Jista' l-Ministru jinformana kemm għandna karozzi liċenzjati jaħdmu bl-elettriku? Kemm hu n-numru ta' dawk il-karozzi reġistrati li jaħdmu bil-batterija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li n-numru ta' karozzi liċenzjati li jaħdmu bl-elettriku hu :
Elettriku / Petrol (Hybrid) : 11
Elettriku: 1.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien l-akbar u l-anqas ammont ta' flus li ngħata lill-familji wara li bbenefikaw mill-iskema ta' l-Awtorita` tad-Djar sena b'sena mill-1999 sal-lum? X'kienet l-iskema li taħtha ngħata l-flus?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi il-Mistoqsija Parlamentari numru 37181?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fid-dipartiment tal-ġinekoloġija u l-obstetrija ma jkunx hawn nurses/midwives li jkunu "on call".
Fil-Hyperbaric Unit jkun hemm 3 nurses (2SN 1 EN)
Cardiac Cathlab jkun hemm 2 nurses (SN u EN)
Renal Unit jkun hemm 1 nurse (SN)
Angio Suite 2 nurses biex ikopru ir-radiology urgent cases (Deputy Nursing Officer u Enrolled Nurse)
Infection Control N.O. u Dept. N.O.
Cardiac on call- Scrub side 3
Anaesthesia side 1
Transplants 1
Peress li bħal issa qed isir tibjid tal-blocks Hubbard Bormla, jista' il-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol jinkludix ukoll il-gallarijiet tal-ġebel? Jista' il-Ministru jivverifika jekk hux minnu li r-residenti qed jintalbu Lm10 sabiex tiġi imbajda kull gallerija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant jinkludi wkoll l-gallarijiet tal-ġebel.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar ma talab ebda ħlas għal dan ix-xogħol iżda ninsab informat li mpjegat tal-kuntrattur li kien qed jagħmel ix-xogħol talab xi flus mingħand l-inkwilini. Ninsab informat ukoll li l-kuntrattur keċċa lil dan l-impjegat meta sar jaf b'dak li ġara.
Jista' il-Minstru jara li jinbidlu l-bozoz li ilhom maqtugħin fi Triq Alessandra Bormla fuq il-pont lejn Kwratier San Nikola?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-bozoz li qed issir riferenza għalihom mhux l-ewwel darba li nbidlu minħabba li spiċċaw l-mira ta' vandali. Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta qed tagħmel kull sforz biex dawn il-bozoz jibqgħu jixgħelu.
Jista' il-Minstru jara li tinbidel bozza li hemm maqtugħa fi Kwartier San Nikola Bormla?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li numru ta' anzjani qed jinqatgħalhom ammont mill-pensjoni u jgħidulhom li dan qed isir għax sar ħlas żejjed? Kemm hemm minn dawn l-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas lura ta' Benefiċċju, Pensjoni, Allowance, jew Għajnuna indebitament imħallsin lill xi benefiċjarju, hu regolat bil-provvediment ta' l-Artikolu 102 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318).
Hemm diversi ċirkostanzi li fihom jirriżulta li jkun sar ħlas żejjed. Hekk ngħidu aħna jista' jkun hemm żball fil-kalkolu minn naħa tad-dipartiment fir-rata tal-benefiċċju dovut skond il-liġi. Ħafna drabi jirriżulta li l-benefiċjarju ma jkunx irraporta xi tibdil fiċ-ċirkostanzi tiegħu dwar, ngħidu aħna, il-kompożizzjoni tal-familja jew xi dħul li ma kienx iddikjarat qabel.
It-taqsima li konna waqqafna fid-dipartiment u li hi responsabbli minn investigazzjonijiet u frodi skopriet numru ta' każijiet li fihom id-dikjarazzjonijiet ta' l-assi kapitali, inkluż flus fil-banek, kienet skorretta. F'kull każ il-benefiċjarju jiġi nfurmat dwar iċ-ċirkostanzi ndividwali tiegħu u l-mod ta' kif ser issir ir-rifużjoni ta' l-ammont imħallas u li ma kienx dovut.
