Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37535 u ċioe' jista' jgħid kemm-il persuna nqatgħet mir-Reġistru mill-1998 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li nqatgħu mir-reġistru (strike offs) f'Malta u f'Għawdex minn Jannar 1998 sa Novembru 2002 kien ta' 5,603 persuni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37565 u ċioe' jista' jgħid kemm għalqu fabbriki mill-1998 sal-lum u kemm kienu l-ħaddiema li tilfu x-xogħol? Jista' jgħid kemm fetħu fabbriki ġodda fl-istess żmien u kemm ħadmu ħaddiema magħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37569 u ċioe' jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jieħdu s-servizz tal-home help? Minn liema lokalita' huma u kemm ilhom jieħdu s-servizz u kemm għandhom sigħat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' anzjani li jieħdu s-servizz tal-Home Help hu ta' 2726.
Hemm min ilu jieħu s-servizz sa mill-bidu jiġifieri mill-1988. Dan is-servizz ivarja minn sagħtejn (2) fil-ġimgħa għal oħrajn li għandhom bejn tlieta (3) u għaxar (10) siegħat fil-ġimgħa.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-Lokalitajiet.
Jista il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37504?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni n-numru ta' karozzi naqas minn 18 fl-1996 għal 13 fl-2002, fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni minn 106 vettura għal 80, u fid-Dipartiment tal-Kultura minn 8 għal 6 vetturi fuq l-istess perjodu.
Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet xtara karozza waħda ġdida fl-2000, id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji xtara karozza waħda fl-1999, filwaqt li fl-Universita` ta' Malta inxtraw 2 vetturi fl-1996, vettura waħda fl-1997 u 2 vetturi fl-2001.
Il-Kavallier ta' San Ġakbu li beda jopera fl-2000, għandu karozza waħda biss mikrija għandu. Fl-MCAST, mill-2001 sal-lum inxtraw 4 karozzi ġodda (fl-2001) u għandu 2 karozzi mikrija. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi għandha karozza waħda mikrija taħt il-kuntratt tal-Ministeru. Filwaqt li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada kriet b'kollox 4 karozzi minn meta ġiet imwaqqfa. Tlieta minn dawn għadhom jintużaw.
Informat ukoll li mill-1996 'l hawn fl-FIS, fil-PBS u fl-MCC ma żdiedet ebda karozza.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37496 jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija b'aktar dettall peress li l-produzzjoni tinvolvi aktar mill-għalf/ġwież?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-ispejjeż minimi li żdiedu mis-sena 1999 sal lum jistgħu jitnaqqsu b'titjieb fl-effiċjenza.
Fir-rapporti li għandu l-Ministeru dwar l-impatt tal-prezzijiet tal-biedja lokali meta mqabbla ma' dawk fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-prezz tal-produtturi tal-fniek fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea għal kull kilo jew fenek sħiħ?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant imissu jaf tajjeb li s-suq tal-fniek ma jaqax taħt l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, inħeġġeġ lill-Onor. Interpellant jikseb din l-informazzjoni mill-istatistika uffiċjali ta' kull pajjiż membru ta' l-UE.
Fir-rapporti li għandu l-Ministeru dwar l-impatt tal-prezzijiet tal-biedja lokali meta mqabbla ma' dawk fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-prezz tal-produtturi ta' l-għasel fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea għal kull flixkun għasel sħiħ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fl-Unjoni Ewropea ma teżistix dik li tissejjaħ il-Common Organisation Market għall-għasel. Għalhekk ma hemmx prezz stabbilit għall-għasel. Barra minn hekk, hemm diversi tipi ta' għasel li jinġabar minn nettaru ta' diversi pjanti. Dawn iġibu prezzijiet differenti. L-għasel ukoll jiġi mħallat (blended) u dan iġib diversi prezzijiet. Il-prezz ta' l-għasel ivarja wkoll minn reġjun għall-ieħor fl-istess pajjiż.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37682?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet ta' tiswija fuq torrijiet, bħat-Torri tal-Lippija, isiru mit-Taqsima tar-Restawr fi ħdan id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Għaldaqstant, il-mistoqsija għandha tiġi ndirizzata lill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Jista' issa il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija numru 37681?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bit-tagħrif mitlub fl-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li l-persuna indikata mhux qed tibgħat għall-impjegati tal-Gvern biex jgħidilhom isiru impjegati taċ-Ċentru. L-impjegati tal-Gvern ikunu jistgħu jiġu assunti miċ-Ċentru kif jipprovdi l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali ta' l-2002 (Kap 445).
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kontijiet tat-taxxa fuq id-dħul li kienu statute barred fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment mhux konxju minn xi kontijiet tat-taxxa fuq id-dħul statute barred fis-snin imsemmija fl-Interpellanza. Kull sena id-diversi sezzjonijiet tad-Dipartiment iduru u jipproċessaw dawk il-formoli li jkunu se jiġu preskritti sa l-aħħar tas-sena rispettiva.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-maisonettes li nbnew fil-parti tal-wied ta' Ugo Carbonaro Str, San Ġwann għandhomx permessi tal-bini tal-MEPA? Jekk iva, meta nħarġu? Hemm il-ħsieb li jinħarġu aktar permessi tal-bini faċċata tal-parti mibnija tat-triq?
Response (BORG, TONIO)
Huwa mifhum li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jagħmel referenza għal tlett permessi PA 5801/00 li nħareġ fid-19 ta` April 2001, PA 2195/01 li nħareġ fit-13 ta` Awissu 2001, u PA 6235/00 li nħareġ fil-15 ta` Ġunju 2001.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi faċċata ta` dawn il-maisonettes jinsab barra il-limiti ta` żvilupp u għalhekk bil-policies tal-lum mhux possibli jingħataw permessi għal bini residenzjali.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ittieħed overtime minn tobba, nurses u kull kategorija oħra ta' impjegati separatament matul dawn l-aħħar tmien snin, sena b'sena, ġewwa l-Isptar Boffa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li matul il-perjodu indikat fil-Mistoqsija (1995-2002 sa Novembru) ġewwa l-iSptar Boffa ittieħed l-ammont ta` overtime kif indikat fit-tabella annessa.
Sena
Nurses
Radiographers
Kategoriji ohra
Lm
Lm
Lm
1995
11,475.00
11,529.06
4,613.14
1996
5,664.86
13,366.22
4,608.87
1997
17,943.76
8,492.00
545.00
1998
20.65
7,750.00
1,701.00
1999
987.09
6,818.00
0.00
2000
690.00
7,795.66
962.34
2001
9,237.31
9,995.00
1,221.00
2002
1,695.00
10,472.90
4,353.00