Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qiegħed jintbagħat separatament għamlitx xi xogħol konness mal-Ministeru jew entita' li taqa taħt ir-responsabilita' tiegħu tul din il-leġislatura? Jista' jgħid ukoll jekk kumpanija jew firm li l-istess persuna għandha sehem minnha għamlitx ukoll xi xogħol għall-Ministeru jew entita' li taqa taħt ir-responsabilita' tiegħu tul din il-leġislatura? Jekk fl-affermattiv jista' il-Ministru jgħid f'kull każ f'hiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm sar ħlas għalih?
Response (GALEA, ĊENSU)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23477, jien infurmat li l-Kumpanija tal-persuna li qed issir referenza għaliha għamlet xogħol ta' konsulenza għall-Konferenza Nazzjonali dwar it-Trasport Pubbliku organizzata minn dik li kienet qabel l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku li għaliha tħallset is-somma ta' Lm2,070 fuq medda ta' sitt xhur.
Jien infurmat ukoll l l-istess Kumpanija bħalissa qed tagħmel xogħol ta' konsulenza għad-Direttorat tat-Toroq kif ukoll għad-Direttorat ta' l-Immaniġjar tat-Traffiku fuq xogħol relatat. Sa issa tħallsu Lm3,450 (on account) għas-servizzi mogħtija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għall-għoti b'ċens temporarji ta' sit f'Pembroke għall-formazzjoni ta' neighbourhood centre (ADV No: 153)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm offerta waħda għall-għoti b`ċens temporanju ta` sit f`Pembroke għall-formazzjoni ta` Neighbourhood Centre (Advert No. 153).
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-vaska ż-żgħira fil-Pixxina Nazzjonali mhux qed tissaħħan speċjalment issa li t-temp kesaħ? Kemm ilha ma tissaħħan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn studju li sar dwar l-użu tal-pixxina f'dawn l-aħħar snin jidher li l-bżonnijiet tal-Pixxina Nazzjonali fix-xitwa jistgħu jiġu moqdija xorta billi tissaħħan pixxina waħda u l-funzjonijiet kollha jiġu konċentrati hemmhekk u b'hekk, b'għaqal, jiġu ffrankati spejjeż ta' fuel. Il-pixxina l-kbira baqgħet tissaħħan bħas-soltu filwaqt li l-pixxina ż-żgħira, għal dawn l-aħħar 2/3 ġimgħat, baqgħet tissaħħan biss matul il-weekend meta, minħabba Skolasport u użu ieħor jiġġustifika li din tissaħħan.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal l-iffirmar minn Malta tal-Bioethics Convention tal-Kunsill ta' l-Ewropa.
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed jikkonsidra sew l-iffirmar u wkoll l-irratifikar ta' din il-Konvenzjoni.
Din ir-ratifika tirrekjedi mhux biss studju profond tal-Konvenzjoni biex jiġu identifikati l-obbligi li jkunu jridu jiġu aċċettati mar-ratifika, imma wkoll studju ta' dawk il-liġijiet lokali li jkunu jridu jiġu emendati kif ukoll preparazzjoni ta' liġijiet ġodda li jista' jkun hemm bżonn isiru qabel ma jiġu aċċettati dawn l-obbligi.
Irid ukoll isir studju biex jiġi deċiż jekk hemmx bżonn li l-Gvern jagħmel xi reżervi meta jirratifika din il-Konvenzjoni u jekk iva x'riżervi hemm bżonn li jsiru.
Dan il-proċess diġa beda, iżda billi l-eżerċizzju legali nvolut huwa intensiv mhux ħażin u billi x-xogħol irid isir b'mod akkurat ħafna, il-proċess jirrikjedi ċertu tul ta' żmien sabiex jitlesta.