Għaldaqstant, l-Onor. Interpellant jifhem li mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni kif mitluba minnu ġaladarba din tkun tirrikjedi riċerka fil-files individwali ta' kull benefiċjarju. Bħalissa r-riżorsi umani tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali huma impenjati kollha fil-preparazzjonijiet ta' l-implimentazzjoni, b'effett minn Jannar tas-sena d-dieħla, tal-miżuri ġodda u fejjieda mħabbra fl-aħħar diskors tal-budget.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-konvenju li sar fit-18 ta' Gunju 1990, referenza 262/89 bejn l-Awtorita’ tad-Djar u l-persuni li isimhom qiegħed jintbagħat separatament għadu sal-lum ma ġiex konkluż u pubblikat l-kuntratt skond il-liġi?
Jista’ l-Minsitru jgħid jekk dan hux l-każ u kemm hemm konvenji oħra bħalu li għadhom ma ġewx konklużi.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li l-art li fuqha hemm mibni l-plot għada ma ġietx trasferita lill-Awtorita' tad-Djar.
L-Awtorita' tad-Djar għandha madwar 1408 plot assenjat lill-benefiċċjarji tagħha li għadhom ma ġewx trasferita lilha. Minħabba f'hekk il-kuntratt ta' enfitewsi ma jistax jiġi ffirmat.
Ta' min jgħid li minn żmien għal żmien id-Dipartiment ta' l-Artijiet jgħaddi lill-Awtorita' tad-Djar titolu ta' diversi plots permezz ta' Avviż Legali u l-Kuntratti rispettivi jiġu ffinaliżżati.
Jista' il-Ministru jara li titnaddaf culvert li tinsab fi Triq il-Karmelitani Fgura ħdejn il-pjazza ta' ħdejn il-knisja?
Response (GATT, AUSTIN)
Bhal ma taf l-Onorevoli Interpellanta, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esigenzi u l-mezzi taghhom.
Ghaldaqstant nissuggerixxi l-Onorevoli Membru li tirreferi l-mistoqsija taghha lill-Kunsill tal-lokalita' billi l-funzjoni li qed tirreferi ghaliha fil-fatt hija wahda mir-responsabbiltajiet tal-Kunsilli.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37136?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fid-Dekasteru ta' l-Edukazzjoni inxtraw dawn il-karozzi matul l-aħħar sena u nofs:
Dipartiment/Entita` Marka Minn min qed tintuża Kemm swiet
Ministeru Renault Megane Direttur (Office of Review) Lm5,524
Dipt. Żgħażagħ u Sport Volkswagen Bora Direttur Lm5,300
Diviżjoni ta' l- Honda Civic Dir. Ippjanar u Infrastruttura Lm5,522
Edukazzjoni Toyota Yaris Direttur Operat Lm5,139
Renault Megane Dir. Servizzi għall-Istudenti Lm5,715
u Relazzjonijiet Internazzjonali
Renault Megane Direttur Teknoloġija Lm4,470
Ford Focus Direttur Finanzi u Lm4,970
Amministrazzjoni
Universita` ta' Malta Ranault Kangoo Institute of Health Care Lm6,050
1.9 Diesel (użu ġenerali)
Renault Kangoo Junior College Lm6,688
1.9 Diesel (użu ġenerali)
MCAST Ford Focus } President ta' l-MCAST, Lm7023
Citroen Xsara } Prinċipal, Lm6,430
Citroen Xsara } Konsulent Eżekuttiv Lm7,465
Alfa Romeo } DiretturAmminstrattiv Lm9,900
Jista' il-Prim Ministru jgħid għalfejn fl-aħħar eżami għal-senior principals il-kandidati ntalbu jiktbu isimhom minflok index number?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li wara r-rapprezentazzjonijiet li kienu saru, kien gie deciz li l-process ta’ l-ghazla ghall-hatra ta’ “Senior Principals” ma jibqax jiehu l-forma ta’ ezami tradizzjonali.
Ghalhekk meta harget sejha ohra ghall-applikazzjonijiet fil-grad ta’ “Senior Principal” fl-1997, il-process ta’ l-ghazla ha l-forma ta’ “extended interview” li kien jikkonsisti f’diskussjoni bejn il-kandidati fi gruppi, rapport bil-miktub bl-Ingliz u iehor bil-Malti minn kull kandidat dwar id-diskussjoni u intervista individwali.
Billi r-rapport bil-miktub kien parti integrali mill-process tal-“extended interview” u mhux ezami separat, ma kienx hemm lok li l-kandidati jinghataw “index number”.
