Jista' l-Ministru, permezz tal-Maltacom, ġentilment jgħid jekk huwiex possibbli li jsir it-transfer tat-telefon, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għaliex din il-familja ngħatat flat isfel fl-istess blokk ta' flats minħabba raġunijiet ta' mard, iżda t-telefon għadu fil-flat ta' fuq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-trasferiment mitlub ma jistax isir qabel ma l-abbonat jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu rigward ħlas.
Fl-Environment Directorate u l-Environment Management Unit tal-MEPA, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx konsulenti li japprovaw l-Environment Impact Assessments li m'għandhomx First Degree imma Second Degree biss? Kien hemm ċirkostanzi fejn saret diskriminazzjoni favur dawn il-konsulenti, għad-detriment ta' oħrajn aktar kwalifikati? Hemm xi nies fl-EMU li m'għandhomx kwalifiki neċessarji fuq l-impatt fuq is-saħħa, li għamlu studji li ġew aċċettati u dan mingħajr l-approvazzjoni tad-Direttur tas-Saħħa Pubblika? Kien hemm xi Manager u ħaddiema oħra fl-Environment Management Unit u fl-Environment Protection Directorate li għamlu l-Environment Impact Assessments flimkien ma' professuri ta' l-Universita' fl-istess żmien li l-Manager u l-ħaddiema kienu qed jagħmlu kors immexxi mill-istess professuri?
Fl-għażla ta' l-EIA, jistgħu l-istaff fl-EMU u l-Environment Protection Directorate jgħidulna x'metodu intuża biex ikun assigurat li r-riżultati huma korretti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Fl-Environment Protection Directorate u l-Environment Management Unit tal-MEPA, m`hemmx konsulenti li japprovaw l-EIA. L-ebda konsulent ma jista` japprova EIAs.
L-ebda Manager u ħaddiem ieħor fl-EMU u l-EPD ma għamel EIAs kif indikat mill-Onor. Interpellant.
Meta jiġi sottomess l-EIA dan jiġi evalwat:
Skond it-termini ta` referenza li jinħarġu mill-MEPA u huma speċifiċi skond l-iżvilupp propost;
Minn nies impjegati tal-MEPA skond l-'
expertise
' tagħhom;
Skond kriterji ta` reviżjoni li jinħarġu minn istuzzjonijiet internazzjonali.
Issir ukoll konsultazzjoni ma` Dipartimenti jew aġenziji tal-Gvern li l-MEPA jidhrilha li jkun opportun li tikkonsulta, kif ukoll il-Kunsill Lokali li jkollu r-responsabbilita` tal-lokalita` fejn ikun qed jiġi propost li jsir l-iżvilupp, u Kunsilli Lokali tal-madwar jekk ix-xorta jew l-impatti tal-proġett ikunu tali li jistgħu jaffetwawhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il permess inħareġ għar-rimi ta' skart tossiku u skart ieħor perikoluż, biex jintrema' l-Magħtab? Id-direttur ta' l-ambjent ħareġ xi permessi jew approva li jinħarġu tali permessi għal traġitt fuq il-baħar jew fil-portijiet ta' skart b'kontenut ta' sustanza radjoattiva?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għal dawn l-aħħar snin kien hemm bosta permessi li nħarġu biex jintrema kull tip ta` skart fil-Magħtab u dan peress li għad ma hemmx engineered landfill fil-pajjiż. Id-Direttur ta` l-Ambjent la ħareġ u lanqas approva li jinħarġu tali permessi għat-traġitt fuq il-baħar jew fil-portijiet ta` skart b`kontenut ta` sustanza radjoattiva.
