Legislature:
Category:
Reset
Active:

Flooding

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir bankina fuq in-naħa tar-residenzi San Josetto u Unicorn f'Misraħ il-Barrieri, Msida minħabba l-flooding li spiss jiġi kkawżat fid-djar kull meta jkun il-maltemp?

Response (GALEA, ĊENSU)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37982, jiena nfurmat li jekk il-bankina ssir il-bieb tar-remissa msemmija ma jkunx jista' jinfetaħ. Madankollu d-Direttorat tat-Toroq lesta survey tal-lokalita' u qed jirriżulta li hu possibbli titqaxxar ħotba li hemm fit-triq biex l-ilma jkun jista jimxi bla xkiel. Dan ix-xogħol hu mistenni li jitlesta fi żmien qasir skond il-prijoritajiet li jkollu d-Direttorat.

Toroq — Tiswija

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjani hemm għat-tiswija tat-toroq mal-pajjiż kollu li mtlew ħofor f' dawn il-jiem?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport mill-ewwel implimentat pjan għall-azzjoni sabiex malli t-temp ibbnazza l-ħofor li tfaċċaw fit-toroq arterjali bħalha kaġun tal-maltemp bdew jissewew minn diversi kuntratturi li tqabbdu jagħmlu dan ix-xogħol. Fl-istess ħin l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tgħaddi informazzjoni lill-Kunsilli Lokali dwar il-ħofor li qed jiġu rrapurtati lilha permezz tal-freephone, biex dawn ukoll ikunu jistgħu jissewew. Tajjeb wieħed ifakkar ukoll li f'ċirkostanzi fejn ix-xita tkun għadha nieżla, xogħol bħal dan ma jkunx jista' jsir b'mod tajjeb, u ħafna drabi l-istess xogħol jerġa jiġi ripetut, (kultant diversi drabi).
Leg 9 PQ #38654 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada — Impjegati

Question

Hemm il-ħsieb li jiġu reklutati mpjegati mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada minn kumpanniji pubbliċi u entitajiet u dipartimenti governattivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qed tikkonsidra li tingaġġa numru ta' impjegati biex iwettaq ix-xogħol tagħha. L-applikazzjonijiet ikunu estiżi għal impjegati pubbliċi u impjegati minn entitajiet pubbliċi.
Leg 9 PQ #38655 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura

Delimara — Power Station

Question

Wara t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 38590, jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li ser ikun qed iqum ix-xogħol? Min ser jiffinanzjah jiġifieri jekk hux Malta jew l-UE? Kemm ser idum biex jitwettaq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #38656 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Voti — Persuni diżabbli

Question

Kemm hemm persuni diżabbli li għar-referendum li ġej se jitħallew jivvotaw u bagħtu għalihom biex jiġbru l-vot għall-ewwel darba u li qatt ma ivvotaw qabel? Fuq liema bażi bagħtu għalihom meta qabel ma kienux ngħataw il-vot?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-Kummissjoni Elettorali ma żżommx statistika jew “records” ta’ min hu diżabbli. Kull min ikollu l-kwalifiki meħtieġa skond Artiklu 57 u ma jkollux l-iskwalifika skond Artiklu 58 tal-Kostituzzjoni jkun imdaħħal fir-reġistru elettorali li b’hekk ikun intitolat biex jivvota. Jekk l-Onorevoli Membru qed jirreferi għal persuni msemmija f’Artiklu 58(a) tal-Kostituzzjoni, kien hemm 472 persuni li ġew riferuti quddiem il-Bord Mediku mwaqqaf skond Artiklu 14 ta’ l-Att XXI (1991) dwar l-elezzjonijiet ġenerali li minnhom 103 nstabu tajbin biex jivvotaw. Dan jgħodd mill-1998 sar-reġistru ta’ Ottubru 2002. Ma jinżammux “records” dwar jekk persuni qatt kienux ivvotaw qabel. Dawn il-persuni jintbagħtu għand il-Bord Mediku jew minħabba rapport dwarhom jew minħabba appelli quddiem l-Uffiċjal Reviżur.
Leg 9 PQ #38657 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bord tal-Matsec

