Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat — Arkata/Restawr

Question

Jista' il-Ministru jara li jitkompla x-xogħol ta' restawr fuq l-arkata storika li hemm mal-ġenb tal-kappella tal-Kunċizzjoni l/o Rabat peress li dan ix-xoħol ilu wieqaf għal diversi ġimgħat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ix-xogħol ta' restawr fuq l-arkata storika li hemm mal-ġenb tal-kappella tal-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat, wieqaf temporanjament minħabba raġunijiet loġisitċi. Ix-xogħol għandu jerġa' jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Żebbuġ — Kisi bit-tarmac

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir Triq Ġdida fi Triq il-Gandlora, Żebbuġ, peress li din it-triq hi prattikament mibnija kollha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-Awtorita' Dwar it-Trasport lestiet l-istejjem meċessarji sabiex jitlesta x-xogħol fit-triq imessija. Għalhekk hu mistenni li fil-ġimgħat li ġejjin toħroġ sejħa għall-offerti sabiex ix-xogħol meħtieġ ikun jista' jsir.

Luqa — Tarmac

Question

Jista' il-Ministru jieħu dawk il-passi neċessarji biex it-toroq New Street u Dun Pawl Street Luqa jiġu mogħtija t-tarmac, peress li dawn ġew maqlugħa kollha wara li ġew mgħoddija s-servizzi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qiegħda twettaq proġett biex jinbiddlu l- mains ta' l-ilma f'dawn it-toroq u x-xogħol għar- reinstatement tagħhom qiegħed inkluż f'dan il-proġett.
Leg 9 PQ #38220 Sitting 858 2003-01-27 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żebbuġ — Dawl fit-toroq

Question

Jista' il-Ministru jara li l-parti ta' ġewwa ta' Triq Ġdida fi Triq il-Gandlora, Żebbuġ tiddawwal b'mod adegwat għax mal-lejl ikun hemm dalm ċappa u peress li t-triq għadha ma saritx, qiegħda tagħti lok għal ħafna inċidenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra bħalha.

Awtorita' tad-Djar — Akkomodazzjonijiet diversi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid matul laħħar sentejn kemm kien hemm applikazzjonijiet lill-Awtorita' tad-Djar għall-akkomodazzjoni minn:- 1) koppji miżżewġa ġodda; 2) individwi/familji b'akkomodazzjoni sub-standard; 3) għarajjes; u 4) individwi bi bżonnijiet speċjali? Kemm units ġew allokati u lil liema kategorija? Kemm kienet il-kontribuzzjoni lejn it-taxxa fuq dokumenti u trasferimenti mħallsa mill-Awtorita' tad-Djar u/jew id-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali fuq il-proprjeta' allokata f'kull każ, jekk kien hemm? Kemm kienet il-kontribuzzjoni ta' dawk li bbenefikaw mill-għotja lejn it-taxxa li titħallas fuq id-dokumenti u trasferimenti, jekk kien hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija. L-Awtorita' tad-Djar ma tħallasx taxxa fuq dokumenti u trasferimenti ta' proprjeta'. It-taxxa dovuta mix-xerrejja tinġabar direttament minn nutara magħżula mix-xerrejja stess u għalhekk l-Awtorita' m'għandhiex l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.

Kalkara — Ċimiterju tal-Lhud

Question

Jista' il-Ministru b'referenza għad-domandi parlamentari preċedenti jinforma lill-Kamra x'xogħol beda jsir ġewwa ċ-ċimiterju tal-Lhud fil-Kalkara u kemm spejjeż huma previsti li ser jintefqu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera beda proġett sabiex jiġi restawrat iċ-ċimiterju tal-Lhud fil-Kalkara, li huwa l-eqdem ċimiterju tal-Lhud li għadu eżistenti. Il-proġett bħalissa jikkonsisti f'tindif u dokumentazzjoni fuq ġewwa minn grupp ta' arkeoloġisti peress li l-post kien mimli siġar u materjal. Qiegħed ukoll jiġi restawrat il-ħajt ta' barra. Peress li l-proġett kollu għadu qed jiġi ppjanat, il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera għadu mhux f'pożizzjoni li jgħid kemm ser jiġi jiswa dan il-proġett.

