B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 37075, jista' il-Ministru jgħid jekk id-devjazzjoni tat-traffiku msemmija kinitx approvata mit-Direttorat għat-Traffic Managment? Jekk fin-negattiv x'passi ttieħdu kontra l-kuntrattur li abbuża b'dan il-mod?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li kif diġa' semma fir-rispsota għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37075 it-triq dejqa li tgħaqqad it-triq li minn Burmarrad tieħu għat-tela t'Alla w Ommu u t-Triq li mis-Salina tieħu għan-Naxxar mhiex parti mid-
diversion route
li ġiet applikata fil-lokal. Għalhekk ma hemm l-ebda' każ t'abbuż minn naħa tal-kuntrattur u m'hemmx passi x'jittieħdu.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-grad tal-persuni li isimhom qed jingħata separatament u meta ħadu l-aħħar promotion u ma liema dipartiment? Kemm ħadmu sigħat f'overtime u kemm tħallsu fil-ġranet imsemmija hawn taħt u ma liema dipartiment twettaq dan l-overtime? 6-10-2001, 7-10-2001, 13-10-2001, 14-10-2001, 20-10-2001, 21-10-2001, 27-10-2001, 28-10-2001, 3-11-2001, 4-11-2001, 10-11-2001, 11-11-2001, 17-11-2001, 18-11-2001, 24-11-2001, 25-11-2001, 1-12-2001, 2-12-2001, 8-12-2001, 9-12-2001, 15-12-2001, 16-12-2001.
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hi kif tidher hawn taħt:
L-ewwel persuna msemmija:
Grad Senior Tradesman (Plumber)
L-aħħar promotion 30 ta' April 1999
Dipartiment Drenaġġ
It-tieni persuni msemmija:
Grad General Water Fitter
L-aħħar promotion 1 ta' Jannar 1991
Dipartiment Drenaġġ
It-tielet persuna msemmija
Grad Senior Technical Officer
L-aħħar promotion 11 ta' April 2002
Dipartiment Building Construction Industry Department
Ninsab infurmat li dawn il-persuni ma ħadmux overtime fil-ġranet imsemmija fil-mistoqsija u għaldaqstant ma ħadu l-ebda ħlas ta' overtime in konnessjoni ma' dawn il-ġranet.
Kif jispjega il-fatt il-Ministru li filwaqt li nxtrat karozza ta' Lm14,000 inxtrat lill-kap eżekuttiv f'Monte Carmeli, m'hemmx flus sabiex jinxtara vann bil-lifter li tant huwa bżonnjuż?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li kull meta l-isptar Monte Carmeli jkolllu bżonn ta' vann bil-lifter, dan jagħmel użu mill-vannijiet tad-Diviżjoni tas-Saħħa. Ta' min iżid li d-Diviżjoni tas-Saħħa għandha diversi faċilitajiet li jistgħu jintużaw mill-isptarijiet u s-sezzjonijiet ta' l-istess Diviżjoni skond il-ħtieġa.
Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' tmiem tar-raba' u xagħri propjeta tal-Gvern Malti llum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant s`issa qatt ma kienet tinżamm. Din l-informazzjoni tista` tinġabar billi tiġi investigata kull għalqa u art xagħri li għandu l-Gvern; eżerċizzju li kif zgur japprezza kulhadd jikkonsma ammont ta` żmien sostanzjali.
Kemm huwa n-numru ta' tmiem ta' raba' u xagħri reġistrat mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura llum? Kemm minnhom huma tal-privat u kemm tal-Gvern Malti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li minħabba li r-reġistrazzjoni ta' raba' mid-Dipartiment ta' l-Agrikultura hi miżmuma b'sistema manwali, l-informazzjoni tieħu fit-tul ħafna biex tingħata. Madanakollu nfakkar l-Onor. Interpellant li bdejna l-proġett magħruf bħala Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll għall-Biedja. Permezz ta' din is-sistema, għall-ewwel darba f'pajjiżna, qed noħolqu database ta' l-art agrikola kollha fil-gżejjer Maltin.
Bdiewa u raħħala — Reġistrazzjoni ta' l-art u rziezet
Question
Għaliex matul din is-sena reġa ma ġie reġistrat l-ebda progress vis-a-vis it-talbiet tal-bdiewa, raħħala eċċ, sabiex jirreġistraw taħt isimhom ir-raba' u l-irziezet li jokkupaw illum? Kemm-il applikazzjoni kien hemm fil-fatt u kemm kien id-dħul tal-Gvern minn dawn il-formalitajiet li ġew introdotti sentejn ilu?
