Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat — Triq il-Kulleġġ

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bl-evalwazzjoni li għamlu l-awtoritajiet tat-traffiku dwar l-ilmenti tar-residenti ta' Triq il-Kulleġġ tar-Rabat minħabba l-volum tat-traffiku li żdied riċentament u qed jikkawża perikolu lill-pedestrians minħabba ċ-ċokon tal-bankini u l-ispazju limitat tat-triq? Minn fil-fatt huwa responsabbli mill-evalwazzjoni ta' dawn l-ilmenti tar-residenti tat-triq imsemmija

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li kien hemm numru ta' lmenti dwar il-volum ta' traffiku mir-residenti ta' Triq Konti Ruġġieru u toroq oħra fl-inħawi fir-Rabat, kien ġie deciż li Triq Nikola Sawra ssir one way (lejn il-Pjazza ta' San Duminku) bħal Triq Ġorġ Borġ Olivier. Qed jidher iżda li din il-miżura ma naqqsitx il-volum tat-traffiku mit-toroq imsemmija daqs kemm kien mixtieq. Għaldaqstant, l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tar-Rabat qed jikkonsidraw x'miżuri oħra jistgħu jittieħdu biex din il-problema tiġi solvuta. Fil-fatt saru diskussjonijiet bejn l-Awtorita' u l-Kunsill fl-aħħar ġimgħat biex flimkien tinstab soluzzjoni. Fil-frattemp saru traffic counts mill-Awtorita' biex jgħinu f'dan il-proċess.

Venda Ġdida

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari 29931 dwar il-venda l-ġdida f'San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi d-diskussjonijiet dwar il- location tal- Bus Terminus ta' Bugibba għadhom għaddejjin u wieħed irid jistenna l-esitu u l-konkluzjonijiet li finalment ser jirriżultaw minn North/West Local Plan.
Leg 9 PQ #37039 Sitting 822 2002-11-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat Malta — Dawl fit-toroq

Question

X'kienet ir-raġuni li matul dawn l-aħħar erba' snin ma ġietx milqugħa t-talba tiegħi sabiex issir bozza/lampa fejn ir-residenza li tinsab fi sqaq 2A/1 San Franġisk ir-Rabat Malta? Jista' il-Ministru jinvestiga u jirrimedja għal dan il-bżonn qabel ma jkun tard wisq? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret fuq il-post mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li hemm dawl adekwat.

Taxxa tal-VAT

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga għaliex il-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma rċevietx il-kumpens dovut lilhom għat-taxxa tal-VAT li ħalset fuq l-ewwel propjeta` tagħhom

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn records ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jidhirx li l-Awtorita' għandha applikazzjoni għall-ħlas Lura ta' Taxxa fuq il-Valur Miżjud Imħallsa Fuq l-Ewwel Dar ta' Abitazzjoni mis-Sinjuri ndikat.
Leg 9 PQ #37041 Sitting 822 2002-11-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Refunds tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex id-dipartiment tal-VAT qatt ma ħallas ir-refunds tal-VAT dovuti lill-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament.

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema tip ta' refund qed jirreferi.
Leg 9 PQ #37042 Sitting 822 2002-11-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Shooting Range

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari 29899 dwar is-shooting range fil-Mellieħa.

Response (BORG, TONIO)

L-appell mir-rifjut tal-applikazzjoni PA 4430/98, dwar is-shooting range fil-Mellieħa ġie aġġornat għas-27 ta` Novembru 2002 biex tingħata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar.

Bus Shelters

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' kumpens qiegħed jingħata lid-ditta FACES għal bus shelters ġodda li qegħdin jitwaħħlu ma Malta kollha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Bus Shelters jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsilli Lokali.
Leg 9 PQ #36520 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha dejn l-Enemalta illum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 35933 magħmula minnu stess waqt is-Seduta numru 812.
Leg 9 PQ #36521 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha dejn il-Maltacom?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni li qed tintalab hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma jkunx fl-interess ta' l-azjenda li tali nformazzjoni tingħata. Tajjeb jingħad li l-pożizzjoni finanzjarja tal-Maltacom hija spjegata b'mod ċar fir-Rapport Annwali tagħha.
Leg 9 PQ #36522 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Nassaba

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex fil-ftehim li sar bejn Malta u l-Unjoni Ewropea n-nassaba jridu jirreġistraw il-mansab tagħhom? Dan ifisser illi kull mansab se jkollu bżonn permess mill-MEPA u li kull nassab 'il quddiem irid ikollu titolu ta' l-art li fuqha jsir l-insib? Hemm ħsieb illi 'l quddiem ma jinħarġux permessi ġodda għall-imnasab u jistax nassab ikollu aktar minn mansab wieħed?