Ministeru ta' l-Ambjent — Studju fuq skart ta' żejt
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kien il-protagonista għal studju fuq skart ta' żejt kummissjonat mill-Ministeru ta' l-Ambjent sentejn ilu? Kien hemm xi ħadd mill-konsulenti li ħadu l-issues ta' l-ambjent li għandhom konnessjoni diretta mal-Waste Oil Co. Ltd. u li jaħdmu mal-MEPA? X'azzjoni legali ttieħdet kontra l-Enemalta, il-Malta Offshore Bunkering u l-Waste Oils Company Ltd., għall-ħruġ ta' intejjen li nittnu l-lokal tal-Menqa u li keinu ta' danu għas-saħħa tal-ħaddiema tal-bank, tal-Maltacom u r-residenti fil-qrib? X'sar biex isir magħruf ta' min hi l-ħtija? X'azzjoni ttieħdet? Hemm liċenzja tal-pulizija jew liċenzja biex jopera biex dan ix-xogħol isir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istudju kien kummissjonat mill-Ministeru ta` l-Ambjent lil Eco Standards Services Ltd.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36783.
Dwar l-intejjen fil-madwar tal-Menqa nirreferi l-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36783 fuq l-azzjoni li ħadet il-MEPA f`dan ir-rigward. Is-sitwazzjoni qed tiġi mmonitorjata u jekk ikun hemm bżonn ta` azzjoni din tittieħed.
Infurmat ukoll illi l-Waste Oils Co Ltd hija koperta b`liċenzja tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pubbliku mhux jiġi nformat dwar l-ambjent ta' l-arja? X'arranġamenti saru mill-IT Section tal-MEPA sabiex il-pubbliku jkun mgħarraf b'dawn ir-riżultati u li dawn ir-riżultati huma sikuri u ta' kwalita' tajba? Għalkemm f'xi lokalitajiet il-livelli ta' PM10, taċ-ċomb u benzina fl-arja kienu ħafna iktar mil-livelli aċċettati, għaliex il-MEPA ma nformatx b'dan lill-pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
Hemm nuqqas ta` data li kellha tinġabar u għalhekk ma ġietx ikkomunikata. Is-sikurezza u l-kwalita` tar-riżultati ma jiddependix mill-IT Section imma minn min għandu d-dover li jiġborha, jikkompilaha u jikkomunika. Riżultati oħra jridu jiġu kkalkulati. Ir-riżultati preliminari tal-livelli taċ-ċomb fl-arja ser jiġu kkomunikati fi żmien qarib.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Direttur tal-MEPA mhux qed jerfa' r-responsabbilta' għall-ħlas ta' eluf ta' liri lil Malta National Laboratory, minkejja li dan il-kuntratt sar wara li ġie maħtur l-istess direttur? X'azzjoni qegħda tittieħed biex jiġi żgurat li jinħarġu sejħiet għall-offerti għall-analisi tal-kampjuni? Mill-kampjuni li ntbagħtu lil Malta National Laboratory, kemm minnhom intbagħtu f'laboratorji oħra sabiex jiġi żgurat li l-Malta National Laboratory qegħda tagħti riżultati xierqa tal-kwalita' ta' l-ilma baħar u biex jiġi żgurat ukoll li sakemm jaslu għand il-pubbliku dawn ir-riżultati mhumiex imbagħbsa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mhux minnu li saru xi kuntratti mal-Malta National Laboratory wara li nħatar id-Direttur tal-MEPA preżenti.
Id-Direttur preżenti qed jitlob offerti oħra fuq analiżi ta’ kampjuni.
L-MNL, li huwa aġenzija tal-Gvern, mhux l-uniku laboratorju ikkommissjonat mid-Direttorat għall-Ambjent għall-analiżi ta’ kampjuni. Il-kampjuni jintbagħtu lil laboratorji differenti skond il-kompetenza u l-ispeċjalizzazjoni tal-laboratorju ikkonċernat.
