Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Konferenza internazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jgħaddi lill-Kamra kopja tad-diskors tiegħu li għamel f'Minneapolis, USA fl-okkażjoni tal-konferenza internazzjonali li saret hemm u organizzata mill-ITU?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant l dan id-diskors gie ppubblikat mid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni fid- 19
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu l-Gvern dwar il-Forum għall-ekonomija aħjar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Forum għall-Ekonomija Aħjar nbena madwar il-kunċett ta` parteċipazzjoni aktar wiesa fejn jidħol l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta` Malta, kunċett li kien diġa ġie ntrodott f`pajjiżna fl-1989 permezz tat-twaqqif tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku (MCED).
Mal-MCED kien żdied l-'Advisory Council' li jidher li l-iskop tiegħu kien laħqu permezz tal-pubblikazzjoni tal-'White Paper Value 2000'. Dwar il-konklużjonijiet inklużi f`din il-'White Paper'għad hemm ir-riżervi.
Ninsab infurmat li l-għanijiet, il-funzjonijiet u l-istrutturi tal-Forum għadhom fi stat ta` transizzjoni u żvilupp. Għalhekk, għalkemm naqblu fil-prinċipju ma dan il-kunċett, għad irridu naraw x`tifsila se nagħtu lil Forum għal Ekonomija Aħjar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ittieħdux passi dixxiplinarji kontra dawk il-pulizija li b'għemilhom urew li kienu ħallew il-passjoni politika tiġri bihom waqt li kienu on duty fil-jiem ta' wara l-elezzjoni ġenerali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija
tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma dak li ġie rrapportat li qal is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħu lill-ġurnal lokali li ma kienx hemm livell sodisfaċenti fost dawk li applikaw għall-karigi ta' direttur taħt l-amministrazzjoni Laburista? Jista' jikkonferma li flok issir l-għażla fost dawk l-applikanti se ssir sejħa għall-applikazzjoni mill-ġdid? X'inhu l-pass li jmiss?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infumat li s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju
tiegħi kien għamel referenza għal aktar minn raġuni waħda
li mħabba fihom ma mtlewx il-vakanzi.
Meta l-istruttura ta' postijiet fit-Top Management
Structure tiġi riveduta biex tirrifletti l-ħtiġijiet tal-
Ministeri tal-lum, jittieħdu passi, bħal ma sar fl-
imgħoddi, sabiex il-vakanzi jimtlew.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien is-sehem tad-delegazzjoni Maltija fil-laqgħa tal-Ministri tal-Commonwealth li għadha kif saret fil-Kanada kif ukoll fil-laqgħa tal-Fond Monetarju Internazzjonali li saret f'Washington? Jista' jagħti dettalji dwar il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni Maltija kif ukoll dwar it-taħdidiet bilaterali li saru? X'kienet ir-raġuni li d-DOI ma ta ebda tagħrif dwar sehem Malta f'dawn il-laqgħat importanti?
Response (DALLI, JOHN)
Barra mill-attendenza għall-laqgħat ġenerali tal-Fond Monetarju\Bank Dinji d-delegazzjoni ħadet sehem fil-laqgħa tal-Interim Committee tal-Fond Monetarju Internazzjonali u numru ta` seminars u konferenzi oħra organizzati minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u anki minn Banek u kumpaniji. Bħas-soltu pprezentajt diskors addattat għal-dawn il-laqgħat. Saru numru ta` laqgħat bilaterali ma` Banek, Security Printers u aġenziji internazzjonali ta` `Credit Rating`.
Saru wkoll numru ta` laqgħat ma` uffiċċjali għolja fosthom mal-Executive Directors kemm tal-Fond Monetarju Internazzjonali kif ukoll tal-Bank Dinji. Is-suġġetti li ġew diskussi kienu varji u jinkludu assistenza teknika, u titjib fir-relazzjonijiet bejn Malta u dawn l-istituzzjonijiet. Laqgħat oħra ta` natura teknika ħafna bħal titjib ta` rappurtaġġ statistiku, titjib fis-swieq tal-flus u kapital f`Malta u suġġetti oħra kienu miżmuma ma` diversi dipartimenti tal-Fond Monetarju u l-Bank Dinji.