Kalkara — Xogħol/Xatt tal-Kalkara

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm spejjeż inħarġu għax-xogħol ta' tibdil tax-Xatt tal-Kalkara u x'sar fih dawn l-aħħar sentejn?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' titjib fix-Xatt tal-Kalkara sar mill-Kunsill Lokali. Madankollu, il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera ta kontribut ta' Lm6,000.

Persuni b'diżabilita' — Rampi/Knejjes

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex previst li l-quddiem isiru rampi adegwati għall-aċċess għal persuni b'diżabilita' fil-knejjes parrokkjali ta' Bormla, Kalkara u Senglea u jekk iva meta dawn għandhom jibdew?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera għamlu talba lil MEPA għal aċċess għal persuni b'diżabiltia' fil-knejjes parrokkjali ta' Bormla, Isla u Kalkara. Il-proġetti jsiru meta jkun hemm l-approvazzjoni tal-MEPA u jekk il-fondi jippermettu. Għar-rigward tal-Birgu, s'issa għadu ma nstabx mod kif tista' ssir din ir-rampa.

Bormla — Pjazza Paolino Vassallo/Public Convenience

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol ser jsir ġewwa Pjazza Paolino Vassallo quddiem il-Każin tal-Banda ta' San Ġorġ, Bormla u jistax ukoll jiġi ndikat x'xogħol sar fil-pubic convenience ġdida?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proġett ta' Pjazza Paolino Vassallo huwa approvat mill-MEPA. Bħalissa qed jitħejjew it-tenders għal dan ix-xogħol li jikkonsisti prinċipalment f'titjib sostanzjali inkluż paviment, dawl u street furniture. Il-public convenience fil-viċin hija kompletament ġdida u saret fuq talba tal-Kunsill Lokali. Dan ix-xogħol ser jitħallas mill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera.

Kalkara — Triq Baptist Borda/Dawl tat-toroq

Question

Jista' il-Ministru jara li jeħlu żewġ bozoz jew dawl ieħor suffiċjenti sabiex Triq Baptist Borda, Kalkara quddiem il-pjazza tiġi mixgħula u mdawla aħjar milli hija preżentement?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret min-naħa tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li fit-triq indikata hemm dawl adekwat.
Leg 9 PQ #38227 Sitting 858 2003-01-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Mużewijiet — Tindif tal-car park

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jara li d-Dipartiment tal-Mużewijiet jieħu ħsieb jnaddaf il-car park li hemm ħdejn Għar Dalam għaliex dan il-car park hu maħmuġ u mimli boroż tal-garbage? Billi jien infurmat li dan il-car park jaqa taħt id-Dipartiment tal-Mużewijiet, possibli jittieħdu passi biex jindaf għax hu ta' eyesore anke għall dawk li jżuruh?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li għalkemm dan il-Car Park qatt ma kien taħt id-Dipartiment tal-Mużewijiet, il-Patrimonju Malti talbet lill-Kunsill Lokali ta' B'Bugia biex jieħdu ħsieb it-tindif ta' dan is-sit.
Leg 9 PQ #38232 Sitting 858 2003-01-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Servizz tat-Telecare

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 38008 u cioe' jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-kumpannija Maltacom mhux qed tagħti aktar is-servizz tat-telecare lil applikanti l-ġodda? Jista' jgħid xi problema hemm mal-gvern jew aħjar mad-Dipartiment tal-Politika Soċjali li huma responsabbli li jħaddmu dan is-serivzz? Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont miftiehem u jekk l-upgrading neċessarju hux qed isir ħalli applikanti ġodda jingħataw dan is-servizz?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bħalissa l-abbonati tas-servizz tat-Telecare ilaħħqu 8,401 waqt li hemm 301 applikant ġdid. Fil-preżent il-Maltacom qed tiddiskuti l-possibilta' li żżid in-numru ta' abbonati minn massimu ta' 8,500 għal 9,000. Fil-fatt diġa' daret ordni għal 250 telefon tat-Telecare li mistennija jaslu Malta fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 9 PQ #38234 Sitting 858 2003-01-27 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Kwalita' tal-arja

