Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummerċ Ħieles

Question

Liema pajjiżi pajiżna għandu diġa ftehim ta' kummerċ ħieles magħhom? Kemm ġew iffrankati flus f' dazji f'prodotti (i) importati ta' materja prima (ii) esportati matul is-sena li għaddiet? Liema pajjiżi pajjiżna m'għandu l-ebda ftehim ta' kummerċ ħieles magħhom? Liema minhom għandu fethim ta' kummerċ ħieles mal-UE bħalissa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li Malta għandha ftehim ta' kummerċ ħieles ma' l-Unjoni Ewropea biss. Dan il-ftehim imur lura għal Diċembru ta' l-1970 u beda jseħħ f'April 1971. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea għandha ftehim ta' kummerċ ħieles reċiproku ma' dawn il-pajjiżi: l-Isvizzera (EFTA) in-Norveġja, l-Islanda u Lechtenstein (EFA) il-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (Polonja, Rumanija, Repubblika Ċeka, Slovakkja, Ungerija, Bulgarija, Latvia, Estonia, Lithuania u Slovenja li kollha huma kandidati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea) il-pajjiżi ta' l-Euromed (Alġerija, Marokk, Tuneżija, Eġittu, Israel, Libanu, Ġordan, Awtorita' Palestinjana, Sirja, Ċipru, Turkija. Il-ftehim mas-Sirja biss għadu ma ġiex iffirmat, pero', għandu jiġi finalizzat kmieni dis-sena.) Messiku, Afrika t'Isfel, Ċili u Kroazja Il-ftehim mal-pajjiżi tal-Mercosur, jiġifieri Arġentina, Brażil, Paragwaj għadu ma seħħx imma d-diskussjonijiet jinstabu fi stadju avvanzat L-Unjoni Ewropea qiegħda wkoll f'negozjati avvanzati għal ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Gulf Co-operation Council li jinkludi s-Saudi Arabja, il-Kuwait, il-Bahrain, il-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Oman. L-Unjoni Ewropea għandha wkoll ftehim ta' kummerċ ħieles ma' dawn il-pajjiżi: Il-GSP ma' mija u tnejn u erbgħin pajjiż li qed jiżviluppaw; Il-pajjiżi ta' l-ACP, Afrika, Karibew u Paċifiku. Dawn illum jissejħu l-Cotonou Agreements (qabel Lome'). Hawnhekk sary ftehim ma' tmienja u erbgħin pajjiż. Hemm ukoll ftehim imsejjaħ "Everything But Arms" ma' disgħa u erbgħin pajjiż sotto-żviluppat. Tajjeb jingħad ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha għaddejjin diskussjonijiet dwar kummerċ ħieles ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, ir-Russja, il-Ġappun u l-Kanada. Hekk kif Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea, pajjiżna jibda jgawdi minnufih minn dawn il-ftehim u s-swieq ta' dawn il-pajjiżi jinfethu għall-esportazzjoni minn Malta bl-istess mod li bħalissa huma miftuħa għall-esportaturi minn pajjiżi li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea. Mhux faċli li wieħed jikkalkula l-valur kumplessiv ta' dan il-gwadann għall-industriji tagħna peress li qed nitkellmu dwar potenzjal kbir li s'issa ma kellniex l-opportunita' li nisfruttaw. Biżżejjed wieħed isemmi li dan il-gwadann addizzjonali li ġġib magħha s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ser tiftaħ orizzonti ġodda għall-industriji li diġa' joperaw minn Malta. Barra minn dan, ser jagħmel lil ġżiritna wisq aktar attraenti għal kumpaniji oħra li jistgħu jitħajjru jiftħu fabbrika f'Malta. Fl-aħħarnett ta' min jinnota li bi sħubija Malta tibbenifika minn dan il-ftehim ma' dawn il-pajjiżi kollha msemmija u li mingħajr is-sħubija jkun diffiċli ferm li tikseb ftehim simili.

Servizz ta' home help

Question

Jista' jerġa' jibda jingħata s-servizz tal- home help liż-żewġ anzjani li d-dettalji tagħhom qed ngħaddi separatament peress li ma jidhirx li kellhom responsabilta' għall-fatt li l-carers li kellhom ma baqgħux jagħtuhom is-servizzi tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħaddili aktar dettalji, anki b'mod kunfidenzjali, dwar il-persuni ndikati biex inkun nista ninvestiga l-każ taghhom.