Id-delegazzjonijiet li attendew il-Commonwealth Finance Ministers` Meeting u tal-Fond Monetarju Internazzjonali kienu ffurmati hekk:
Il-Commonwealth Finance Ministers` Meeting -
Is-Sur J Portelli,
Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi
Il-Fond Monetarju Internazzjonali -
Il-Ministru John Dalli
Is-Sur Emmanuel Ellul, Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali
Is-Sur Peter Baldacchino, Direttur tal-Bank Ċentrali
Profs. Edward Scicluna, Direttur tal-Bank Ċentrali u
Is-Sur Alfred Demarco, Deputy General Manager tal-Bank Ċentrali.
Id-delegazzjonijiet wettqu x-xogħol kollu li soltu jagħmlu delegazzjonijiet f`okkażjonijiet simili filwaqt li komplew isaħħu l-kuntatti li għandu l-Gvern ma` pajjiżi oħra u istituzzjonijiet bankarji.
Ir-raguni li d-DOI ma ta` ebda tagħrif dwar dawn il-laqgħat hi li ħassejt li dawn kienu laqgħat ta` rutina.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-trattattivi mal-Perit Dom Mintoff dwar kumpens għall-bini ta' Power Station qrib ir-residenza privata tiegħu f'Delimara? X'kienet l-aħħar offerta tal-Gvern? Fuq liema livell qed isiru n-negozjati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant jieħu pjaċir jinnota illi t-trattativi mal-Perit Dom Mintoff għar-rigward tal-kumpens indikat qed jitmexxew skond il-'letter of intent' maħruġa fuq dan is-suġġett mill-Gvern preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-konklużjonijiet preliminari ta' l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta dwar il-proposta ta' Simonds Farsons Cisk (SFC) u l-Marsovin għall-merger bejniethom?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta għamel diversi laqgħat kemm ma' l-intrapriżi involuti f'dan il-'merger' kif wkoll m'intrapriżi oħra li joperaw fis-suq relevanti u li setgħu jiġu affetwati minn dan il-'merger'.
Inġabret ħafna nformazzjoni u sar studju dettaljat biex jiġi stabbilit kemm fil-fatt dan il-'merger' se jaffetwa l-kompetizzjoni fis-suq lokali kemm fiċ-ċirkostanzi preżenti meta s-suq hu protett kif ukoll meta titneħħa l-protezzjoni fuq il-prodotti involuti f'dan il-'merger'.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex Triq l-Imdina, Ħal Qormi jkollha l-faċilitajiet meħtieġa biex il-pedestrians ikunu f'qagħda li jaqsmu t-triq mingħajr periklu peress li din it-triq hija arterja ewlenija għat-traffiku u hija kważi impossibli fil-peak hours biex taqsam min-naħa għall-oħra bil-konsegwenza li l-periklu huwa kbir u sfortunatament diġa' seħħew inċidenti fatali minħabba n-nuqqas ta' dawn il-faċilitajiet meħtieġa u għalhekk jinħtieġ li din it-triq tingħata priorita' biex jitnaqqas ir-riskju ta' aktar inċidenti serji?
Response (GALEA, ĊENSU)
Hu mahsub li bhala parti mix-xogħol li ser isehh fit-Triq imsemmija, jkun hemm ukoll pedestrian crossing.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-manutenzjoni tal-blokki tal-flats tal-Gvern fil-Housing Estate f'Ta' Farsina, Ħal Qormi, peress li ħafna minn dawn il-flats ibatu minn nuqqas ta' pressa ta' l-ilma minħabba sistema antika u f'xi wħud mill-blokki tal-flats hemm ħtieġa wkoll ta' manutenzjoni ġenerali fuq aperturi eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għandi ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-bdil tal-kanen ta' l-ilma huwa r-responsabbilta' ta' l-inkwilini skond il-policy approvata dwar tiswijiet. Ngħarrfek ukoll li inkwilini li jaqilgħu inqas minn Lm2,600 fis-sena jistgħu jibbenefikaw minn sussidju sal-valur ta' Lm500 għal dat-tip ta' tiswijiet kif ukoll xogħol ieħor bħat-tiswija ta' aperturi indikata fl-istess mistoqsija. Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar f'dan il-Ministeru jagħmel xogħolijiet ta' manutenzjoni f'partijiet komuni u jsewwi strutturi perikolużi bħal soqfa u ħitan.'
