-Viċi President ta' Daimler-Chrysler, is-Sur Mathias Kleinert, sabiex jattendi għall-laqgħa tad-diriġenti tal-kumpanija u konferenza Mediterranja f'Palermo fejn jien kont mistieden bħala wieħed mill-kelliema priċipali.
Sussegwentement apparti il-laqgħa tad-diriġenti, sar kunċert sinfoniku minnflok il-konferenza li tħassret. Daimler-Chrysler xorta waħda ħarġu l-inviti għall-okkażżjoni. L-ispejjeż tal-lukandi tħallsu mill-kumpanija Ġermaniża.
Waqt din l-okkaażjoni ttieħdet l-opportunita li jitkattru l-kuntatti ma' din il-kumpanija kbira Ġermaniża, fosthom mal-President tal-kumpanija Dr Jurgen Schrempf. Riżultat ta' dawn il-kuntatti, il-Kumitat Olimpiku Malti ġie rregalat van mill-kumpanija Daimler-Chrysler. Din il-preżentazzjoni saret f'Ottubru li għadda mill-Viċi President tal-kumpanija li ġie Malta apposta.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar mill-Ambaxxatur Salvinu Busuttil
Question
X'kienet ir-raġuni tas-safra ta' l-Ambaxxatur Salvinu Busuttil f'St Tropez li skond ir-risposta għal mistoqsija parlamentari 34031 ġiet tqum Lm1259 u x'kienet preċiżament l-ispiża ta' Lm232 f'others li mhijiex speċifikata?
Response (BORG, JOE)
L-Ambaxxatur Salvino Busuttil ħtieġlu jmur Monaco u San Tropez sabiex jiltaqa' mal-Ministru ta' l-Istat għall-Monaco u sabiex jieħu ħsieb il-preparamenti meħtieġa għat-tiġrija tal-'yachts' bejn San Tropez u Malta magħrufa bħala "Trophée Bailli de Suffran". Huwa ukoll attenda għall-esebizzjoni ta' kultura u arti Maltija, liema esebizzjoni saret bħala parti mill-avvenimenti marbuta mat-tiġrija msemmija.
Rigward l-ispejjeż oħra ta' LM232, dawn kienu għal-kiri ta' karozza f'San Tropez (LM140) u l-bqija żewġ ikliet mgħotija ad unur tas-Sindku ta' San Tropez u d-Direttur ta' l-Affarijiet Barranin tal-Yacht Marina f'San Tropez.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Safar - Bonus Miles
Question
Minħabba r-riskju li uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, fejn isir ħafna safar, jistgħu jevitaw l-Air Malta u jaqbdu kumpaniji oħra fejn is-safra tiġi tqum aktar lil gvern biex jieħdu l-bonus miles, jista' l-Ministru jagħmel bħal postijiet oħra biex il-bonus miles jibda jeħodhom il-ministeru u mhux igawdi minnhom l-individwu privatament?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-Ministeru tçgħi, l-ibbukkjar tal-bijetti ta' l-ajru għal safar uffiċċjali huwa ċentralizzat f'taqsima partikolari, fejn l-uffiċċjali inkarigati jçħdu ħsçb li jidentifikaw l-aħjar rotot u jiksbu l-orħos pezzijiet għall-vjaġġi indikati lilhom. Għal din ir-raġuni, mhux il-każ illi dawn l-uffiċċjali jeżerċitaw xi soġġettivita' billi jippreferu linja ta' l-ajru minn oħra għar-raġuni li semma' l-Onorevoli Interpellant. Inżid ngħid, f'dan il-kuntest, illi l-Air Malta tħaddem skema simili ta' bonus miles hija wkoll, għaldaqstant ma jreġix l-argument illi xi ħadd qed iwarrab lill-linja ta' l-ajru Maltija minħabba li ma jiggwadanjax punti mingħandha.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Rapporti mibgħuta minn uffiċjal fi Brussels
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li wara kull vjaġġ li tagħmel minn Brussels għal Strasbourg biex issegwi s-seduti tal-Parlament Ewropew l-uffiċjal ta' l-ambaxxata fi Brussels li isimha qed jintbagħat separatament, tibgħat rapporti ikkuppjati kelma b'kelma minn dawk li jidhru minn fuq il-website ta' l-istess Parlament?
Response (BORG, JOE)
Ix-xogħol prinċipali ta' l-Ambaxxata fi Brussels fil-qasam tal-Parlament Ewropew huwa li jsegwi dawk l-inizjattivi li l-aktar għandhom rilevanza għal Malta, u li jieħu ħsieb li jippromwovi l-interessi ta' Malta b'kull mod possibbli. L-uffiċċjal fl-Ambaxxata li għandu risponsabbiltajiet li jinkludu l-Parlament Ewropew jirraporta fuq dawn l-aspetti lill-Ambaxxatur skond il-bżonn, kemm verbalment kif ukoll bil-miktub. Barra min hekk dan l-uffiċċjal ilesti żewġ rapporti ġenerali fix-xahar li jkopru l-iżviluppi fil-Parlament Ewropew, wieħed minn dawn ir-rapporti jittratta biss fuq is-sessjoni plenarja ta' kull xahar, l-ieħor jifforma parti mir-rapport ġenerali ta' l-Ambaxxata ta' kull xahar.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Konvenzjoni Ewropea - Safar
Question
Kif jispjega il-Ministru li għal żewġ safriet bejn Malta u Brussels bejn l-20 u t-23 ta' Marzu, Mr John Inguanez għat-travel nefaq Lm629 u l-Profs Serracino Inglott nefaq Lm363.90 meta mr Inguanez huwa s-sostitut ta' Profs Serracino Inglott fil-European Convention, u kif għal safra oħra fi Brussels mill istess żewġ persuni f'April Mr John Inguanez nefaq Lm452.30 u Profs Serracino Inglott nefaq Lm237.40?