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li r-riżultat tal-kwalita' tal-arja inkluż it-twaqqif ta' stazzjon mobbli biex jimmoniterja l-arja kollha huma ħerġin minn studji li saru mill-ex-Dipartiment tal-Ambjent u mhux mill-MEPA kif qed jiġi reklamat? Jista' il-Ministru jinfurmani x'kien l-involviment tad-direttur il-ġdid biex saru dawn l-istudji? Għaliex kemm ilu li sar il-merger mal-MEPA ir-riżultati tal-kwalita' tal-arja mill-istazzjon mobbli huma ħżiena għax kien hemm ħsarat serji li baqgħu ma ssewwewx? Ic-Chairman tal-MEPA u d-Direttur għal-ħarsien tal-Ambjent ħadu l-passi neċessarji bien jingħataw l-attrezzi meħtieġa u l-ħsara tissewwa u ma tibqax għal aktar minn 4 xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li peress li l-programm ta` monitoraġġ tal-kwalita` ta` l-arja huwa programm kontinwu ħlief f`xi studju partikolari, ir-riżultati li ħarġu u dawk li ħerġin issa saru sew mill-ex Dipartiment ta` l-Ambjent kif ukoll mill-MEPA. Id-direttur il-ġdid ta` l-Ambjent (nassumi li qed tirreferi għalih) impjenja ruħu biex jara li l-monitoraġġ isir kontinwament kif ukoll li r-riżultati ta` l-istudji jiġu kkomnikati lill-pubbliku hekk kif ir-riżultati ta` l-analiżi jkunu lesti. Il-ħsarat li kien hemm ġew imsewwija sew mill-istess uffiċjali tal-Pollution Control Unit u fejn dan ma kienx possibli, it-tiswijiet ġew riferuti lil kumpaniji speċjalizzati. Matul l-erba` xhur indikati mill-Onorevoli Interpellant il-programm ta` monitoraġġ bil-passive tubes xorta baqa` għaddej normali. Ic-Chairman tal-MEPA u d-Direttur għall-Ħarsien ta` l-Ambjent ħadu l-passi kollha neċessarji biex ma jkunx hemm waqfien fil-programm ta` monitoraġġ.
Leg 9 PQ #38235 Sitting 858 2003-01-27 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

EU standards — Livell taċ-Ċomb

Question

Id-Direttur ta' l-Ambjent tal-MEPA għadu kif ħabbar li f'ċerti lokalitajiet ta' Malta instab li l-livell taċ-ċomb fl-arja huma għola mill-EU standards mitluba fl-2005. Veru li l-istandards rikjesti japplikaw minn issa u li hemm margin of tollerance biss sal-2005? Veru li dawn l-istandards qegħdin f'regolamenti tal-MEPA li dawn diġa ġew fis-seħħ? Veru li dan l-istudju kien pilot study u ma jikkonformax la mad-direttiva tal-Unjoni Ewropea u lanqas mar-regolamenti tal-MEPA? Jekk il-MEPA ser tkompli żżid il-kampjuni tal-arja f'dan ir-rigward, ħareġ xi tender jew call for application biex isir it-tieni sett ta' kampjunament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li:- Ir-riżultati tal-livell taċ-ċomb fl-arja mħabbra riċentement mill-MEPA kienu riżultati preliminari biex jiġu identifikati lokalitajiet li qed ikollhom livell ta` ċomb għoli. Numru akbar ta` kampjuni ser jittieħdu fis-sitt xhur li ġejjin biex jiġi stabbilit jekk il-petrol bla ċomb introdott riċentement ikunx fattur determinanti fil-kwalita` ta` l-arja ta` dawn il-lokalitajiet. Il-margin of tolerance jagħtik ċans li tnaqqas l-emissjonijiet tiegħek sal-limit value sa l-ewwel ta` Jannar 2005. Ir-regolamenti ta` Malta għalkemm huma diġa` fis-seħħ jagħti ċans li nniżżlu l-livelli għolja li jista` jkun hemm sal-limit value tas-sena 2005. Il-programm ikopri tnax-il xahar ta` ġbir ta` kampjuni li bil-kompletament tiegħu jiddetermina il-konċentrazzjoni ta` ċomb fl-arja fid-diversi lokalitajiet. Il-kuntratt ingħata wara sejħa għall-applikazzjoni u jkopri ġbir ta` madwar 400 kampjun. Il-kuntratt kien ingħata biex jissodisfa l-ħtiġijiet tad-Direttiva rigward il-livelli taċ-ċomb fl-arja.