Tul dawn l-aħħar erba' xhur, jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt għal servizz jew prodott għamel id-Direttur tad-Direttorat tal-Protezzjoni Ambjentali tal-MEPA? Saru xi kuntratti diretti bla ma nħarġet sejħa għall-offerti? Jekk saru dawn is-servizzi, għax inħass li kellha tittieħed azzjoni urġenti? Għaliex ma ħarġitx sejħa għall-offerti wara tant xhur li tħaddmu dawn is-servizzi? Kemm ġie jqum kull servizz? Għaliex sar dan is-servizz mgħoddi b'kuntratt lil terzi persuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uniku xiri ta` servizz jew prodott f`dawn l-aħħar 4 xhur mid-Direttur tad-Direttorat tal-Protezzjoni Ambjentali kienu servizz ta` labourer biex ikun jista` jitħaddem il-Mobile Air Monitoring Station u ghajnuna fl-immuntar ta’ passive tubes monitors għal monitoraġġ ta’ l-arja. Id-Direttur kif assuma l-kariga tiegħu ħass immedjatament il-ħtieġa li jixtri dan is-servizz ad hoc peress li ma kienx fl-interess pubbliku li l-monitoragg ta’ l-arja ma jsirx jew jiġi mxellef il-pjan ta l-istess monitoraġġ. Dan is-servizz qed jinxtara bir-rata ta’ Lm4.25 fis-siegħa. Il-kap tal-Pollution Unit hu inkarigat biex jara li dan is-servizz jintuża bl-aktar mod għaqli. Dan is-servizz jiġi mwaqqaf meta tinħass il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħaddiema li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ta' Direttur ġdid, li ismu qed jintbagħat separatament, tal-MEPA, li jagħmlu xogħol wara l-ħin għall-kumpannija privata/terzi persuni, liema xogħol hu f'konflitt dirett max-xogħol tagħhom fil-MEPA? Għaliex fl-għażla ta' nies ġodda fl-Environment Protection Directorate l-ebda head ta' xi section ma' kien fil-bord ta' l-għażla?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ma taf bl-ebda impjegat tal-MEPA li jaqa` taħt ir-responsabilita` tal-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant u li qed jagħmel xogħol li hu f`konflitt dirett mal-kariga tal-istess impjegat fil-MEPA.
Infurmat ukoll illi l-Bord tal-għażla għall-impjegati ġodda fl-Environment Protection Directorate kien kompost skond il-proċeduri normali tal-Awtorita`.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-sistema tar-registy ta' l-ex Environment Protection Department m'għadhiex tintuża mill-MEPA? Għaliex il-files ta' l-ex Dipartiment ta' l-Ambjent ġew abbandunati għal aktar minn sena? X'sar biex dawn il-files jiġu protetti? Kemm kien in-numru ta' avviżi u każi ta' files fis-sistema ta' l-IT li l-files intilfu f'dawn l-aħħar tlett snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Mhux minnu li s-sistema tar-registry ta` l-Ex Environment Protection Department ma għadiex tintuża. F`din l-aħħar sena il-files xorta baqgħu jintużaw regolarment tant illi x-xogħol baqa` miexi normali.
Fil-premises tal-Ex Environment Protection Department hemm watchman lejl u nhar.
L-Awtorita` ma żżomx rendikont ta` kull min jgħid li ma jistax isib xi file.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi xiri mill-MEPA ta' provvisti, bħal karta, xorb minerali, prodotti iġeniċi, eċċ. bla ma kien hemm sejħa għall-offerti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi x-xiri tal-prodotti msemmija jsir fuq bażi ta` 'quotation' fejn l-ammont hu inqas minn Lm5,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru investigazzjonijiet miċ-chairman tal-MEPA u mid-direttur, li isimhom qed jintbagħat separatament, u x'azzjoni ttieħdet f'kull każ? Kien hemm investigazzjoni sabiex isir magħruf min kien ħa xi flus għax ħadem jew b'xi mod ikkontribwixxa fi proġetti f'fondi internazzjonali (u dan kontra l-istess politika ta' dawn l-istituzzjonijiet)? Kien hemm xi impjegati li tħallsu ta' xogħol taħt proġett tal-CAMP (Coastal Area Management Programme) li kien tħallas mill-fondi tal-Priority Actions? Għaliex wara investigazzjoni nterna sabiex isir magħruf għaliex l-Air Monitoring System ma' tħaddmitx għal bosta xhur, ma ttieħdet ebda azzjoni fuq min kien responsabbli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kienet saret investigazzjoni waħda mic-Chairman tal-MEPA u nħarġet stqarrija dwarha fl-1 ta` Diċembru 2001.
