Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-istrutturi tal-ħarsien tal-wirt storiku biex ma tinqeridx il-binja tal-Palazz de Fremaux fiż-Żejtun li kien skedat bħala wirt arkitettoniku?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istrutturi konċernati taw il-pariri tagħhom lill-awtoritajiet konċernati kif kienu jipprovdu l-liġijiet.
Jista' l-Ministru jgħid liema bini ta' skejjel se jiġu wżati fil-programm ta' edukazzjoni fl-IT wara l-ħin ta' l-iskola? Kemm tfal se jkunu qed jattendu f'kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni b'kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali nieda żewġ proġetti li fihom ser jintużaw il-laboratorji tal-Kompjuters fl-iskejjel sekondarji wara il-ħin ta' l-iskola.
L-ewwel inizjattiva 'My Web' bdiet fit-22 ta' Jannar. Din l-inizjattiva hija mmirata għal adulti fil-komunita' biex jiġu mħarrġa fil-kompetenza tal-kompjuter.
Dawn huma l-iskejjel li se jkunu ċentri ta' taħriġ fil-komunita'.
1. Dun Ġużepp Zammit Brighella BJL - Ħamrun
2. Kan. Gian Franġisk Agius De Soldanis - Victoria, Gozo
3. Santa Tereża GJL - Mrieħel
4. St. Joseph BJL - Paola
5. Lily of the Valley GSS - Mosta
6. Ġużeppi Dispott BJL - Cospicua
7. Kan Pawl Pullicino GSS - Rabat
8. Mikiel Anton Vassalli BJL - Qormi
9. Carlo Diacono GJL - Żejtun
10. Margaret Mortimer GJL - St Lucia
11. Sir Adrian Dingli GJL - Pembroke
Informat ukoll li minn din is-sena ġie rivedut is-sillabu ta' l-ICT biex jagħti possiblita` lill-istudenti kollha jersqu għall-European Computer Driving Licence (ECDL). Dan ġie ntrodott mill-ewwel klassi ta' l-iskejjel sekondarji. Biex tingħata opportunita` lill-istudenti tal-Form 4 u Form 5 biex jersqu għal dan l-eżami qed jiġi ppjanat biex dawn l-istudenti jiġu offruti tletin siegħa ta' taħriġ addizzjonali wara l-ħin ta' l-iskola.
Għal din l-inizjattiva l-iskejjel sekondarji kollha se jkunu nvoluti.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel qed isiru laqgħat dwar l-Unjoni Ewropea wara l-ħin ta' l-iskola matul ix-xhur ta' Jannar u Frar 2003? Min qed jorganizza dawn il-laqgħat u min qed ikun mistieden għalihom? Min huma l-organizzazzjonijiet li qed iressqu l-fehmiet tagħhom f'dawn il-laqgħat?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa ma jirriżultax li qed isiru l-laqgħat imsemmija mill-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel primarji u sekondarji f'Malta u Għawdex mhux se jsiru elezzjonijiet għall-kunsilli skolastiċi għax ma kienx hemm kontestazzjoni għall-ħatriet?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-Domanda mhix ċara jekk l-Onor. hux jirreferi għall-elezzjoni tal-ġenituri jew ta' l-għalliema.
Infurmat li in-numru ta' elezzjonijiet mhux kontestati huwa dan:
Malta Għalliema Ġenituri
Primarja 46 17
Sekondarja 29 22
Għawdex
Primarja 10 8
Sekondarja 4 4
Skejjel Speċjali 4 5
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx numru ta’ għalliema fosthom ma l Institute of English Language Studies f’tas-Sliema li qegħdin fuq kuntratt defenit u dawn ilhom hekk għal aktar minn ħmistax il-sena? Għalkemm il-kuntratt ma jiġix iffirmat kull sena huwa mifhum li jiġi mġedded. Taħseb li dan huwa sewwa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Riċentement bis-saħħa tal-liġi ġdida dwar il-kundizzjonijiet tal-impieg, ħarġu regolamenti ġodda li jirregolaw impiegi fuq kuntratt għal terminu ta' żmien fiss. Il-provvedimenti ta' dawn ir-regolamenti jiġu nfurzati mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impieg.
