B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37401 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra kopja tal-programm tax-xogħlijiet fil-biċċerija u cioe' meta bdew u meta għandhom jispiċċaw? Kemm fil-fatt swew s'issa x-xogħlijiet u kemm tħallsu minn dawn l-ispejjeż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Minsitru tal-Finanzi jgħid kemm swiet ix-shell structure ta' l-awditorju li nbena fil-Liċeo tal-Bniet f'Pembroke permezz ta' sejħa għall-offerti li ġiet ippubblikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jidher li d-Dipartiment tal-Kuntratti qatt ma ħareġ xi offerta jew ta' xi kuntratt speċifikament għax-shell structure tal-auditorium tal-Liceo tal-Bniet f'Pembroke u għaldaqstant mhux f'qagħda li jagħti l-informazzjoni mitluba. Nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni.
Jista' il-Ministru tal-Finanzi jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux jagħmel kundizzjoni lill-Ministeri u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħthom, klawsola biex xogħlijiet li jkunu jistgħu jsiru minn entitajiet governattivi ma jiġux mogħtija b'sub-contracting?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta hi fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istatistika miġbura mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni skola, skola, sena b'sena hekk kif kienet fl-aħħar ta' Ġunju 2002, subien u bniet għalihom għall-iskejjel statali f'Malta u Għawdex kif ukoll lista ta' l-impjegati kollha skola skola, sena b'sena għal dawk li jaħdmu ġo klassi u wkoll għal dawk li mhux assenjati klassi?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex jingħatali t-tagħrif mitlub, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada — Oġġetti u materjal mixtri
Question
Jista' il-Ministru ta' l-Edukazzjoni jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' inventarju miżmum mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada għal dawk l-oġġetti u materjali li xtrat għaliha jew inkella biex jintużaw fuq xi lant partikolari tax-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex jingħatali t-tagħrif mitlub, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat xi tħallsu l-membri tal-board tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada xahar b'xahar mill-10 ta' Mejju 2001 sal-lum.
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex jingħatali t-tagħrif mitlub, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mid-Dipartiment tal-Kuntratti biex jassigura li ħġieġ li twaħħal fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa b'riżultat ta' sejħa ppubblikata mill-istess Dipartiment u li qiegħed jirriżulta li mhux skond kif speċifikat fl-istess sejħa għall-offerti jinbidel għal dak stipulat peress li hu ta' periklu għat-tfal filwaqt li jgħid, jekk ma ttieħdu ebda passi, meta hemm il-ħsieb li tali sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Kuntratti qatt ma ġie nfurmat mid-Divizzjoni ta' l-Edukazzjoni jew mill-FTS li fl-Iskola Primarja tal-Mellieħa twaħħal xi ħġieġ li mhux kif speċifikat fil-kuntratt. Nippreżumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal-kuntratt mogħti mid-Dipartiment tal-Kuntratti f'Awissu 1998 għall-valur ta' Lm15,600 kontra stima ta' Lm25,981 fuq rakkommandazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu drivers personali miegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi ghal Memorandum '' Guide Lines on the Engagement of Staff for Private Secretariats'' li tpogga fuq il-Mejda tal-Kamra fis-16 ta' Gunju 1999 u nassigurah li qed nosservah rigorosament.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra liema xogħol u kemm spejjeż huwa previst li jsir bl-għajnuna ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur, il-Birgu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu nediet skema ta’ investiment f’proġett ta’ restawr bl-iskop li tieħu sehem b’mod konkret fit-titjib tal-prodott storiku Malti.
Dawn il-proġetti huma kollha fl-ibliet storiċi qed jiġu mplimentati mat-Taqsima tar-Restawr tad-Diviżjoni tax-Xogħolijiet, kif ukoll bl-għajnuna ta’ restawraturi Taljani.