Ħal Tarxien — Asfaltar ta' toroq

Question

Jogħġbu l-Ministru, invista tad-diversi domandi parlamentari li għamilt fuq l-istess suġġett jinformani bl-iżviluppi li kien hemm fuq il-proċess ta' asfaltar tat-toroq ta' wara Carters f' Ħal Tarxien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport lestiet l-istejjem neċessarji sabiex jitlestew ix-xogħlijiet f'dawn it-toroq. Peress illi din hija żona residenzjali u anke kummerċjali, x-xogħlijiet ser ikunu phased f'diversi stadji biex it-toroq ma jinqalgħux f'daqqa u b'hekk jiġi evitat kull inkonvenjent. Il-ħsieb huwa li x-xogħol jinbeda min-naħa ta' fuq u għalhekk l-ewwel sejħa għall-offerti ser tkun biex issir Triq ix-Xewk.
Leg 9 PQ #38035 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Ħ'Attard — Bini

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija numru 37902 jista' il-Ministru jivverifika jekk qabel ma nħareġ il-permess PA4043 02 ingħatax attenzjoni għal fatt li dan il-bini se jostakola l-passaġġ ta' l-ilma f' Wied Inċita Ħ'Attard?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant tirrigwardja żvilupp f`sit li huwa identifikat għall-iżvilupp ta` vilel skond il-Pjan Regolatur u bejn is-sit u l-wied hemm triq. Għalhekk dan l-iżvilupp mhux ser jostakola il-passaġġ tal-ilma.

Belt — Park and Ride Scheme

Question

B'refernza għar-risposta ta' mistoqsija numru 37846 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rotta tal-Park and Ride Scheme li hi proposta għall-Belt?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi r-rotta tat- trolley buses tal- Park & Ride għada qed tiġi maħduma peress li din it-triq tkun adattata għal dawn it-tip ta' vetturi li ser ikunu jaħdmu bl-elettriku.
Leg 9 PQ #38037 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Mater Dei — Nefqa ritkorrenti għat-tħaddim

Question

B'refernza għar-risposta ta' misotqsija numru 37845 jista' il-Ministru jgħid kemm hi stmata n-nefqa rikorrenti għat-tħaddim ta' l-isptar Mater Dei meta dan ikun komplet u jkun qiegħed jaħdem fit-totalita' tiegħu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minn l-aħħar studju li sar kien hemm ħafna tibdil dwar kif sejjer jopera l-ispatar Mater Dei. Għaldaqstant, illum qed isir studju profond biex tkun ikkalkulata mill-ġdid l-istima tan-nefqa rikorrenti.

Manoel Island Yacht Yard

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi trattattivi sabiex tinbieh Manoel Island Yatch Yard u jekk fl-affermattiv ma' min qed isiru dawn it-trattativi u jekk hemmx Maltin jew barranin involuti f' dawn it-trattativi? Saret xi sejħa biex tinbieh Manoel Island Yatch Yard? Qatt irċieva xi offerti minn imprendituri Maltin li wrew interessi li jixtru xi sehem minn Manoel Island Yatch Yard?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #38039 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Posta — Pustiera

Question

Minnu jew le l-pustiera qegħdin jintbagħtu f'postijiet differenti b'mod li jdumu ma jidraw is-sistema ta' xogħol u jġib qtigħ ta' qalb u tbatija żejda?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Maltapost tutilizza l-impjegati kollha tagħha bil-għan uniku li tagħti lill-pubbliku l-aħjar servizz bl-aktar mod effiċjenti.
Leg 9 PQ #38040 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Polyclinics — Tobba

Question

Jarax il-Ministru l-ħtieġa li l-Polyclinics fl-inħawi ta' malta u Għawdex ikunu miftuħa matul il-lejl ukoll bħal per eżempju dik ta' Bormla? X'inhu n-numru ta' tobba li jrid ikun hemm kull ħin fil-Polyclinics?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor Interpellant għar-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 36957 u 34787. Peress illi n-numru ta' tobba għadu l-istess mhux possibbli li ċ-Ċentri tas-Saħħa jerġgħu jiftħu kollha bil-lejl. In-numru ta' tobba preżenti fiċ-Ċentri tas-Saħħa ivarja skond il-lokalita` u skond il-ħin tal-ġurnata, kif ukoll skond kemm hemm viżti fid-djar mitluba dak il-ħin. Idealment, bħalissa matul il-ġurnata n-numru ta` tobba preżenti fiċ-Ċentri tas-Saħħa ivarja bejn tnejn u ħames tobba, iżda dan in-numru jiġi affetwat minn ħafna fatturi bħal: preżenti fil-Qorti, sick leave, vacation leave, jew viżti urġenti.