Tarzna — Assigurazzjoni

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tat-tarzna humiex inxurjati? Jista’ jgħid x’jiġri f’każ li persuna tweġġa waqt il-qadi ta’ dmirijietha fit-tarzna, u għall xiex intitulata u jista' jgħid ukoll jekk ħaddiem li jweġġa gravi fit-Tarzna għandhux dritt jara l-poloz ta’ sigurta’ jekk din teżisti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #38254 Sitting 858 2003-01-27 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bormla — Siġra tat-tin

Question

Jista’ il-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex siġra tat-tin fl-abitat fl-isqaq ta’ Triq San Ġużepp Bormla, tinqata’ għax qed timla lill-ġirien bid-dud u nemus?

Response (ZAMMIT, NINU)

Is-siġra tat-tin fl-isqaq ta' Triq San Ġużepp, Bormla, taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali ta' Bormla, u għalhekk dan l-ilment se jiġi mgħoddi lill-Kunsill biex jittieħdu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #38255 Sitting 858 2003-01-27 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Bormla — Għalqa mitluqa

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’ser isir minn dik il-biċċa art li hemm wara l-Kunsill Lokali ta’ Bormla peress li saret miżbla?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant fil-fatt mhix tal-Gvern.

Importazzjoni — Karozzi Second hand

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37284 u cioe' b'referenza għal-mistoqsija parlamentari numru 36990 jista' il-Minstru jgħid ta' liema ċilindraġġ kienu dawn il-karozzi kif ukoll ta' liema marka?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #38257 Sitting 858 2003-01-27 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċivil — Long leave

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk persuna impjegata maċ-Ċivil tistax tingħata long leave sabiex f’dan il-perjodu taħdem f’post ieħor?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Din is-sena, permezz tal-“Collective Agreement” għall-uffiċjali pubbliċi, għas-snin 2002 sa 2004, l-uffiċjali fis-skali 14 sa 20 ngħataw il-benefiċċju ta’ “leave” bla ħlas biex jippruvaw xogħol ieħor. Dan il-“leave” jista’ jittieħed għal perjodu minimu ta’ tlett xhur sa massimu ta’ tlett snin. Il-“leave” jingħata bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm bżonn ta’ sostitut għall-uffiċjal u ma jtellifx l-effiċjenza tad-Dipartiment. Dalwaqt toħroġ ċirkolari bid-direttivi dwar l-implementazzjoni ta’ dan il-benefiċċju.
Leg 9 PQ #38258 Sitting 858 2003-01-27 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Birgu — Arkata vakanti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk baqax xi arkata minn ta’ Xatt ir-Riżq Birgu vakanti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinħarġu għall-kiri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern hemm mina waħda li għad ma ġietx allokata. Qed isiru investigazzjonijiet neċessarji biex jiġi stabbilit jekk il-mina in kwistjoni għandhiex tinħareġ għall-kiri bl-offerti.