Il-persuni konċernati għandhom jieħdu parir legali u/jew javviċinaw lid-dipartiment.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-għalliema fulltime fl-Institute of English Studies ta’ Triq Mattew Pulis f’ Tas-Sliema, li qed jiġu mpjegati regolarment fuq kuntratt defenit minn sena għal sena, u dan għal aktar minn ħmistax-il sena huwiex skond il-liġi? Xi protezzjoni għandhom dawn minn tkeċċija bla raġuni meta jintemm il-kuntratt kull sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 38298 f'din l-istess Seduta.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jara li, wara d-dħul fil-liġi tal-impjiegi fejn jidħol il-part time ma jibdewx isiru tnaqqis fis-sigħat biex b’hekk jiġi evitat li jitħallsu bonus, leave u benefiċċji oħra pro rata? X’passi ttieħdu s’issa sabiex jieqaf dan l-abbuż minn xi wħud?
Ma jaħsibx il-Ministru li għandu jiġi dikjarat li kull min jieqaf jaħdem għall ħmistax-il siegħa meta ħarġet din l-emenda fil-liġi ma jistax jitlef il-benefiċji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sakemm il-bdil fil-kundizzjonijiet ta' l-impieg isiru skond ma tippermetti l-liġi, dan ma jistgħax jiġi miżmum li jsir. F'dawk il-każijiet fejn ikun allegat li sar xi ksur tal-liġi, d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impieg jibgħat spetturi jinvestigaw u, fejn ikun hemm bżonn, jittieħdu l-passi kollha neċessarji skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hu l-prezz intern u estern tal-corned beef li ġie negozjat bejn il-Gvern u l-UE sabiex fuqu ħareġ l-istate aid temporanju mill-Gvern Malti ħalli wara sħubija ma jinħass il-prezz għoli ta' dan il-prodott?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 38140 waqt is-Seduta numru 856.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hu l-prezz intern u estern tar-ross li ġie negozjat bejn il-Gvern u l-UE sabiex fuqu ħareġ l-istate aid temporanju mill-Gvern Malti ħalli wara sħubija ma jinħass il-prezz għoli ta' dan il-prodott?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 38140 waqt is-Seduta numru 856.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37821 li riċentement saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u issa qed tiġi riferuta lilek u ċioe' tista' tara li jinxtegħlu r-reflectors fil-bozoz li hemm ftit 'l isfel mill-Pixkerija u ċioe' l-flood light li jixgħelu s-Swar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata fil-programm ta' manutenzjoni regolari li jsir tas-sistema tal-floodlights.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hu l-prezz intern u estern tal-ġobon cheddar li ġie negozjat bejn il-Gvern u l-UE sabiex fuqu ħareġ l-istate aid temporanju mill-Gvern Malti ħalli wara sħubija ma jinħass il-prezz għoli ta' dan il-prodott?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 38140 waqt is-Seduta numru 856.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hu l-prezz intern u estern tal-ġobon Edam li ġie negozjat bejn il-Gvern u l-UE sabiex fuqu ħareġ l-istate aid temporanju mill-Gvern Malti ħalli wara sħubija ma jinħass il-prezz għoli ta' dan il-prodott?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 38140 waqt is-Seduta numru 856.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex tneħħiet il-levy ta' xahar u nofs mill-EU minn fuq il-larinġ u daħlet għall-12-il xahar wara Mejju 2004 għall-importazzjoni ġejja minn Non EU countries?
Liema hu l-frott li wara s-sħubija ta' Malta fl-UE se jibqa' bil-levy meta importat minn Non EU countries?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 38123.
Kemm għandu jagħti l-Gvern għax-xiri tal-mediċina akkwistati tul is-sena 2002? Kemm hemm il-ħsieb li jsiru minn dawn il-ħlasijiet fis-sena 2003?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-nefqa totali fuq il-mediċina, surgical materials u prosthetic/orthotics matul is-sena 2002 kienet ta' Lm16,277,145.
Il-ħlas bħala regola jsir bi tliet xhur lura.
Infurmat ukoll li sa l-aħħar ta' Diċembru 2002, il-Gvern kellu jagħti s-somma ta' Lm6,845,613.88.
Huwa ppjanat li l-ammont dovut pendenti jitħallas kollu matul is-sena 2003.
Xi pjani hemm maħsuba għal taħriġ u edukazzjoni għaż-żgħażagħ diżabbli wara li jagħlqu s-16-il sena biex jitħejjew għax-xogħol u l-ħajja? X'iniżjattivi ttieħdu f' dan il-qasam fl-aħħar erba' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Meta hemm il-ħsieb li n-naħa taljana tapprova l-protokoll ma' Malta u tgħaddih mill-proċess kollu? Jirriżulta li hemm nuqqas ta' qbil fil-Kabinett tal-Gvern taljan dwar il-protokoll?