Jista' l-Ministru jikkonferma li parti mis-suffett jew saqaf fil-bini l-ġdid tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ċeda? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni u għaliex ċeda meta l-bini huwa ġdid? Saru r-riparazzjonijiet? Jekk iva, kemm ġiet tiswa l-ispiża tat-tiswija.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li ċeda xi parti mis-suffett jew saqaf tal-kumpless il-ġdid fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Hemm problema fil-waterproofing tas-soqfa, b`konsegwenza li meta tagħmel ix-xita partijiet mis-soqfa joqtru u kien hemm fejn ixxarrab is-suffett. Din il-problema qed tkun segwita mill-periti tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija, fit-Taqsima tax-Xogħolijiet fil-Ministeru għall-Ambjent, li kienu responsabbli minn dan il-proġett. Għalhekk għal aktar tagħrif tekniku, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema benefiċċji finanzjarji jew mod ieħor hu intitolat l-individwu u/jew il-familja tiegħu li jbati bil-marda tan-neurofibromatosis
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-marda ndikata mill-Onor. Interpellant mhix waħda minn dawk elenkati fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali u għalhekk persuna li ssofri minn din il-marda mhix intitolata għall-benefiċċji soċjali taħt l-imsemmi Att speċifikament għax issofri minn din il-marda.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi il-mistoqsija parlamentari 37097 u cioe` jgħid x'inhi l-pożizzjoni tad-diskussjonijiet li għaddejjin bejn il-Gvern Malti u l-kumpanniji barranin dwar il-pipeline tal-gass li huwa proġettat li jgħaddi bejn il-kosta ta' l-Afrika ta' fuq u Sqallija? Dan ser jgħaddi minn Malta u nkunu nistgħu nieħdu fergħa minnha jew ikollha tgħaddi fergħa oħra minn Sqallija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghall-istqarrijiet ghall-istampa mahruga mid-Dipartiment ta’ l-informazzjoni numri 020 u 021 ta’ din is-sena.
Ninsab infurmat li l-istudju minn ENI Spa ghadu mhux finalizzat.
Jista' l-Ministru jara li tlett iklieb li qegħdin ikunu ta' periklu għal pubbliku li jkun għaddejjin minn fejn il-makna tat-tarmac fit-triq li mir-Rabat tagħti għaż-Żebbuġ, Għawdex, jitneħħew?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fuq rapport li kellha nhar it-22 ta` Novembru 2002, il-Pulizija ta` Għawdex qed tieħu l-azzjoni meħtieġa, bl-għajnuna ta` l-S.P.C.A.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jipprova jsib soluzzjoni għall-każ ta' Għawdxija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover u li fil-preżent tinsab tqila, peress li għalkemm it-tobba tawha parir li m'humiex assolutament tajjeb għal gravidanza tagħha li ta' kuljum permess tal-karozza tal-linja tmur Bormla u tirritorna lejn Għawdex, hija xorta waħda qiegħda tkun kostretta tagħmel dan il-vjaġġ kuljum għaliex il-kapijiet ta' l-istess skola ma laqgħux it-talba tagħha, li hi, fuq bażi temporanja titħalla taħdem fi skola f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna msemmija hi stess applikat u ntagħżlet biex taħdem b'kuntratt bħala School Secretary fi Skola f'Malta. Filwaqt li wieħed jissimpatizza mas-sitwazzjoni ta' din il-persuna, huwa diffiċli ferm li wieħed jilqaż talbiet bħal dawn minħabba t-tip ta' rabta li l-persuna jkollha ma' l-iskola fejn taħdem permezz ta' kuntratt ta' xogħol. Jekk tintbagħat Għawdex, fejn m'hemmx bżonnha, l-iskola f'Malta tibqa' priva mis-servizzi ta' School Secretary li huma ferm meħtieġa.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36561 u r-risposta li hemm mogħtija, jista' l-Ministru jinnota li l-periklu għadu hemm sal-lum u li l-ebda rimedju ma sar sabiex l-istess ħofra fit-triq tiġi mimlija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li ħareġ l-Avviż ta` Infurzar numru ECF142/02, saru żewġ method statements sabiex is-sit li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jitreġġa lura għal l-istat li kien. Wieħed mill-method statements sar mill-Kunsill Lokali ta` l-Għarb filwaqt li l-ieħor minn sid l-għar. L-Awtorita` taqbel ma` dawn il-method statements u issa jridu jiġu implementati. Infurmat ukoll li x-xogħol irid isir mill-Kunsill Lokali ta` l-Għarb.
Jista' l-Ministru jispjega l-każ ta' tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu under separate cover li għalkemm il-bord aktar minn xahar ilu ddeċieda li għandu jkollu facilitator, sal-lum dan għadu qed jinqeda b'facilitator ieħor meta dana ma jkollux xogħol ieħor?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ttifel imsemmi beda jingħata sservizz ta' facilitator skond iddeċiżjoni ta' liStatementing Board.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nri. 37109 u 36836 u r-risposti li ngħataw, jista' l-Prim Ministru jagħti d-data preċiża meta l-kummissjoni dwar is-servizz pubbliku tat direttiva biex ħatriet fil-Korp tal-Pulizija ma jsirux aktar fuq rikkmandazzjoni diretta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fl-4 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku kienet infurmat lill-Kummissarju tal-Pulizija li hatriet fir-rank ta’ Superintendent kellhom jibdew isiru wara sejha ghall-applikazzjonijiet u process ta’ ghazla.
