Legislature:
Category:
Reset
Active:

Visas

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk hux possibbli li persuna Maltija li tkun sejra l-Awstralja għal perijodu ta' madwar sitt xhur tingħata visa għal working holiday?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Skond ftehim li ġie ffirmat bejn Malta u l-Awstralja fil-31 ta' Lulju 1995, kull ċittadin Malti jista' japplika ghal working holiday visa, valida sa mhux aktar minn sena. Jista' japplika kull ċittadin Malti bejn it-18 u l-25 sena u f'każi speċifiċi anke sa 30 sena, basta mhux akkompanjati minn tfal dipendenti. L-applikazzjonijiet għal dan it-tip ta'visa jistghu jintlaqgħu fl-uffiċji tal-Kummissjoni Għolja Awstraljana f' Malta.

Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jiġu mpjegati dawk l-istudenti li temmew b'suċċess kors ta' tliet snin f'Holticulture/Agriculture u li kienu ssussidjati mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura?

Response (ZAMMIT, NINU)

Meta sar l-`agreement` ma` l-istudenti ta` l-`Extended Skill Training Scheme` u tat-`Technician Apprentice Scheme` dawn ma` ġewx mogħtija garanzija li jiġu mpjegati mad-Dipartiment. Jekk il-quddiem joħorġu applikazzjonijiet għal `Farmers` jew `Gardeners` jew `Agriculture Technicians` minn barra d-Dipartiment, l-istudenti li jkunu temmew b`suċċess il-kors tagħhom ikunu f`pozizzjoni vantaġġuża li jiksbu dawn l-impjiegi.
Leg 9 PQ #149 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Casual Instructors

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġgħu joħorġu call for applications għal casual instructors? Jekk iva, meta u f'liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li m'hemmx ħsieb li tinħareġ għalissa sejħa għall-applikazzjonijiet għal casual instructors.
Leg 9 PQ #152 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Spetturi

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi sabiex jiġi maħtur Spettur tal-Pulizija għal Ħaż-Żebbuġ u għas-Siġġiewi? Jista' jara li jiġi maħtur district superintendent għad-distrett li jikkonsisti f'Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi ilhom għal din l-aħħar sena jkunu koperti mill-ispettur stazzjonat Ħal Qormi, filwaqt li d-Distrett li jinkludi Ħal Qormi, Ħaż Żebbuġ u s-Siġġiewi ilu mill-bidu ta' Lulju li għadda jiġi kopert mis-Supretendent stazzjonat il-Belt. Il-postijiet vakanti jkunu mimlija meta jippermettu ċ-ċirkostanzi. 02.11.98
Leg 9 PQ #153 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Hold-ups

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru hold-ups, snatch and grap, u/jew serq bi vjolenza mill-1 ta' Settembru, 1998 sal-lum? X'kien il-valur irrapportat tas-serqiet individwalment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Settembru 1998, u l-25 ta' Ottubru 1998, ġew irrapurtati lill-Pulizija 10 'hold-ups' li minnhom wieħed irriżulta li kien rapport falz, biex b'hekk iċ-ċifra reali hi ta' disa (9) każijiet. L-ammonti/oġġetti nvoluti kienu Lm4000, Lm212, Lm650, Lm3200, 'rifle', Lm20, Lm120 u apparat eletroniku b'valur ta' Lm350, Lm120 u b'valur ta' Lm15 tabakk u Lm600. Kien hemm rapport ieħor ta' tentattiv ta' 'hold-up' li fih ma nsteraq xejn. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu ġew rappurtati lill-Pulizija 63 każ ta' 'snatch and grab'. Ma nħossx li għandha tingħata l-informazzjoni dwar il-valur ta' dawn il-każijiet fuq bażi ndividwali għax dan jista' jkun ta' dannu għal vittmi ta' dawn ir-reati. Jekk l-Onor. Interpellant jinsisti, jien lest li ngħaddilhu l-informazzjoni b'mod kunfidenzjali. 02.11.98
Leg 9 PQ #154 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Road blocks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba saru road blocks mill-Pulizija u/jew il-Forzi Armati ta' Malta mill-1 ta' Settembru, 1998 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Settembru, 1998, u s-26 ta' Ottubru, 1998, in-numru ta' 'roadblocks' li għamlu l-Pulizija kien ta' 387. Għal dak li għandu x'jaqsam mall-Forzi Armati ta' Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħaddi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat. 02.11.98
Leg 9 PQ #155 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Qbid ta' droga