Response (BORG, JOE)
Jekk il-Protokoll li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Membru hu il-Ħames Protokoll Finanzjarju ffirmat bejn Malta u l-Italja fl-20 ta' Diċembru 2002, il-Gvern Malti qed isegwi mal-Gvern Taljan il-proċess meħtieġ minn naħa ta' l-Italja għar-ratifika ta' dan il-protokoll, liema ratifika hija mistennija li sseħħ fil-futur qarib.
Il-Gvern Malti ma jaf bl-ebda nuqqas ta' qbil fil-Kabinett tal-Gvern Taljan dwar il-Protokoll.
Eżamijiet tal-Junior Lyceum — Marki ta' l-istudenti
Question
X'bidliet sostanzjali se jkun hemm fl-eżamijiet tal-Junior Lyceum li se jinżamm fis-sena 2003? Kif se jiġu kkalkulati l-marki tal-istudenti kandidati tal-eżamijiet b'differenza mill-eżamijiet li ġew orġaniżżati s'issa, sena wara sena?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa qed isir xogħol ta' riċerka fuq kif jistgħu isiru l-bidliet bla skossi, b'mod validu u fl-aħjar vantaġġ għat-tfal. Id-Dipartiment tal-Kurrikulu mhux biss jagħti sentejn 'notice qabel xi bidla bħal din iżda ukoll iħarreġ l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri stess għall-bidla. Waqt li il-preparazzjoni għal dan it-tibdil se tibda għaddejja permezz ta' program pilota f'numru ta' skejjel primarji żgur li jkun prematur li wieħed jagħmel xi bidliet sostanzjali minn din is-sena.
Kemm hemm Junior Lyceums tal-bniet u subien li bħalissa jew matul din is-sena skolastika se jispiċċaw bla kap? Xi pjani hemm biex jilħqu persuni oħra flok dawk li jispiċċaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li ser jispiċċaw żewġ kapijiet ta' l-iskola. L-interview ta' wieħed minnhom diġa sar u r-riżultat hu magħruf.
Meta kap ta' skola li jkun fiha aktar minn 500 student jasal biex jispiċċa, toħroġ sejħa interna fost il-kapijiet li huma diġa' fil-post. L-għażla tal-kap il-ġdid tkun minn din is-sejħa.
Kemm hemm persuni li applikaw għall-warrant ta' għalliema u qed jistennew li jingħataw dan il-warrant, minħabba li d-dewmien tal-għoti ta' warrant qed jikkaġuna tbatijiet għall-persuni li qed jitħallew jistennew b'detriment għal kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li matul is-sena li g[addiet, il-Board iltaqa' 33 darba u għadda tliet mija u tlieta u tmenin warrant permanenti, mija u għoxrin warrant temporanju, u ġedded mitejn disgħa u ħamsin warrant temporanju.
Bħalissa hemm pendenti disgħa u ħamsin applikazzjoni għall-warrant permanenti u wieħed u erbgħin applikazzjoni għall-warrant temporanju.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 38093 u cioe' jgħid x'inhi l-policy tal-gvern dwar private adoptions tat-tfal?
Kemm hu n-numru ta' talbiet għal private adoptions pendenti?
Kemm saru private adoptions matul dawn l-aħħar erba' snin kull sena separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Adozzjoni privata ssir minn koppja jew individwu eliġibbli skond il-Liġi Maltija dwar Adozzjoni b'rikors fis-Sekond'Awla. Mar-rikors jiġu ppreżentati ċertifikati u dokumenti tal-applikanti kif ukoll kunsens tal-ġenituri tal-minuri li jkun ser jiġi adottat. Skond l-Artiklu 116 (2) Cap. 16 tal-Kodiċi Civili, d-Direttur tal-Ħarsien tal-Familja jiġi nfurmat dwar l-adozzjoni mill-Avukat li jressaq ir-Rikors.
Fid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Familja hemm 4 talbiet pendenti t'adozzjonijiet privati li qed isir xogħol fuqhom.
Mill-1998 sal-2001 saru 61 adozzjonijiet privati. Minn dawn 15 saru fl-1998, 17 fl-1999, 14 fl-2000 u 15 fl-2001.