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista' ta' persuni mdaħħla fl-istrutturi tal- Bord tal-Matsec u anki fil-panels tal-issettjar tal-karti tal-eżamijiet tal-istess bord li għandhom xi pubblikazzjoni fis-sillabu li jridu jistudjaw l-istudenti għas-suġġetti fil-livelli Avvanzat, Intermediate u SEC suġġett, suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li xi membri tal-panels u/jew tal-issettjar tal-karti tal-MATSEC għandhom xi pubblikazzjoni f'xi wieħed mis-sillabi kif jidher hawn taħt flimkien ma' l-isem tal-pubblikazzjonijiet li jidhru fis-sillabi. Livell Avvanzat taċ-Ċertifikat tal-Matrikola Sillabi 2002 - 2004 Malti Oliver friggieri (editur) Il-Poeżija Maltija Karl Borg (editur) Lingwa u Lingwistika* Filosofija Emanuel Agius Problems in Applied Ethics Joseph Friggieri In-Nisġa tal-Ħsieb Vincent Riolo An Introduction to Logic Peter Serracino Inglott Peopled Silence * Inkluż f'din il-lista għax fiħ kapitli miktubin minn diversi persuni li għandhom x'jaqsmu mal-MATSEC. Sillabi 2005 - 2007 Is-Sillabi taċ-Ċertifikat tal-Matrikola tal-2005-2007 għadhom kemm tressqu għall-approvazzjoni tas-Senat qabel ma jkunu ippublikati. Dawn is-sillabi fihom l-istess kotba tas-sillabi tal-2002-2004 u dawn t'hawn taħt: Ġeografija Deborah Chetcuti The Climate of the Maltese Anton Buhagiar Islands: a review Patrick Schembri Frank Ventura Ingliż Lydia Sciriha u Malta - A Linguistic Mario Vassallo landscape Taljan Joseph Eynaud Ciak, si legge! Livell Intermediate taċ-Ċertifikat tal-Matrikola Sillabi 2002 - 2004 u Sillabi 2005 - 2007 Malti Oliver Friggieri (editur) Il-Poeżija Maltija Filosofija Emanuel Agius Problems in Applied Ethics Joseph Friggieri In-Nisġa tal-Ħsieb Vincent Riolo An Introduction to Logic Systems of Joseph Giordmaina u Systems of Knowledge: Knowledge Louis Scerri (edituri) A guidebook (sa l-2005 Books 1 and 2 biss) Livell tas-SEC Sillabi 2002 - 2003 u Sillabi 2004 - 2005 M'hemmx pubblikazzjonijiet ta' persuni li għandhom x'jaqsmu mal-MATSEC.
Leg 9 PQ #38658 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura

Drenaġġ — Sustanzi perikolużi

Question

Wara t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 38589 jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li se jkun qed iqum ix-xogħol? Min ser jiffinanzjah, jiġifieri jekk hux Malta jew l-UE? Kemm ser idum it-twettieq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-impjant tan-Nofsinhar ta' Malta ser iqum madwar Lm30 miljun, li magħhom iridu jiżdiedu madwar Lm4.5 miljun għat-'transmission main' mill-Marsa sa l-impjant. L-impjant tat-Tramuntana ta' Malta ser iqum madwar Lm5 miljun, filwaqt li l-impjant ta' Għawdex mistenni jqum madwar Lm3 miljuni. Ix-xogħol fuq dawn l-impjanti mistenni jitwettaq sas-sena 2007. Ma' dawn iridu jiżdiedu madwar Lm4 miljuni oħra fuq xogħlijiet relatati bħalma huma 'retention basins' u 'galleries', xogħol ta' disinn u konsulenza u titjib ieħor fis-sistema. Il-finanzjament għall-impjant ta' Għawdex huwa diġa' assigurat in parti mill-Unjoni Ewropea minn fondi ta' qabel is-sħubija ma' l-istess Unjoni, l-impjant tat-Tramuntana ta' Malta ser jiġi ffinanzjat mill-Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja u dak tan-Nofsinhar qiegħed fuq lista ta' proġetti li jistgħu, in parti, jkunu finanzjati wara li Malta ssir Membru ta' l-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #38662 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dawl

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 23339 li ġiet imwieġba fit-2 ta' Frar 2001, jista' il-Ministru jinvestiga u jinfurmani għaliex arblu in kwestjoni baqa' fejn kien minkejja li fit-tweġiba tiegħu għal dik il-mistoqsija parlamentari (23339) ġejt aċċertat li 'qegħdin isiru l-arranġamenti meħtieġa biex l-arblu msemmi jitneħħa fl-aqsar żmien possibli'? Għaliex minkejja li għaddew aktar min sentejn l-Enemalta baqgħet ma ħaditx passi? Possibli l-Ministru ġentilment jieħu passi biex jassigura li din id-darba l-Enemalta tieħu passi kif ġejt imwiegħed sentejn ilu?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-amministrazzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta ġiet infurmata biex jittieħdu l-passi meħtieġa bla dewmien u jekk hemm xi intopp niġi infurmat.
Leg 9 PQ #38663 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konsorzju — landscaping

Question

Billi l-konsorzju biex jagħmel landscaping fil-pajjiż qed ikun daqshekk suċċess, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jaħtar konsorzju ieħor biex iħaffef ix-xogħol u jservi wkoll ta' kompetizzjoni għall-konsorzju l-ieħor?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ma hemm ebda ħsieb biex jinħatar konsorzju ieħor.