2.11.98
Peress li Triq San Ġwakkin f'Ħal Qormi ilha għal snin kbar fi stat diżastruż b'konsegwenza li jeżisti periklu serju kemm għan-nies kif ukoll għall-proprjeta' tar-residenti li jgħixu fiha u peress li fl-aħħar tal-Leġislatura l-oħra kienu ġew iffinalizzati l-proċeduri kollha meħtieġa biex ix-xogħol fuq it-triq jinbeda imma sal-lum dan ix-xogħol għadu ma ġiex mibdi, minkejja li anke l-allokazzjoni finanzjarja kienet saret, jista' l-Ministru jgħid jekk waqafx ix-xogħol fuq din it-triq u jekk le meta se jibda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Wiehed jassumi li x-xogħol li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa dak tat-twessiegħ ta` parti minn din it-triq . L-art necessarja għat-twessiegħ ser tiġi akkwistata skond id-dikjarazzjoni tal-President numru 679 kif ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tas-7 ta` Settembru, 1998. Issa li dawn il-proceduri tlestew id-Dipartiment tat-Toroq ser jara kif iwettaq dan ix-xoghol.
Peress li ċerti tfal bi bżonnijiet speċjali li jattendu fl-iskejjel ta' l-istat jinħtieġu affarijiet materjali verament żgħar biex il-ħajja edukattiva tagħhom tkun aktar indipendenti, jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni biex jaqdi dawn il-ħteġijiet? X'qiegħed jagħmel id-Dipartiment biex joħloq kuxjenza umana akbar fost l-istaff u l-kapijiet ta' l-iskejjel? X'qiegħed jagħmel id-Dipartiment biex joħloq kuxjenza t'appoġġ akbar fost it-tfal lejn dawn ħuthom bi bżonnijiet speċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dawn l-aħħar snin, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni introduciet sistema li permezz tagħha l-iskejjel jaħsbu biex jixtru huma stess mill-fondi pprovduti lilhom għal infieq ta' natura kapitali u rikorrenti (materials and supplies).
B'dan il-mod, il-ħtiġijiet ta' l-iskejjel tagħna u ta' l-istudenti tagħhom jintlaħqu aħjar.
Irid jingħad ukoll li l-iskejjel qegħdin jaħsbu u jippreżentaw pjan ta' tliet snin biex ikun hemm żvilupp aħjar.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hija impenjata fl-introduzzjoni ta' l-edukazzjoni inklussiva, sistema li tikkontribwixxi bis-sħiħ għat-tkattir ta' kuxjenza umana fost l-istaff u l-kapijiet ta' l-iskejjel, fost oħrajn.
Permezz ukoll ta' l-edukazzjoni inklussiva qed tiġi kkultivata kuxjenza ta' appoġġ fost it-tfal lejn ħuthom bi bżonnijiet speċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni huwiex se jibgħat din is-sena Parapathetic teacher fl-iskola primarja ta' l-Isla?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li mill-bidu ta' din is-sena l-Iskola Primarja ta' l-Isla qiegħed ikollha s-servizz kollu pprovdut mill-'Peripatetic Teachers' tad-Dipartiment tal-Kurrikulu. Dan huwa servizz mogħti mill-għalliema għall-Complementary Education, Art, Music, P.E., Drama, Science and IT.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se tibbenefika mill-miżura dwar il-pensjonijiet tas-Servizzi?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru għall-Politika Soċjali.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni wara l-ammont esaġerat tal-kera tal-post okkupat mill-persuna, li d-dettalji tagħha qed nibgħathom separatament, u wara li din il-persuna ilha tgħix f'dan l-appartament ma' ommha li issa ilha mejta għal aktar minn 20 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi għall-każ imsemmi fil-mistoqsija, il-kera ġiet maħduma skond l-Avviż 202 tat-13 ta' Marzu 1987 li jirregola l-kirjiet ta' rikonoxximenti.