Response (BORG, TONIO)

Kull nassab liċenzjat ser ikollu obbligu li jindika l-inħawi ta` fejn jinsab il-mansab tiegħu. Ma qed tiġi introdotta l-ebda miżura oħra marbuta mat-titlu jew permess tal-mansab.
Leg 9 PQ #36523 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Billi kullħadd jaf illi ġo bajja li hemm bejn il-Ġnejna u l-bajja ta' Għajn Tuffieħa qed ikun hemm ħafna persuni jgħumu mingħajr malji u anki qed isiru ħafna attijiet oxxeni u ndiċenti, jista' il-Ministru jgħid kemm tressqu persuni din is-sena fuq dan l-abbuż lampanti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena kien hemm żewġ persuni li tressqu quddiem il-Qorti fuq akkużi li neżgħu għarwenien jew ma kienux lebsin xieraq fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #36524 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Konkatidral ta' San Ġwann

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għall-kustodji part-time fil-konkatidral ta' San Ġwann? Kif intgħażlu dawk magħżula u sarx xi forma ta' eżami u/jew interview?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fondazzjoni Konkatidral ta' San Ġwann ma taqax taħt id-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Leg 9 PQ #36555 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2002 kienx hemm każi fejn pulizija li skortaw immigranti illegali bl-ajru lejn pajjiżhom tħallsu extra minħabba sigħat żejda li jkunu ħadmu? Kemm kien hemm pulizija involuti? Ta' liema rank? X'inhi s-somma involuta? Il-flus dovuti tħallsu kollha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s`issa ġiet imħallsa s-somma ta` Lm491.10 lil 23 membru tal-Korp (7 surġenti u 16 kuntistabbli) tas-sigħat żejda li nħadmu matul din is-sena sabiex ikunu skortati immigranti illegali lejn pajjiżhom. Infurmat ukoll illi din iċ-ċifra tkopri sa l-aħħar ta` Settembru peress li l-overtime jitħallas b`xahrejn lura.
Leg 9 PQ #36556 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux qed isiru diskussjonijiet ma' pajjiżi ġirien tagħna bħall-Italja, il-Libja u t-Tuneżija biex naraw kif jistgħu jiġu ikkontrollati l-vjaġġi ta' immigranti illegali speċjalment mill-post tat-tluq? Jista' jagħti tagħrif dwar x'laqgħat bħal dawn saru fis-sena 2001 u 2002 s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Fis-sena 2001, il-Gvern preżenti ħa l-inizjattiva biex jagħmel kuntatt diplomatiku ma` diversi pajjiżi ġirien tagħna. Fil-fatt tlesta abbozz ta` ftehim ta` riammissjoni li ntbgħat lil numru ta` pajjiżi. Dawn il-kuntatti għadhom għaddejjin u fil-fatt is-suġġett ta` l-immigrazzjoni tqanqal kemm f`laqgħat multilaterali, partikolarment: - il-laqgħa tal-Ministru ta` l-Intern tac-CIMO (Mediterran tal-Punent) kemm fuq livell Ministerjali fil-laqgħa ta` Tripoli f`Lulju li għadda u kemm fil-laqgħat tas-'Senior Officials' li jsiru fuq bażi regolari; - il-laqgħa f`Tuneż aktar kmieni dax-xahar fl-ambitu tal-5+5 f`liema laqgħa attendew ukoll rappreżentanti ta` l-IOM u l-Kummissjoni Ewropea; - u fuq livell bilaterali, fosthom il-Mixed Commission Malta - Tunisia. Fil-21 ta` Settembru delegazzjoni Libjana ġiet Malta għal taħdidiet li matulhom ġie reġistrat progress fuq abbozz ta` ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi.
Leg 9 PQ #36557 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Immigranti illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid intalbitx għajnuna mill-Ġnus Magħquda u/jew minn xi organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn biex jgħinu lil Malta tikkontrolla d-dħul ta' immigranti illegali u tgħin biex tieħu ħsiebhom?