Response (BORG, JOE)
Meta rrispondejt għall-Mistoqsija numru 34031, il-figuri ta' l-ivvjaġġar ma' kienux jinkludu l-50% tnaqqis li soltu tagħti l-Air Malta lill-impjegati tal-Gvern li jużaw ir-rotot tagħha.
Fir-rigward tal-vjaġġ ta' bejn l-20 u t-23 ta' Marzu 2002, is-Sur John Inguanez ħtieġlu jbiddel il-biljett ta' l-ajru mit-23 ta' Marzu għat-22 ta' Marzu. Għalhekk kellu jitħallas addizzjonalment l-spejjeż ta' biljett 'one way'. Waqt li sa issa għadu ma wasalx ir-refund dovut għar-return mhux utiliżżat.
Fir-rigward tal-vjaġġ li sar bejn l-14 u t-18 t'April 2002. Il-figura ta' LM452.30 li ġiet indikata bħala ħlas tal-vjaġġ, kienet waħda proviżorja. Anke hawn dan l-ammont ma kienx imnaqqas bir-riduzzjoni li tagħti l-Air Malta. Fil-fatt, dan it-tnaqqis issa wasal, u jammonta għal LM195.30 u allura l-ispejjeż tal-vjaġġ iridu juru LM257.00 minnflok LM452.30.
Kumpless tal-Marsa — Taħriġ għal logħob tal-pajjiżi ż-żgħar
Question
Peress li atleti Maltin li ser jieħdu sehem fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ikunu jridu jitħarrġu sew fuq it-track il-ġdid li ser jitqiegħed fil-kumpless tal-Marsa, jista' l-Ministru jgħid meta dan ix-xogħol ser jibda' u meta ser jitlesta? Jaf li hemm atleti li huma mħassba li mhux ser ikollhom biżżejjed żmien biex ikunu ppreparati sewwa minħabba dan id-dewmien?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol tat-tqegħid tal-wiċċ ġdid tat-track ta' l-atletika mistenni jieħu 4 ġimgħat biex jitlesta minn meta d-Dipartiment joħroġ l-ordni biex jinbeda x-xogħol. Minħabba li l-materjal irid jinġieb minn barra hu mistenni li x-xogħol jibda fil-bidu ta' Jannar u jitlesta sa' l-aħħar ta' Jannar.
Jidhrilna li ż-żmien meta t-track mhux ser tkun tintuża huwa l-iqsar żmien possibbli u dan għandu jiżgura li l-atleti jkollhom żmien biżżejjed sabiex jippreparaw għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Il-perjodu meta ser isir ix-xogħol jaħbat ma' dak il-perjodu fejn normalment ikun hemm l-anqas meetings ta' l-atletika fit-track tal-Marsa.
Jista' il-Ministru jgħid il-kuntratti għax-xogħol ta' tqegħid ġdid tat-track tal-atletika ngħatawx kollha? Jekk fl-affermattiv jista' jagħti dettalji dwar dawk il-kumpanniji li applikaw għax-xogħol? Kemm kienet kull offerta u min intgħażel biex jagħmel dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kuntratt għax-xogħol tat-tqegħid ta' wiċċ ġdid tat-track ta' l-atletika ingħata. B'kollox intefgħu 8 offerti minn 7 kuntratturi. Id-dettalji tagħhom huma kif ġej:
THREE EIGHT NINE LTD - Lm109,140
John G. Cassar Ltd - Lm 99,413
A.X. Construction - Lm163,405
CEIS Construzioni E.I.S. S.p.A. - Lm 97,597.50
Mizzi Group - Lm 94,750
M. Quip Ltd o.b.o. Syntek, UK - Lm 84,974
- Lm 89,205.10
HAFFA A.G. - Lm105,619.50
Intgħażlet l-ewwel offerta ta' M.Quip li kienet l-aktar waħda vantaġġjuża.
Jista' il-Ministru jara li jsir tindif regolari tal-kanal li hemm fil-kumpless sportiv tal-Marsa peress li reġa' mtela bil-ħmieġ u affarijiet oħra fil-maltempata tal-ġimgħa li għaddiet li jista' jwaqqaf l-ilma milli jgħaddi f'xita qalila oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jirriżultax li hemm xi materjal miġbur fil-kanal li hemm fil-kumpless sportiv tal-Marsa. Madankollu għalkemm ix-xogħol tat-tindif tal-kanali jaqa' taħt ir-responsabbilta` tal-Unit għall-Ambjent Nadif, il-ħaddiema tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport xorta waħda jieħdu ħsieb inaddfu fuq bażi regolari dik il-parti tal-kanal li hemm fiz-zona li taqa' direttament taħt id-Dipartiment. Prova ta' kemm il-kanal qiegħed jinżamm nadif ingħatat fil-maltempata tal-bidu ta' Novembru, fejn minkejja l-intensita` qawwija tax-xita qatt ma kien hemm periklu ta' għargħar.