Il-proceduri li ntuzaw din id-darba kienu identici ghal dawk li ntuzaw fil-process ta’ l-ghazla ghall-hatra ta’ “Senior Principals” li sar fl-1997.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 37109, billi l-Onor. Interpellant mhux interessat ikun jaf meta l-Kummissarju tal-Pulizija ġie nfurmat bid-deċiżjoni tal-PSC, jista' il-Ministru jgħid meta tat id-deċiżjoni tagħha il-PSC?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` spjegajt fit-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 37109, il-Kummissarju tal-Pulizija kien ġie infurmat bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fit-18 ta` Settembru 2002. Tagħrif dwar meta ittieħdet din id-deċiżjoni ma hux disponibbli la minn naħa tal-Korp tal-Pulizija lanqas minn naħa tal-Ministeru ta` l-Intern u l-Ambjent. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jitlob dan it-tagħrif lill-Ministru ikkonċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37117 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ittra jew il-korrispondenza li l-manifatturi tal-makna, mertu tal-mistoqsija preċedenti, ma humiex ser ikomplu jipprovdu spare parts? Min huma l-manifatturi?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` l-ittra li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki li f'dawn l-aħħar xhur żiedu l-ammont ta' prodotti esportati?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn statistika miżmuma fl-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, jirriżulta li minn paragun li sar bejn is-sitt xhur minn April sa Settembru ta' din is-sena u l-istess perjodu tas-sena ta' qabel, minn total ta' 193 fabbrika fis-settur tal-manifattura li jesportaw il-prodotti tagħhom, 83 minnhom, jiġifieri tlieta u erbgħin fil-mija, żiedu l-ammont ta' prodotti esportati. Tajjeb jingħad li dan il-paragun ma jinkludix l-esportazzjoni ta' prodotti primarji tal-biedja.
Kemm ġew irtirati reserved parking bays għal persuni b'diżabilita', sena b'sena, lokalita' b' lokalita', fis-snin li għaddew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ebda entita' fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, inkluż il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', ma hi responsabbli biex tirtira xi reserved parking lill-persuni b'diżabilita'. Is-Servizz ta' Reserved Parking jingħata mill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku u għalhekk din il-Mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministru konċernat.
Jistgħu residenti li joqodu fil-viċinanzi ta' l-isptar San Luqa iżda mhux neċessarjament f'Tal-Pieta' (eż. Ħamrun partikolarment Blata l-Bajda), jingħataw il-possibilita' li jiġbru l-mediċini mill-ispiżerija tal-isptar San Luqa stess?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpanniji li ma osservawx ir-regolamenti tal-MFSC f'dawn l -aħħar snin, sena b'sena, regolament b'regolament?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MFSA bħala l-awtorita kompetenti, tamminjistra diversi liġijiet u regolamenti fis-settur finanzjarju u tilliċenzja diversi persuni u entitajiet taħt dawn il-liġijiet. L-MFSA għandha responsabbilita' wkoll għar-reġistru tal-kumpanniji. Fil-qadi tal-funzjonijiet tagħha l-MFSA tissorvelja l-operat ta dawk liċenzjati minnha u tiehu passi kull meta jkun hemm nuqqas ta osservanza ta xi provvediment tal-liġi jew ta xi kundizzjoni ta liċenzja. Ir-Reġistratur tal-Kumpanniji fi ħdan l-MFSA jimponi wkoll dawk il-penalitajiet kontemplati għal nuqqasijiet taħt l-Att ta' l-1995 dwar il-Kumpanniji. Peress li l-provvedimenti tal-liġijiet u regolamenti tal-liġijiet u regolamenti in kwistjoni huma kumplessi u f'numru kbir, ma tinżamx statistika ta kull nuqqas jew ksur bil-modd kif mitlub.
Peress li nstabu siringi fi triq San Tumas, fil-Furjana fejn l-iskola primarja tal-gvern, tista' tiġi mdawla aħjar din il-parti tat-triq?
Jista' jsir street lighting ġdid ukoll fi Triq San Kristofru l-Belt, biswit numru 46 peress li hemm ukoll nuqqas ta' dawl fl-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li fil-postijiet imsemmija hemm dawl adekwat.