Venda tal-linja — Arloġġ u Kaxxa tat-telefon

Question

Jaħsibx il-Ministru li ħdejn kull venda tal-karozzi tal-linja għandu jitwaħħal arloġġ għal ġid tal-passiġġieri u qrib żewġ metri bogħod kaxxa tat-telefon?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-parti l-kbira tal-vened għandhom arloġġ pubbliku, fil-fatt, b'kollox hawn 42 arloġġ f'Malta u 3 f'Għawdex. Fejn tikkonċerna kaxxa tat-telefon, din ma taqax taħt ir-responsabbilta' tad-Direttorat għat-Trasport Pubbliku.

Raħal Ġdid — Riq Għajn Dwieli

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37752?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid hija fuq arterja u għalhekk ma taqax fil-kompetenza tal-kunsill Lokali, Paola. Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tat-Trasport u Komunikazzjoni li taħtu jaqa` d-Direttorat tat-toroq.

Gwardjani Lokali — Taħrik lid-Delivery men

Question

Jista' il-Ministru jara li jsir xi ħaġa biex id-delivery men ma jibqgħux jiġu mħarrka daqshekk ta' spiss meta jkunu qegħdin jgħabbu jew iħottu x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill- Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #38070 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Birgu — Latrina pubblika

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37843 li riċentement saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' tgħid jekk hemmx post alternattiv għall-public convenience li kien hemm fejn qabel kien hemm id-DOI u llum hemm l-Aċċess fil-Birgu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura.
Leg 9 PQ #38071 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — VAT inspectors

Question

Dawk li għandhom I.D. Card ta' VAT inspectors, jista' l-Minsitru jgħid jekk hux kollha għandhom l-istess benefiċċji u kondizzjonijiet tax-xogħol? X'kienet ir-raġuni li fi stadju partikolari ngħata x-xogħol ta' VAT inspectors lis-suldati?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #38081 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Childcare centre

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari numru 37861, jista' l-Ministru jgħid għalfejn hu personalment fetaħ iċ-childcare centre uffiċjalment jekk lanqas biss kienet għadha nħolqot struttura biex jitmexxa, liema struttura għadha ma nħolqotx minkejja li għaddew is-snin mill-ftuħ taċ-childcare centre? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk fetaħx iċ-childcare centre ta' l-AirMalta għax kien tlesta biss il-bini?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li kienet u għadha l-intenzjoni tal-kumpanija nazzjonali ta' l-ajru li ċ-Child Care Centre ikun funzjonabbli. Kif għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 37861, minn mindu ġie inawgurat dan iċ-Ċentru inqalgħu ċirkustanzi li xekklu l-progress fuq dan il-proġett.

Mellieħa — Triq ta' fuq il-Widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq ta' Fuq il-Widien, Santa Marija Estate, fil-Mellieħa taqax taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għal dak li jirrigwarda road surfacing u tiswija ta' l-istess triq? Jaf il-Ministru li fl-istess akkwata ġewwa l-istess Estate u ċioe' Triq tax-Xagħra ta' Barra tingħata t-tiswija li jkollha bżonn filwaqt li qed ikun hemm rifjut fil-każ ta' Triq ta' Fuq il-Widien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-Triq ta' fuq il-Widien u Triq ix-Xagħra ta' Barra huma uħud mit-toroq li l-Kunsill fetaħ kawża dwarhom kontra l-kumpanija Cenmed biex din tagħmel manutenzjoni fihom. Fil-każ ta' Triq tax-Xagħra ta' Barra rriżulta illi snin ilu kien isir xi patching fiha mill-ħaddiema tal-Gvern u għalkemm dan ix-xogħol mhux responsabbilta tal-Kunsill dan min-naħa tiegħu baqa' jagħmel patching f'din it-triq biex isegwi l-passi li kienu inbdew.

Rabat — Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jivverifika jekk l-ammont ta' pensjoni ridotta li qegħda tieħu l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hux korrett peress li hu tant żgħir li din il-persuna u l-familja tiegħu mhux possibbli li jgħaddu b'dan l-ammont?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.