By pass tal-Gudja — Crash barrier

Question

Jogħġbu il-Ministru jara li tiġi installata crash barrier mill aktar fis possibli fil-by pass tal-Gudja, fiti qabel il-kappella ta' Bir Miftuħ mal-faċċata peress li ġraw għexieren ta' inċidenti b'karozzi li jkunu ġejin minn Ħal Luqa lejn il-Gudja jibqgħu deħlin fil-ħajt tar-razzett li hemm, bil-periklu li jintlaqat il-bidwi li jaħdem fir-razzett?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex tara x'l-aħjar li jsir.
Leg 9 PQ #38665 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Arblu tad-dawl

Question

Jista l-Ministru jgħid meta sejjer jitneħħa l-arblu tad-dawl li hemm eżistenti fi Triq Salvu Aqulina kantuniera ma Triq Sant'Antnin, Mosta li dan l-aħħar kien il-kaġun ta' straġi li saret fid-dar residenzjali wara li sajjetta laqtet lilu u wara li ġibidha baqgħet dieħla fil-faċċata ta' dar li dwar dan hemm diġa rapport lill-EneMalta?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.

Dingli — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jikkunsidra li jirrakkomanda li jingħata wiċċ xieraq lit-toroq bl-isem Cliff Street u N/S in Cliff Street Dingli peress li dawn tista' tgħid li huma żviluppati kompletament minbarra t-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tħejji programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Toroq — Ħsarat

Question

Jista' l-Onorevoli Ministru jibgħat ħaddiema jirranġaw Brewery Street, Ħamrun peress li din mimlija ħofor u hija perikoluża?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex terġa tispezzjona t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant, wara li din kienet ġiet spezzjonata żmien ilu, biex jiġi stabbilit jekk sarx aktar żvilupp biex it-triq tkun tista' tiġi asfaltata.
Leg 9 PQ #38668 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Shipbuilding — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw taħt seperate cover jistax jiġi trasferit permanentament mix-Shipbuilding għat-tarzna? Jaf il-Ministru li din il-persuna diġa tagħmel żewġ terzi tas-sena taħdem it-Tarzna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li t-Tarznari qed jaddottaw politika ta' flessibbilta' sħiħa fost il ħaddiema taż-żewġ tarznari u ta' Manoel Island. Dan jimplika li l-ħaddiema jistgħu, minn żmien għal żmien, jintbagħtu jaħdmu f'postijiet diversi skond il-ħtieġa. Għaldaqstant mhux possibbli li xi ħaddiem jingħata garanzija li ser jibqa' jaħdem f'post wieħed għal dejjem. In vista ta' dan, it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ma tistax tintlaqa.

Floriana — Bini tal-Gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta ser ikun lest il-lift fil-blokk li jinsab numru 16, Triq il-Kapuċċini, Floriana? Jaf il-Ministru li l-permess għal dan il-lift ilu li ħareġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li t-tender għall-lift li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ingħatat reċentement u mistenni jiġi stallat għall-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena.

Valletta — Djar tal-Gvern

Question

Jafx il-Ministru li l-Flat 8, Blk B, St Joseph Street, Valletta ġie maħruq u għandu ħsara estensiva, liema fond jappartjeni lill-Gvern? Jafx il-Ministru wkoll li l-persuna li isimha qed jingħata separatament u tirrisjedi fil-blokk adjaċenti qed isofri preġudizzju minħabba tali ħsarat? Jista' l-Mnistru jgħid x'possibilita' hemm li l-gvern jirranġa dan il-fond b'mod espedit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li s-sejħa għall-offerti biex isir ix-xogħol meħtieġ fil-post indikat għalqet ftit ġranet ilu. L-offerti qed jiġu ġġudikati u x-xogħol mistenni jibda fi żmien qasir.

Floriana — Djar tal-Gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex il-persuna li isimha qed jingħata under seperate cover qed tintalab tħallas l-ammont ta' Lm650 għall-użu ta' lift fil-blokk fejn tgħix, sempliċiment għaliex żmien ilu kienet xtrat il-flat tagħha b'sussidju offrut mill-gvern? Jaf il-Ministru li din hija persuna ta' 78 sena li l-introjtu tiegħu hija biss il-pensjoni u għalhekk ma jistax iħallas dan l-ammont? Jafx il-Ministru li din il-persuna anzjana tirrisjedi fuq nett tal-blokk fejn tgħix u qed ikollha tuża t-taraġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta jiġi nstallat lift fi blokk ta' appartamenti tal-Gvern, is-sidien ta' appartamenti f'dak il-blokk ikunu meħtieġa li jħallsu sehemhom minn dawn l-ispejjeż. Madankollu l-Awtorita' tad-Djar tissussidja dan is-sehem b'50%, Fil-każ indikat mill-Onor. Interpellant, is-sehem dovut minn kull sid hu ta' Lm1,300 iżda meta ġie kkalkulat is-sussidju mill-Awtorita' dan tniżżel għal Lm650. Ninsab infurmat li l-Awtorita' offriet li l-persuna ndikata tħallas dawn is-Lm650 permezz ta' rati mensili. Minkejja li rrifjutat li tagħmel dan baqgħet tinsisti li tingħata ċ-ċwievet tal-lift mingħajr ma tħallas sehemha. Wieħed ma jridx jinsa li l-valur ta' l-appartament jogħla bis-saħħa ta' l-installar ta' lift u dan jibbenefika minnhu s-sid rispettiv.
Leg 9 PQ #38672 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Suldati — Diżabilita' permanenti

