Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-kalkolu tal-produzzjoni agrikola staġun, staġun, li ttieħdet fiċ-ċensiment tal-dħul tal-bdiewa sabiex irriżulta għall-gvern li l-bdiewa jaqilgħu 80% mill-produzzjoni tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 37379.
Jista' l-Ministru jinfurmani meta rċieva ċ-ċensiment li semma fil-budget? X'diskussjoni saret dwaru u minn kienu l-uffiċjali tad-dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministru li ddiskutew u qablu konkluzjonijiet taċ-ċensiment in kwistjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iċ-ċensiment li rrifera għalih il-Ministru tal-Finanzi fid-Diskors tal-Budget hu dak nazzjonali li sar is-sena l-oħra u li għadu ma ġiex ippubblikat.
Pero' nfakkar lill-Onor Interpellant li, bħalma fehmu l-bdiewa kollha, fejn qabel kienu jiġu stmati 20% tal-bejgħ bħala spejjeż, mis-sena d-dieħla l-istima medja ta' l-ispejjeż fuq prodotti mibjugħa ser tiġi RDUPPJATA għal 40%, li allura tfisser li l-bdiewa se jiġu ntaxxati fuq ammont net ta' dħul nieqes.
Jista' l-Ministru jinfurmani liema kienu dawk l-għaqdiet/kooperattivi tal-bdiewa li ġew infurmati bil-konkluzzjonijiet taċ-ċensiment li ssemma fid-diskors tal-budget mill-Ministru tal-Finanzi?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-għaqdiet/kooperattivi li ġew mistiedna biex jiddiskutu t-tassazzjoni tal-bdiewa kienu dawn:
L-Għaqda Bdiewa Progressivi
Kooperattiva Agrikola Għawdxija Gozitano
Farmers Wine Cooperatives
Malta Agricultural Lobby
L-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa
Il-Kooperattiva Ċentrali tal-Bdiewa
Kooperattiva Għawdxija Bdiewa tas-Serer Limitata
Apex tal-Kooperattivi
Agricultural Cooperative Ltd
Pero' nfakkar lill-Onor Interpellant li, bħalma fehmu l-bdiewa kollha, fejn qabel kienu jiġu stmati 20% tal-bejgħ bħala spejjeż, mis-sena d-dieħla l-istima medja ta' l-ispejjeż fuq prodotti mibjugħa ser tiġi RDUPPJATA għal 40%, li allura tfisser li l-bdiewa se jiġu ntaxxati fuq ammont net ta' dħul nieqes.
Jista' l-Ministru jara li l-meters ta' l-ilma li jinsabu preżentement fuq barra tal-flats li hemm f'St. Nicholas Married Quarters jidħlu ġewwa billi kif inhuma se ssirilhom ħsara?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tinstalla kaxxa madwar il-meter ta' l-ilma tal-flats imsemmija.
Jista' l-Ministru jara li l-post 25, Triq Xandru, Bormla preżentement f'idejn l-Uffiċċju Konġunt jinħareġ għall-bejgħ possibbilment bi prezz aktar konvjenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jagħmel il-verifiki neċessarji qabel ma tittieħed deċiżjoni jekk il-fond jinbiegħx skond id-disposizzjonijiet tal-Att dwar it-Trasferiment ta` Artijiet tal-Gvern.
Jista' il-Ministru jgħid jekk isirux spezzjonijiet minn uffiċjali tad-diviżjoni fl-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti biex jiġi żgurat li huma attrezzati għal kontra n-nirien u li għandhom apparat apposta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel tal-Knisja għandhom il-fakolta` li jappuntaw Health and Safety Teachers li l-ħlas tagħhom isir mill-Istat. Ma jsirux spezzjonijiet regolari minn uffiċjali tad-Diviżjoni fl-Iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti.
Madankollu kull meta jintalbu għajnuna jew pariri minn xi skola (jew skejjel), Uffiċjali tad-Diviżjoni jagħtu l-pariri u l-għajnuna tagħhom.