Infurmat ukoll illi ma saret l-ebda investigazzjoni mill-imsemmi Direttur ta` l-Ambjent.
Informazzjoni dwar kontribuzzjonijiet fi proġetti f`fondi internazzjonali kienet ingħatat fi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36348.
Rigward il-mistoqsija relatata mal-proġett CAMP, nirreferi l-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36728.
Ma saret l-ebda investigazzjoni mid-Direttur il-ġdid ta` l-Ambjent fuq l-Air Monitoring Station għala din ma ħadmitx fi żmien meta hu ma kienx fil-kariga preżenti. Id-Direttur ipprova jiġbor xi fatti biex jara x`jista` jsir biex sitwazzjonijiet simili ma jerġgħux jiġru.
Health and Saftey Officer — Kundizzjonijiet implimentati
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37400 kemm ġew implimentati mill-kundizzjonijiet u rakkomandazzjoniet proposti mill-Heatth and Saftey officer? Meta huwa maħsub li jitħejjew ir-rakkomandazzjonijiet kollha?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Health and Safety Officer qed jigu implimentati gradwalment. Minħabba li qiegħed isir xogħol estensiv kemm strutturali kif ukoll ta' stallar ta' makkinarju ġdid, u qlugħ u twaħħil ta' madum, ċerti rakkomandazzjonijiet se jkunu attwati hekk kif jispiċċa x-xogħol. Madankollu diġa' kien introdott l-ilbies protettiv, saru kuntatti ma persuni kompetenti biex jagħmlu risk assessment.
Minbarra dawn il-miżuri saru ukoll rappreżentazzjonijiet mal-MPO biex jiġi ngaġġat Health and Safety Officer mad-Divizjoni tas-Servizz Veterinarju.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37417, jista' l-Ministru jinformani x'inhuma t-targets tal-gvern sena b'sena f'dak li huwa produzzjoni u tmexxija aktar effiċjenti ta' dan iċ-ċentru?
Min kienu l-esperti li assistew liċ-ċentru matul dawn l-aħħar erbgħa snin, sena b'sena?
X'kienu r-raġunijiet li dan iċ-ċentru ma mexxiex 'il quddiem il-prijoritajiet tal-politika tal-gvern?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iċ-Ċentru li għalih qed jirriferi l-Onor. Interpellant mhux dedikat biss biex jipproduċi l-pjanti fil-laboratorju iżda biex jagħmel testijiet fuq pjanti morda jew ta' kwarantina u li jagħmel surveys u testijiet meħtieġa għal dawn is-surveys. Fir-rigward tal-produzzjoni nirriferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37417 u m'għandix għalfejn inżid aktar.
L-esperti li b'xi mod jew ieħor assistew lil dan iċ-Ċentru kienu hekk:
1999: Prof. R.Vujicic, Dr. A. M. D'Onghia, Dr. M. Digiaro, Dr. B. DiTerlizzi.
2000: Prof. R. Vujicic, Dr. G. Bottalico, Dr. N. Abou Ganem, Dr. T. Amenduli, Dr. A. Cardone, Dr. B. DiTerlizzi.
2001: Prof. R. Vujicic, Dr. N. Abou Ganem, Dr. R. Brandonisio, Dr. B. DiTerlizzi.
2002: Id-diversi esperti li ġew din is-sena ma ġewx biex jgħinu speċifikament lil dan iċ-Ċentru.