Question

In segwitu għad-domanda parlamentari numru 38375, jista' il-Prim Ministru jgħid u jfiehem għaliex dawn is-suldati li huma ċċertifikati li qed isofru minn diżabilita' permanenti u li għandhom jaħdmu nofs ta' nhar kull nhar ta' Sibt minħabba li jaħdmu biss matul il-ġurnata m'humiex jibbenefikaw minn l-ebda ħlas u l-ebda duty leave? Ma jaħsibx il-Prim Ministru li dan huwa preġudikali għalihom? Nofs ta' nhar is-Sibt ifisser xogħol sa l-4.00pm?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Fil-Forzi Armati d-“duty leave” jingħata biss lil dawk is-suldati li jaħdmu għassa bil-lejl. Għalhekk, iż-żewġ suldati msemmija ma jistgħux jieħdu “duty leave” peress li huma ma jagħmlux għassa bil-lejl. Jien infurmat li ż-żewġ suldati jirċievu “allowance” ta’ Lm10 fix-xahar bħal kull membru ieħor fil-Forzi Armati mill-grad ta’ Maġġur l-isfel. It-tnejn jirċievu pensjoni ta’ diżabilità u wieħed minnhom jirċievi wkoll “allowance” tas-sengħa li fiha hu kkwalifikat. B’riferenza għall-ħin li jqattgħu għax-xogħol kull nhar ta’ Sibt, irrid nippreċiża li fil-ħinijiet tax-xitwa, dawn huma mis-sebgħa ta’ fil-għodu sa l-erbgħa ta’ wara nofs inhar u fil-ħinijiet tas-sajf, mis-sebgħa ta’ fil-għodu sas-siegħa ta’ wara nofs inhar.

Espostazzjoni — Kummerċ ħieles

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 38545 u cioe' kemm esporta pajjiżna lejn il-pajjiżi li l-UE għandha żona ta' kummerċ ħieles magħhom, pajjiż, pajjiż/settur, settur/ prodott, prodott matul l-2002?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar l-esportazzjoni minn Malta lejn dawk il-pajjiżi li magħhom l-Unjoni Ewropeja għandha ftehim ta' kummerċ ħieles reċiproku, u cioe': EEA u EFTA - l-islanda, il-Lechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera EuroMed - l-Algerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Lebanon, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija u t-Turkija Balkani - il-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija Pajjiżi oħra - ic-Cili', il-Messiku u l-Afrika t'Isfel Din il-lista ma tinkludix id-disa' pajjiżi l-oħra li mistennija jsiru membri ta' l-Unjoni Ewropeja fit-tkabbir li jmiss. L-istess lista lanqas tinkludi l-ħafna pajjiżi oħra li l-Unjoni Ewropeja għandha magħhom ftehim ta' kummerċ ħieles mhux reċiproku.

Esportazzjoni — UE

Question

Jista il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 38554 u cioe' kemm huma l-kwoti għal-esportazzjoni bla dazji ta' pajjiżna lejn pajjiżi fl-UE, prodott, prodott / settur, settur bħala associate member ma' l-istess UE? Kemm fil-fatt ġew esportati minn pajjiżna lejn il-pajjiżi ta' l-UE prodott, prodott / settur, settur matul 2002?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar l-esportazzjoni minn Malta lejn l-Unjoni Ewropeja. Din l-esportazzjoni tinkludi wkoll żewġ prodotti mis-settur agrikolu li fuqhom hemm kwoti għall-esportazzjoni bla dazji ta' pajjiżna lejn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja. Dawn huma l-patata li fuqha hemm kwota ta' 3,000 tunnellata u l-ħjar żgħir, ta' tul ta' mhux aktar minn 15-il ċentimetru, li fuqu hemm kwota ta' 50 tunnellata. Il-prodotti l-oħra, agrikoli jew ta' l-ikel, fil-preżent huma soġġetti għad-dazju mingħajr il-benefiċċju ta' ebda kwota.