Night clubs/Discos — Spezzjonijiet mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet din is-sena minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f'night clubs, discos etc. Instabu xi nuqqasijiet? X'passi ttieħdu fejn irriżulta li kien hemm nuqqasijiet?
Response (BORG, TONIO)
Il-Bord ta` Sorveljanza għas-Saħħa u għall-Ħarsien f`Lokalitajiet ta` Divertiment skond ir-Regolament 13 tar-Regolamenti ta` l-1995 dwar iż-Żamma ta` Bon Ordni f`lokalitajiet ta` divertiment li għandu rappreżentanza fih id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, iltaqa` seba` darbiet fejn wettaq spezzjonijiet f`diversi stabbilimenti ta` divertiment ġewwa Paċeville, Buġibba u San Ġwann.
Nuqqasijiet li nstabu matul dawn l-ispezzjonijiet ġew irrapurtati lill-Pulizija.
Peress li l-liġi ma tippermettix li viti ta' l-ilma f'discos, night clubs etc, jinżammu magħluqa, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet għall-għarrieda biex ikun żgurat li dan qed jiġi osservat? Jekk iva, kemm saru s'issa? Jekk le, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23181, ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet f`postijiet ta` divertiment għal kwalunkwe` ksur ta` xi regolamenti.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37251, jista' il-Ministru jgħid kemm inħarġu sejħiet għall-offerti f'dawn l-aħħar erba' snin? Meta nħarġet l-aħħar sejħa għall-offerti? Kemm kien hemm li tefgħu l-offerta? Kemm kienet kull waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-1994 sal-lum ħarġet sejħa waħda għall-offerti f'April 2000. Kienu ntefgħu żewġ offerti li d-dettalji tagħhom huma dawn:
1. Mark Cassar li kien offra roħs ta' 5% fuq il-prezz applikabbli
ta' dak iż-żmein li kien 12.5 ċenteżmu l-litru (jiġifieri 11.8 ċenteżmu),
jekk il-kontijiet jitħallsu fi żmien 60 ġurnata.
2. Falzon Service Station li kien offra diversi prezzijiet:
11.8 ċenteżmu jekk il-ħlas isir fi żmein 30 ġurnata
12-il -ċenteżmu jekk il-ħlas isir fi żmein 60 ġurnata
12.2 ċenteżmu jekk il-ħlas isir fi żmien 90 ġurnata
12.4 ċenteżmu jekk il-ħlasma jkunx sar sa 120 ġurnata.
Il-kuntratt kien ingħata lil Mark Cassar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' serq irrapurtti lill-pulizija f'Novembru ta' din is-sena? Kemm kien hemm serq, minn djar, minn lukandi, ristoranti etc?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika tal-Pulizija għax-xahar ta` Novembru, għadha qed tinġabar.
Jista' il-Ministru jikkonferma li f'dawn l-aħħar jiem inħarġet internal memorandum lill-impjegati tal-MEPA sabiex ma jagħtux informazzjoni dwar applikazzjonijiet lil periti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li nħarġet 'instruction note' biex tfakkar lill-uffiċjali ta` l-Awtorita` dwar il-provvedimenti għar-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni lill-pubbliku dwar applikazzjonijiet ta` żvilupp kif provdut fl-Att dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp.
Ta` min isemmi li kien taħt dan il-Gvern li għaddiet liġi li permezz tagħha l-pubbliku issa għandu aċċess akbar għall-informazzjoni. Dan seħħ wara li taħt amministrazzjoni Laburista saret emenda fil-liġi li tnaqqas dan l-aċċess.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inħatru managers fi ħdan ir-Roads Directorate? Min huma dawn il-persuni u xi kwalifiki għandhom sabiex jimlew dawn il-postijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fuq parir ta' Boards ta' l-għażla l-Awtorita' dwar it-Trasport ħatret, lis-Sur Felix Gauci, lill-Perit John Demicoli u lill-Perit Robert Zerafa bħala Managers fid-Direttorat għat-Toroq. Dawn il-ħatriet saru wara sejħiet interni fl-Awtorita' biex jintlew dawn il-postijiet.