Dan iċ-Ċentru mexxa 'l quddiem il-prioritajiet tal-politika tal-Gvern b'effiċjenza billi mhux biss ipproduċa aktar siġar kif kien indikat fi tweġiba parlamentari preċedenti imma billi nieda surveys biex Malta tiġi stabbilita' bħala Protected Zone għal diversi organiżmi u biex titwaqqaf unit ġdida għad-dijanjożi tal-mard tal-batteri. Dan iċ-Ċentru kien ukoll mezz ta' għajnuna mhux biss għall-bdiewa imma wkoll għal diversi studenti fl-istudji tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju li ngħata f'ċifra ta' flus lill-proċessuri tal-laħam tal-majjal u taċ-ċanga matul dawn l-aħħar erbgħa snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li matul dawn l-aħħar sentejn ingħataw pariri u saru audits tal-proċessuri tal-laħam tal-majjal u ċanga u din is-sena se jingħataw layout tal-flow biex ikunu jistgħu jtejbu l-produzzjoni tagħhom u jkunu jistgħu jilħqu livell ta' iġjene skond id-domanda istituzzjonali. Dawn il-proċessuri se jingħataw għajnuna finanzjarja hekk kif jaqblu ma' programm li se jingħatalhom u din l-għajnuna se tkun marbuta ma' pjan ta' titjib.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju li ngħata f'ċifra ta' flus lill-proċessuri tal-laħam tat-tjur u tal-fniek matul dawn l-aħħar erbgħa snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li f'dawn l-aħħar erba' snin ingħataw pariri u saru audits tal-proċessuri tal-laħam tat-tjur u l-fniek. Dawn il-proċessuri se jingħataw għajnuna finanzjarja hekk kif jaqblu ma programm li se jingħatalhom u din l-għajnuna se tkun marbuta ma pjan ta' titjib.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju li ngħata f'ċifra ta' flus lill-produtturi tal-ġbejniet friski matul dawn l-aħħar erbgħa snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ma kien hemm ebda sussidju lill-produtturi tal-ġbejniet. L-Għaqda tal-Produtturi tal-Ġbejniet ngħatat sa Lm1,000 biex jirranġaw l-ippakjar u jsir reklamar ħalli dan il-prodott ikollu suq u prezzijiet aħjar. Minn dawn Lm1,000 għadhom intefqu biss Lm235.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju li ngħata lill-għasara ta' l-inbid lokali matul dawn l-aħħar erbgħa snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda sussidju lill-għassara ta' l-inbid fl-aħħar erba' snin. Għal din is-sena (2002) se jingħata sussidju ta' 4 Euros għal kull tunnellata ta' għeneb impurtat għall-għasir kif ukoll għall-għeneb ta' kwalita' prodott lokalment.
Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada — Self ta' flus
Question
Jista' il-Ministru ta' l-Edukazzjoni jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada u l-APS Bank Ltd biex dan il-Bank isellef flejjes lill dan il-Fondazzjoni, filwaqt li jpoġġi wkoll l-awtorizazzjoni maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi biex tali self ikun jista' jsir?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Mistoqsijiet Parlamentari ta' l-Onor. Membru li jidhru hawn taħt (kolonna A) kollha ġew ripetuti kelma b'kelma minkejja li ġew imwieġba fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari ta' l-istess Onor. Membru (kolonna B).
Kolonna A Kolonna B
PQ Nru imwieġba PQ Nru
37735 -- 35665
37854 -- 35655
37855 -- 35654
37857 -- 35657
37858 -- 35656
37874 -- 35660
37875 -- 35659
37879 -- 35665
37880 -- 35664
37883 -- 35662
37884 -- 35661
37896 -- 35668
37897 -- 36583
37899 -- 35665
Skola sekondarja tal-bniet fil-Mosta — Infiq ta' flus
Question
Jista' il-Ministru ta' l-Edukazzjoni jgħid x'infiq sar fl-iskola sekondarja tal-bniet fil-Mosta mill-1 ta' Jannar 1994 sal-lum minn fondi tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu minn fondi kapitali u rikorrenti filwaqt li jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f'din l-iskola fis-snin 1995, 1996 u 1997?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-ġbir ta' din l-informazzjon jinħtieġ ċertu żmien u jkun jista' jinġabar skond il-priorita` tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopji ta' l-ittra/i li l-membri fil-Bord ta' l-Inkjesta, biex tinvestiga l-operat tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada ffirmaw biex jirriżenjaw mill-ħatra tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-dokument mitlub jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.