Ix-xogħol fil-Palazz tal-Inkwiżitur, Birgu, jikkonsisti fir-restawr tal-faċċata prinċipali. L-ispiża totali mistennija tlaħħaq mal-erbgħin elf lira li minnhom l-Awtorita’ tat-Turiżmu ser tikkontribwixxi aktar minn nofs.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra xi żviluppi kien hemm fir-relazzjonijiet ta' pajjiżna maċ-Ċina f'dak li għandu x'jaqsam mat-turiżmu u jista' jinforma lill-Kamra wkoll kemm hemm gwidi liċenzjati fid-djaletti u lingwi Ċiniżi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu qed tħaddem Marketing Plan għas-suq Ċiniż li jinkludi:
· Ftuħ ta’ uffiċċju tal-MTA fl-Ambaxxata ta’ Malta ta’ Beijing
· Żjarat ta’ Tour Operators u ġurnalisti Ċiniżi
· Parteċipazzjoni fi Promotional Tours fi bliet kbar Ċiniżi
· Parteċipazzjoni ġo fieri
· Produzzjoni ta’ Website biċ-Ċiniż
· Produzzjoni ta’ materjal publiċitarju u gwida biċ-Ċiniż
Bħalissa persuna waħda għandha l-liċenzja biex tiggwida bil-lingwa uffiċċjali Ċiniża iżda hu maħsub li n-numru ta’ gwidi jiżdied.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37376 peress li l-Ministru informani biex nivverifikaha lilu u ċioe' jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta kif se tiġi żviluppata Triq Rużinjol, il-Mosta? Jista' jara li tiġi rranġata t-triq? Jista' jara li jinħarġu t-tenders neċessarji? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BORG, TONIO)
Ġaladarba l-Att dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp jispeċifika li pjanti huma aċċessibli għall-pubbliku iżda ma tingħatax kopja tagħhom, ma jidhirlix li għandi naċċedi għat-talba ta` l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37379 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe' b'referenza għaċ-Ċensiment tal-Biedja msemmi fid-diskors tal-budget mill-Ministru tal-Finanzi, jista' jgħid kemm kienet l-evalwazzjoni separatament għal kull prodott f'ċifra ta' flus li kienet kalkulata għaż-żriegħ tal-ħxejjex lokali nkluż il-patata għall-kull tomna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għad-diskors tal-Budget, nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru tal-Finanzi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37378, jista' l-Ministru ġentilment jara li x-xogħlijiet isiru sa l-aħħar tas-sena minħabba li x-xogħol ilu pendenti s-snin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li ix-xogħol meħtieġ fil-fatt diġa' inbeda u għandu jitkompla flimkien ma' xogħolijiet oħra bħalu.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37366, jista’ l-Ministru jgħid x’sar minnhom is-siġar u l-pjanti imsemmija? Kemm kienu fil-fatt il-bdiewa li ingħataw s-siġar miċ-ċentru mis-sena 2000 ‘il hawn ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul is-sena 2001 ingħataw 3,360 GF677 u 6,300 Myrobalan 29C lid-Dipartiment ta' l-Agrikultura filwaqt li 3,770 GF677 u 540 Myrobalan 29C ngħataw lill-bdiewa. 900 Myrobalan 29C inżammu fiċ-Ċentru biex isiru esperimenti fuqhom.
Matul is-sena 2002 (sa l-aħħar ta' Ottubru) ngħataw 9,731 GF677 u 7,134 Myrobalan 29C lid-Dipartiment ta' l-Agrikultura (SVDPN), filwaqt li 541 GF677 u 137 Myrobalan 29C ngħataw lill-bdiewa. 420 GF677 u 6,580 Myrobalan 29C kienu lesti biex jiġu trasferiti għall-SVDPN.
Fis-sena 2000 ma kinux jinżammu rekords dettaljati ta' kif tqassmu l-pjanti. Mill-irċevuti jidher li matul dik is-sena miċ-Ċentru għall-Bioteknoloġija tal-Pjanti nbiegħu 548 GF677 u 1,498 Myrobalan 29C.