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm inqabdet droga mill-forzi ta' l-ordni xahar b'xahar din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 02.11.98
Leg 9 PQ #156 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm priġunieri sentenzjati fil-Ħabs ta' Kordin u kemm minnhom ibbenefikaw b'xi mod mill-amnestija u maħfra presidenzjali li ngħatat fl-okkażjoni tal-bidla fil-Gvern?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fis-27 ta' Ottubru 1998 in-numru ta' priġunieri sentenzjati kien ta' 171. Dwar it-tieni parti tad-domanda, ninforma lill-Onorevoli Membru li jekk għal bidla fil-Gvern qed jirreferi għal dik li seħħet fl-1998 ma ngħatat l-ebda maħfra presidenzjali lill-priġunieri. Jekk, kif donnu jidher li hu l-każ, l-Onorevoli Membru qed jirreferi għall-bidla fil-Gvern li seħħet fl-1996, ninfurmah li kienet ngħatat maħfra mill-Gvern Laburista fil-12 ta' Diċembru, 1996, li bbenifikaw minnha 80 priġunier, fosthom persuni li serqu u qatlu mara anzjana. 02.11.98
Leg 9 PQ #157 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċentru ta' l-Arbitraġġ — Bord tal-Gvernaturi

Question

Billi l-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ kien qiegħed jippjana sabiex iċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ jiġi alloġġjat ġewwa Palazzo Verdelin, il-Belt, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan għadux possibbli in vista tat-trasferiment tal-Ministeru tal-Ġustizzja mill-House of Catalunya għall-Palazzo Verdelin? Jekk le, jista' l-Prim Ministru jgħid fejn se jiġi alloġġjat iċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li billi issa Palazzo Verdelin qed jintuża kollu kemm hu mill-istaff li kien hemm fil- Ministeru tal-Ġustizzja, m'għadux possibbli li fih jiġi alloġġjat iċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ. Dak iċ-Ċentru issa se jkun alloġġjat kif kien oriġinarjament ippjanat, jiġifieri f'numru 33, Triq Nofsinhar, Valletta.
Leg 9 PQ #166 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mġarr (Malta) - Estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għadu ma bediex ix-xogħol fuq l-estensjoni ta' l-iskola primarja ta' l-Imġarr (Malta) meta kien hemm kollox lest biex dan ix-xogħol jibda?

Response (GALEA, LOUIS)

Hemm investigazzjoni mis-sidien ta' l-art li qed tiġi trattata mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Tajt struzzjonijiet biex il-kwestjoni tiġi trattata b'urġenza skond il-liġijiet ta' pajjiżna.
Leg 9 PQ #167 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mġarr (Malta) - Estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' estensjoni fuq l-iskola primarja ta' l-Imġarr (Malta)?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru 166.
Leg 9 PQ #168 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal bi bżonnijiet speċjali fl-eta' ta' bejn 3 u 16-il sena li mhux qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom regolari f'xi skola? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li dawn it-tfal mhux qed jieħdu edukazzjoni regolari f'xi skola?

Response (GALEA, LOUIS)

In-numru ta' tfal bi bżonnijiet speċjali bejn 3 u 16 il-sena li mhux qed jieħdu edukazzjoni tagħhom regolari f'xi skola huma 22. Uħud minn dawn qed jistennew li jiġu ċertifikati mill-iStatementing Board. Oħrajn kellhom numru ta' Kindergarten Assistants li irriżenjaw u ma kienx possibli li jiġu sostitwiti. Nirreferi wkoll għal tweġibiet oħra mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari fuq l-istess suġġett.
Leg 9 PQ #169 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni Inklussiva — Kumitat Ministerjali

Question

Matul Settembru u fl-ewwel tliet ġimgħat ta' Ottubru, jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva? Min hemm fuq dan il-kumitat?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Kumitat imsemmi għadu kompost kif kien qabel l-Elezzjoni tal-5 ta' Settembru 1998. Fil-perjodu imsemmi ġejt informat li l-Kumitat ma ltaqax. Qed isiru laqgħat bejni u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Disabilita' għad-deċiżjonijiet meħtieġa f'dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #170 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Statementing Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tfal ġew assessjati mill-iStatementing Board li twaqqaf biex jeżamina studenti bi bżonnijiet speċjali? X'deċiżjonijiet ittieħdu dwar it-tfal assessjati? Hemm tfal li qed jistennew li jidhru quddiem dan il-bord?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li l-Istatementing Board li twaqqaf biex jagħti rakkomandazzjoni lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar talbiet għal facilitators għal studenti bi bżonnijiet speċjali beda jeżamina 106 talba minn ġenituri li t-tfal tagħhom jattendu l-iskejjel statali jew l-iskejjel tal-Knisja biex dawn ikollhom l-għajnuna ta' facilitator. Saret rakkomandazzjoni dwar 61 każ u għadu għaddej l-istħarriġ dwar il-45 każi l-oħrajn. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu jvarjaw bejn: - full-time facilitator - shared facilitator - full-time classroom support person - shared classroom support person - għajnuna ta' remedial teacher - għajnuna ta' peripatetic teacher - għajnuna minn Kindergarten Assistant (Special Needs) - ma għandu bżonn ebda għajnuna Sadattant, il-Board irċieva 62 talba ġdida li dalwaqt jibda l-proċess fuqhom. Is-sitwazzjoni qiegħda tiġi wkoll mistħarrġa mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Disabilita'.
Leg 9 PQ #171 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior Lyceums - Għalliema neqsin