Fil-kaz ta’ hatriet fir-rank ta’ Assistant Kummissarju, il-Kummissjoni tat direttiva simili fit-18 ta’ Setembru 2002.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li numru ta' street lamps f'Ħaż-Żebbuġ approvati mill-ministeru għadhom ma ġewx implimentati?
1) Triq Andre Borg
2) Triq Mikelang Sapiano
3) Triq Vincenzo Adrario
4) Triq Lucas Garnier
5) Triq 12 ta' Mejju
6) Triq Andrea Bogdan
7) Triq il-Perit
8) N/S in Triq l-Isqof Caruana
Meta hemm il-ħsieb li dawn l-istreet lamps jitwaħħlu u jixgħelu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-lampa fi Triq il-Perit ġiet installata u dawk fit-Toroq Andre' Borg u Mekelanġ Sapiano ser jitwaħħlu fil-ġranet li ġejjin. Fir-rigward tat-talbiet l-oħra, ninsab infurmat li x-xogħol għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li applikazzjoni Nru. 1481/02 għal provvista ta' elettriku f'dar privata mal-Korporazzjoni Enemalta għadha ma ġietx milqugħa?
Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li dan is-servizz jingħata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru hija waħda mill-applikazzjonijiet li hemm pendenti u li qed tiġi pproċessata flimkien ma' oħrajn simili.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jindaga l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u jara hux il-każ li tinħariġilha pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li mir-records tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, jiriżulta li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mietet fis-16 ta' Awwissu 2002 u għalhekk m'hemm ebda pensjoni x'tinħarġilha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fejn jinsabu l-postijiet li kkwota fil-budget speech 2003 pg 35 taħt il-titlu 'Persuni b'Diżabilita`'
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proġetti kkwotati fid-diskors tal-Budget għas-sena 2003 li għamlet referenza għalihom l-Onor. Interpellanti qiegħdin fil-kumpless Vajrita f'Wied il-Għajn., il Housing Estate ta' Tewma, Ħal-Kirkop u l-Housing Estate tad-Dejma fil-Fgura.
Irrid inżid li minbarra dawn it-tlett proġetti hemm proġett ieħor biex jipprovdi servizz residenzjali fil-komunita' għall-persuni b'diżabilita'. Dan il-proġett hu fl-Imtarfa u xogħol fuq dan il-proġett jinsab fi stadju avanzat ħafna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti mal-Korporazzjoni Enemalta għal servizz domestiku ta' provvista ta' dawl fi djar privati madwar Malta kollha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal servizz domestiku fil-gżejjer Maltin huwa ta' erba' mija u tlieta u erbgħin.
Jista' l-Ministru jagħmel il-verifiki oppożiti billi r-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 35851 tidher li hija skorretta u dan billi l-ħaddiema tal-pumping station tal-Gżira bilfors iridu jkollhom kuntatt dirett mad-drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal pump attendants tal-Gżira Pumping Station, dawn m'għandhom l-ebda kuntatt dirett mad-drenaġġ. Kull meta tiżviluppa xi ħsara f'din il-pumping station, din tiġi rranġata min-nies li hemm stazzjonati ġewwa l-workshops fil-Marsa.
Madankollu, ta' min wieħed iżid illi s-sena d-dieħla, il-ħsieb tagħna huwa illi din il-Pumping Station tiġi rranġata kemm bħala apparat mekkaniku u elettriku, kif ukoll bħala embellishment. Dan ta' l-aħħar huwa maħsub li jinkludi bini ta' kwartieri ġodda għall-ħaddiema kollha li hemm ġewwa din il-Pumping Station u li allura jinkludi wkoll faċilitajiet sanitarji aħjar milli hemm bħalissa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' kostruzzjoni li qiegħed isir proprju fil-wied ta' Ħ'Attard quddiem l-isptar Monte Carmeli hux kopert bil-permessi meħtieġa għax dan ix-xogħol se jimblokka l-wied u joħloq problemi ta' għargħar kbar fl-inħawi tal-madwar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.