Jista' il-Ministru jgħid min kien responsabli għal-printing tal-poster kbir li twaħħal ma Bieb il-Bombi? Kemm ġie jiswa dan il-posteri?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol tal-printing tal-poster imsemmi ġie mogħti lil 'The Fotografer' tal-Fgura għas-somma globali ta' Lm7,486 wara sejħa għal offerti (tender) li saret għal dan l-iskop.
Breferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 37053 jista' il-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni li qegħdin jitħallsu ta' l-overtime? Dawn il-persuni ingħataw xi taħriġ fuq is-sistema tal-GIS jew xogħol relatat mas-sezzjoni fejn qegħdin illum, matul dawn l-aħħar erba' snin kemm Malta kif ukoll barra? Jekk fl-affermattiv, kemm ġie jiswa dan it-taħriġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-taħriġ taż-żewġ persuni li qegħdin jaħdmu fuq is-sistema tal-GIS kien jifforma parti ntegrali tar-Raba' Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja, u kien jinkludi kemm taħriġ f'Malta, kif ukoll taħriġ ta' ġimgħatejn ġewwa Bologna fl-Italja.
L-overtime, li sar fuq xogħol li jirrigwarda s-sistema tal-GIS sar minn persuna waħda u ma nħossx li għandi nagħti l-isem ta' din il-persuna. Pero', jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq, jiena lest li ngħaddilu dan l-isem b'mod privat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għall-dewmien biex jinżebgħu l-linji bojod fiż-zebra crossing ta' quddiem il-knisja tal-Fgura meta skond kif ġie mwiegħed dan ix-xogħol kollu jsir ġimgħat ilu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi fil-lokalita' indikata mill-Onor. Interpellant hu ppjanat li ssir
pelican crossing
u għalhekk ma jistgħux jinżebgħu l-linji bojod taż-
zebra crossing
. Ix-xogħol biex jitwaħħlu l-arbli tlesta l-ġimgħa l-oħra u kellu jibda' x-xogħol tad-dawl din il-ġimgħa. Dan ix-xogħol hu ppjanat li jibda' hekk kif jieqaf il-maltemp.
Jista' il-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament jingħata l-kumpens għall-fond aproppjat u cioe' il-fond numru 5, Alley 2, Laqxija B'Kara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament ser jingħata l-kumpens għall-fond approppjat u ċioe` il-fond numru 5, Alley 2, Laqxija B`Kara fi żmien qasir, possibilment sa l-aħħar ta` Diċembru 2002.
Jogħġbu l-Ministru jindaga u jara li l-plot żgingat u mitluq fi Triq Anġlu Mangion, f'Tarxien jiġi mnaddaf mill-aktar fis u jekk hemm bżonn jiġi reċintat biex ma jintefax aktar skart fih?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36537, ninsab infurmat li l-verifikazzjonijiet neċessarji dwar l-art in kwistjoni waslu biex jiġu finalizzati u f`qasir żmien l-Uffiċċju Konġunt ikun f`pożizzjoni biex jiddeċiedi dwar l-aħjar użu tal-art in kwistjoni u fl-istess ħin jiġi eliminat xi inkonvenjent li qed jinħoloq peress li din l-art hija vakanti.
Jogħġbu l-Ministru jaġġornani fuq l-aħħar żviluppi sabiex jiġu asfaltati t-toroq fl-area Ta' Xlejli fil-Gudja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi l-Kunsill Lokali tal-Gudja ħareġ sejħa biex jitqabbad
Project Manager
għat-twettieq tax-xogħlijiet fl-area tax-Xlejli, li qed isiru taħt il-
Pilot Agreement
li ser jiġi ffirmat bejn l-Awtorita' Dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali.
Jiena nfurmat ukoll li malli dan il-Project Manager jipprepara l-istejjem neċessarji il-ftehim ikun jista' jiġi ffirmat u x-xogħol ikun jista jitwettaq.