2.11.98
Jista' l-Ministru jara li x-xogħol li kien inbeda xhur ilu u li issa jidher li waqaf fuq il-ground li hemm quddiem l-iskola Primarja ta' Bormla jkun jista' jitkompla sabiex jitgawda mit-tfal ta' l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni inkarigat lid-Dipartiment tas-Servizzi u Manutenzjoni tat-Taqsima tax-Xogħlijiet biex jagħmel ix-xogħol ta' fencing madwar il-ground. Dan wara li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kienet ħarġet sejħa għall-offerti aktar kmieni din is-sena u li għaliha daħlu tliet offerti li kienu kważi d-doppju ta' l-istima tax-xogħol. Wara li jitlesta x-xogħol tal-fencing jinżebgħu l-art tat-tarmac u l-ħajt ta' madwaru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq il-Mina ta' Għajn Dwieli li kien inbeda xhur ilu huwiex se jitkompla?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat lli l-progett ta` hdejn Għajn Dwieli qed jitwettaq mill-Cottonera Rehabilitation Committee, u għalhekk l-Onor. Interpellant mitlub jagħmel il-mistoqsija tieghu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa dwar l-erba' appartamenti li nbnew snin ilu fl-area tal-HOS, Sur Sta Liena, Bormla u li tħallew fi stat ta' ġebel u saqaf u qed isiru wkoll bħala lok għall-abbużi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar għada kif irċeviet il-permessi meħtieġa mingħand l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex isiru xi alterazzjonijiet fil-bini eżistenti. Għalhekk, issa qegħdin isiru l-preparamenti għall-ħruġ ta' tender għal dawn ix-xogħolijiet.
2.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'dejn għandha l-Marsa Racing Club? Kif inhu maqsum u ta' xiex huwa dovut? Meta ġie kkuntrattat? Xi pjani għandu l-kumitat il-ġdid ta' tmexxija biex iħallas lura dan id-dejn? Għandu xi programm ta' pagamenti għall-kredituri tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Interpellant jaf tajjeb x'inhi l-qagħda finanzjarja tal-Marsa Racing Club għax hu stess kien għamel stqarrija f'dan ir-rigward.
Kien il-Gvern Laburista fl-1981 li tefa' l-piż ta' l-ispiża kapitali li saret biex inbniet il-korsa fuq il-Marsa Racing Club. Din l-ispiża kienet tammonta għal Lm105,000. Din is-somma kellha tiġi mħallsa lura bir-rata ta' Lm10,000 fis-sena.
Ninsab informat li filwaqt li f' Ġunju 1997 il-Club kellu overdraft ta' Lm27,000, dan tela' għal Lm63,500 f'Ġunju 1998 u kien l-istess Onor. Interpellant li għamel żewġ għotjiet ta' Lm15,000 u Lm25,000 biex jitnaqqas dan l-overdraft.
Hemm xi djun oħra li mill-1996 żdiedu minn Lm16,000 għal Lm37,000 sa Ġunju 1998. Matul l-1997 dan l-istess Kumitat għamel spejjeż kapitali li jammontaw għal Lm51,000 u li minnhom tħallsu biss Lm18,000.
Barra dan hemm ukoll kontijiet maħruġa mid-Dipartiment tal-VAT li jammontaw għal madwar Lm100,000 u li huma diskutibbli. Dawn il-kontijiet il-Club irċevihom matul l-1997 u jidher li dak iż-żmien ma kienu ttieħdu ebda passi dwarhom. Dawn il-kontijiet qed jiġu mistħarrġa mill-Awdituri.
Irrid insemmi wkoll li filwaqt li din is-sena l-ispiża biex saret il-manutenzjoni fuq it-track kienet ta' Lm6,500, dik tas-sena l-oħra ammontat għal Lm35,000.