Response (BORG, TONIO)
Il-proċess biex dawn l-applikazzjonijiet jiġu iċċekjati u vverifikati huwa wieħed kemmxejn ikkumplikat u jieħu ż-żmien. Sal-lum it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ħadet ħsieb iddaħħal l-informazzjoni ta` kull applikant ġo sistema kkomputerizzata u imbagħad, b`mod gradwali ħarġet l-applikazzjonijiet li saru f`kull lokalita` għall-iskrutinju tal-pubbliku biex kull min ried jagħmel oġġezzjoni seta` jagħmel dan. Fil-fatt nista` nikkonferma li l-aħħar stadju tal-proċess ta` skrutinju għall-lokalitajiet kollha ta` Malta u Għawdex tlesta fl-aħħar ta` Ottubru li għadda. Sadanittant it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, wara li kkonfermat li l-art mitluba ma kinitx fuq proprjeta` privata ħadet ħsieb biex l-art li fuqha saru l-applikazzjonijiet tiġi kollha kemm hi rreġistrata f`isem il-Gvern ta` Malta taħt l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta` Artijiet. Dan il-proċess ta` reġistrazzjoni, li tlesta f`Settembru li għadda, kien proċess neċessarju għall-iskop tal-Iskema. Sadanittant ukoll id-dipartiment ried jieħu ħsieb jibda jiftaħ il-files relattivi li fihom jiddaħħlu l-applikazzjonijiet għal skop ta` pproċċessar u fil-fatt sal-aħħar tas-sena ser ikunu infetħu mal-ħamest elef file. Fis-sajf li għadda beda b`mod gradwali l-ipproċessar innifsu ta` l-applikazzjonijiet fil-lokalitajiet ta` Marsaxlokk, Wied il-Għajn, B`Bugia, Mosta, Swieqi, Żurrieq u Siġġiewi. F`dawn il-lokalitajiet kien hemm 1,068 applikazzjonijiet. Dan l-ipproċessar jinkorpora ġo fih is-soluzzjoni ta` numru ta` kwistjonijiet, inklużi applikazzjonijiet fuq xulxin, oġġezzjonijiet li saru, applikazzjonijiet fuq raba` mikrija lill-terzi, verifikazzjoni jekk l-applikazzjoni taqax fuq art li tkun tajba għall-bini jew li l-Gvern għandu bżonnha għal xi proġett u spezzjonijiet fuq il-post biex wieħed jikkonferma li l-art qed tinħadem. Wara li jiġu solvuti dawn il-materji, jiġi deċiż x`art tkun tista` tinkera, issir il-pjanta uffiċjali, jiġi ffirmat il-kuntratt ta` kiri u imbagħad jiġu updated r-records tal-proprjeta`. Fil-fatt sa issa kien hemm 59 applikazzjoni li ġew irrifjutati, u mat-290 każ fejn l-applikanti intalbu jiċċaraw il-pożizzjoni għaliex jew l-art kienet diġa` mikrija jew inkella fuqha kien hemm iżjed minn applikazzjoni waħda. Imbagħad hemm 20 każ fejn il-kuntratt tal-kiri ser ikun iffinalizzat il-ġimgħa d-dieħla. Dwar l-oħrajn għad irid isiru investigazzjonijiet mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vetturi fil-garage tal-pulizija li huma, għat-tiswija u kemm ilhom jistennew sabiex jitranġaw? Kemm hemm vetturi li m'għadhomx jaħdmu, u kemm hemm vetturi ta' terzi li huma miżmuma fuq ordni tal-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 19-il vettura għat-tiswija fil-garage tal-Pulizija. Kif ġa kelli l-okkażżjoni nispjega ż-żmien sabiex issir it-tiswija jiddependi ħafna fuq l-ammont ta` tiswijiet meħtieġa. Infurmat ukoll illi hemm 68 vettura oħra li huma meqjusa bħala unservicable. Minn dawn 64 ġew mibjugħa b`sejħa għall-offerti li għalqet fis-6 ta` Novembru ta` din is-sena. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, infurmat li hemm 13-il vettura li qed jinżammu fuq ordni tal-Qorti.
Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena in-numru ta` vetturi fil-Korp tal-Pulizija żdied b`7 muturi u 33 vettura oħra.
Jirriżultalu l-Ministru jekk fid-dawl tan-negozjati ta' Malta ma l-Unjoni Ewropea humiex se jkunu mposti tariffi prottettivi (levies) fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli anke wara s-sena 2010? Jista il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn it-tariffi ġodda (levies) li trid ddaħħal malta sabiex tipproteġi l-biedja ta' l-UE?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-Mistoqsija tirrigwarda materja teknika dwar prodotti agrikoli nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista' il- Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37178 u cioe' jista' il-Ministru jgħid jekk in konnessjoni man-next day delivery (Delivery J+1) fil-Maltapost qed jiġi ntrodott night shift ġdid biex is-servizzi postali jkunu jistgħu jsiru mingħajr il-266 impjegat li qed jingħad li huma żejda? Jikkonferma il-Ministru li sa ftit ilu ittra li kienet tiġi mpustata qabel is-sebgħa ta' filgħodu kienet tasal fl-istess ġurnata? Jaqbel il-Ministru li llum din tasal l-għada jekk mhux aktar tard ukoll?