Response (BORG, JOE)

Ma ntalbet l-ebda għajnuna mill-Ġnus Magħquda u / jew minn xi organiżżazzjonijiet internazzjonali oħrajn biex jgħinu lil Malta tikkontrolla d-dħul ta' immigranti illegali jew biex jgħinuha tieħu ħsiebhom. Peress li din il-materja taqa' taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministeru ta' l-Intern, jekk l-Onorevoli Interpellant irid nformazzjoni aktar ddettaljata nitolbu jagħmilha lil dak il-Ministeru.
Leg 9 PQ #36558 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Mater Dei

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux sejjer jinbena helicopter pad fuq is-saqaf tas-swali u t-teatri ta' l-isptar Mater Dei? Kemm sejjer jiġi jiswa dan il-pad biex jinbena fuq is-saqaf - u biex l-istruttura tal-bini tiġi rinforzata biex tiflaħ għal dan l-istress? X'vantaġġi hemm li l-pad se jsir fuq is-saqaf flok fuq l-art? Sejrin jiġu affettwati t-teatri meta l-helicopter jinżel u jitla'? Ġew ikkunsidrati l-ħsejjes li ser jagħmel il-helicopter meta jinżel bil-lejl fuq is-saqaf tas-swali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nikkonferma illi ser jinbena helicopter pad fuq il-bejt ta` Mater Dei kif jiġri ġewwa ħafna sptarijiet ġodda. Dan kif kopert b'permess maħruġ mill-MEPA. Helicopter pad fuq il-bejt ta` l-iswali ta` l-emerġenza joffri aċċess dirett f'ħin minimu għal każi ta` emerġenza joffri aċċess dirett f'ħin minimu għal każi ta` emerġenza, li lokazzjonijiet oħra ma joffrux. Il-ħsejjes li jagħmel helicopter bi tlugħ u nżul ġew kkunsidrati u fil-fatt se jiġi stallat materjal ta` sound abatement.
Leg 9 PQ #36572 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

KPMG

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' rapport qed isir mill-KPMG dwar il-government pharmaceutical services? Liema oqsma qed jiġu studjati u liema oqsma tas-servizz qed jitħallew barra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Permezz ta` Letter of Acceptance maħruġa fit-2 ta` Mejju 2001, d-ditta ta` konsulenza KPMG ingħatat kuntratt għal tmintax-il xahar biex tagħmel Business Process Re-engineering (BPR) tal-Government Pharmaceutical Services (GPS), kif ukoll tintroduċi "an appropriate IT system based on the outcome of the BPR". Il-KPMG għaldaqstant kellha l-kompitu li tara s-sistemi kollha użati bħalissa fil-GPS, sew proċeduri ta` xiri ta` mediċini u apparat mediku (li tinkludi s-sezzjoni tal-Kuntratti), is-sistemi ta` kif isiru l-pagamenti, l-proċeduri u l-istruttura ta` l-istores, kif ukoll it-tqassim tal-mediċini u tagħmir mediku. Il-KPMG hija mistennija li tissottometti r-rapport finali tagħha dalwaqt u tirrakkommanda kif il-GPS għandu jiffunzjona b'mod aktar effiċjenti u effettiv, l-istrutturi li hemm bżonn jinbidlu għall-aħjar u s-sistema ta` l-I.T. Dan kollu bil-għan li s-servizzi provduti mill-GPS ikunu mfassla u ndirizzati fuq il-ħtiġijiet tal-pazjenti u l-isptarijiet/Ċentri tas-Saħħa. Dan il-kuntratt se jkopri l-funzjonijiet kollha tal-GPS.
Leg 9 PQ #36573 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

KPMG

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jqum ir-rapport li qed isir mill-KPMG dwar il-government pharmaceutical services?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li fit-2 ta` Mejju 2001 id-ditta ta` konsulenza KPMG kienet ingħatat kuntratt ta` tmintax-il xahar biex jagħmlu Business Process Re-engineering fil-Government Pharmaceutical Services (GPS). Dan il-kuntratt li kien ukoll jinkludi s-servizzi ta` financial controller u Administrative Assistant fuq bażi full time ingħata mill-contract committee għas-somma ta` LM88,000.