Response (BONNICI, JOSEF)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, jiena nfurmat li l-materja qed tiġi diskussa bejn il-Management tal-Kumpanija u l-Union bħala parti min-negozjati għall-ftehim kollettiv.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, huwa minnu li ittri impustati qabel is-sebgħa ta' filgħodu kienu jitqassmu fl-istess ġurnata. Madanakollu tajjeb jingħad li dawn l-ittri kienu jammontaw biss għal madwar sitta fil-mija ta' l-ittri kollha mpustati.
Fir-rigward ta' l-aħħar parti tal-mistoqsija, jirriżulta li minn riċerka li saret mill-Maltapost, erbgħa u disgħin fil-mija ta' l-ittri qed jitqassmu l-għada, jiġifieri J + 1.
Jista' il-Ministru kkonċernat iwieġeb mistoqsija parlamentari numru 37154 u cioe' b'referenza għall-klawsola bejn il-Maltapost u t-Transend, dawn ta' l-aħħar huma marbutin biex iġibu investiment barrani lejn pajjiżna? Jekk din il-kumpannija ma tattwahx dan il-ftehim, huma se jissostitwixxu xi telf li jista' jirriżulta biex ma jsirx tnaqqis fil-workforce?
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37153 u cioe' jgħid x'kienet l-ispiża involuta biex saru uffiċini ġodda u strutturi ġodda fil-Maltapost? Ħarġu tenders għal dan ix-xogħol speċjalment in konnessjoni ma xogħol ta' aluminium? Jekk fl-affermattiv, x'kienu u lil min ġew ġġudikati? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni li qed jitlob l-Onrevoli Interpellant hija ta' natura kummerċjali u għalhekk ma naħsibx li jkun fl-interess ta' l-azjenda li l-istess informazzjoni issir ppubblika.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 37152 u cioe' jgħid kemm għandha karozzi l-Maltapost għall-management tal-kumpannija, x'tip ta' karozzi huma, b'kemm u meta nxtraw u x'inhi l-average daily running cost expenses tagħhom, inkluż kemm jintefaq bħala fuel consumption?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onorevoli Membru qed jitlob informazzjoni ta' natura kummerċjali, ma naħsibx li jkun fl-interess ta' l-istess Maltapost li tali nformazzjoni tixxandar.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37151 u cioe' jgħid xi spiża ntefqet biex saret ir-rampa l-ġdida (loading bay) fil-Maltapost, kemm ilha li saret u jekk hux minnu li din se terġa' tinqala' u ssir mill-ġdid?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma naħsibx li jkun fl-interess tal-Maltapost li nippubblika l-informazzjoni mitluba minħabba li hija ta' natura kummerċjali.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistqsija parlamentari numru 37131?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-karozzi ġodda li nxtraw fid-dekasteru tiegħi huma kif ġej:
Post Użu Marka Prezz LM
Ministeru Direttur Ġenerali Toyota Corolla 5,780
Direttur Skoda Octavia 5,390
Direttur Opel Astra 7,000 (taxxa tar-reġistrazzjoni nkluża)
VAT Direttur Ġenerali Ford Focus 4,863
Diretturi (2) VW Bora 5,220 - il-waħda
Taxxi Interni Direttur Toyota Corolla 5,108
Direttur Citroen Xsara 4,850
Direttur Citroen Xsara 4,830
Użu Ġenerali VW Polo Classic 4,850
Kuntratti Direttur Ġenerali Toyota Corolla 5,735
Teżor Direttur VW Bora 5,100
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm dipartimenti tal-gvern u aġenziji fi ħdanu li qed jimpjegaw persuni b'diżabilita' anqas milli tipprovdi l-liġi? Meta se tiġi rimedjata s-sitwazzjoni, każ b'każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-mediċini għall-kura li tingħata lill-pazjent li jkun ibati minn Hepatite C? Kemm hu t-tul tal-perijodu ta' din il-kura?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-kura li d-dipartiment tas-Saħħa jagħtu għall-pazjenti bil-Hepatitis B u C hija l-mediċina 'interferon alpha 2B'.
Għalkemm matul din is-sena nħarġu seba` permessi mid-'Drugs and Therapeutics Committee' għal din il- mediċina, tnejn biss minn dawn kienu għall-pazjent bil-Hepatitis C u ingħatalhom wara li ssodisfaw il-protocol meħtieġ. L-oħrajn kienu: erbgħa għall-'Chronic Myeloid Leukemia' u wieħed għall-'Metastatic Cancer of the Kidneys'. Ma kien hemm ebda approval maħruġ għall-Hepatitis B.
L-ispiża mill-bidu tas-sena sal-llum għal din il-mediċina hi ta` LM12,583 u tinkludi l-pazjenti kollha imsemmija hawn fuq.
Il-pazjenti bil-Hepatitis C jiġu approvati għall-perjodu ta` sitt xhur jew sena imma jistgħu jiġu mġedda wara dan il-perjodu. Il-kura titwaqqaf jekk ma jkunx hemm rispons pożittiv.