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema suġġetti hemm nieqsa għalliema għall-iskejjel sekondarji u Junior Lyceums? Kemm hemm klassijiet fil-qasam sekondarju li għadhom bla għalliema f'dawn is-suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li fl-iskejjel Sekondarji u Junior Lyceums hemm vakanzi fis-suġġetti li se nsemmi: Computing 51 lezzjoni Fizika 29 lezzjoni Mużika 8 lezzjonijiet Ġografija 6 lezzjonijiet Studji Soċjali 39 lezzjoni Art/Craft 77 lezzjoni Home Economics 20 lezzjoni Spanjol 4 lezzjonijiet

Power Station — Marsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-amministrazzjoni preżenti għandix l-ħsieb li l-Power Station tal-Marsa tingħalaq? Jekk iva, x'inhu t-time frame ta' din id-deċiżjoni? Jekk le, x'inhuma l-ħsibijiet jew pjanijiet tal-gvern dwar il-futur tal-Power Station tal-Marsa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Diġa hemm ħsieb li fil-futur, il-Power Station ta` Delimara tibda tiġġenera aktar kurrent elettriku minn dik tal-Marsa. Madankollu jidher li l-Power Station tal-Marsa trid tibqa titħaddem anke jekk b`kapaċita ħafna nqas.

Enerġija — Użu/produzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma t-targets jew viżjonijiet tal-Gvern dwar l-użu u l-produzzjoni ta' l-enerġija f'dan il-pajjiż?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-targets dwar il-produzzjoni tal-enerġija huma:- 1. Li jiġi pprovdut servizz kontinwu u li jissodisfa dak li jistenna l-konsumatur. 2. Li d-Diviżjoni tal-Elettriku tal-Enemalta tkun kummerċjalment vijabbli fil-kwadru tal-obbligi soċjali li għandha. 3. Li jittejbu l-istandards ta` sigurta. 4. Li l-livelli ta` tinġiz jitnaqqsu u jersqu lejn standards Ewropej. 5. Li jitwaqqaf qafas biex jiġu nkoraġġuti inizjattivi li jutilizzaw sorsi alternattivi ta` enerġija.

Power Stations — Marsa/Delimara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-potenzjal tal-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika fiż-żewġ power stations eżistenti? X'inhu l-ħsieb tal-gvern u x'projections għandu dwar kemm dan il-potenzjal huwa biżżejjed għall-pajjiżna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kapaċita nominali tal-impjant tal-power stations hu: Marsa 272MW Delimara 195MW Ma dawn irid jiżdied il-'Combined Cycle Gas Turbine' f`Delimara, b`kapaċita ta` 110MW. Ta` min jgħid li l-kapaċita attwali tal-impjant hi anqas minhekk minħabba:- * impjant wieqaf għall-'overhaul' u manutenzjoni * ħsarat * impjant jaħdem b`inqas mill-kapaċita nominali, bħall-impjant qadim jew li jkun wasal għall-'overhaul' * problemi ta` 'interfacing', li ma jippermettux l-impjant kollu jaħdem f`daqqa Huwa mportanti għall-kontinwita tal-provvista li jkun hemm 'spare capacity' adekwata. Ir-rata taż-żieda fid-domanda naqset f`dawn l-aħħar snin iżda jrid isir provediment biex l-impjant qadim jiġi 'phased out'.

Enerġija elettrika — Użu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju dwar kif inhu mqassam l-użu ta' l-enerġija elettrika fis-settur domestiku, industrijali u kummerċjali rispettivament? X'kienu r-riżultati ta' dan l-istudju ġdid li sar? Meta sar? Minn min sar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent l-Enemalta qed tagħmel studju ma ditta Franċiża, bħala parti minn programm kummissjonat mill-Unjoni Ewropeja, biex fost affarijiet oħra jiġi stabbilit kif inhu mqassam l-użu tal-enerġija elettrika fis-settur domestiku, industrijali u kummerċjali kif ukoll ikunu jistgħu jiġu estrapolati dettalji aktar speċifiki f`dan ir-rigward. Dan l-istudju għadu ma ġiex finalizzat.

Enerġija elettrika — Użu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi forma ta' studju dwar kif inhu mqassam l-użu ta' l-enerġija elettrika fil-qasam domestiku skond id-diversi bżonnijiet li jkun hemm, eżempju tisħin ta' ilma, fran domestiċi, dwal, arja kondizzjonata, tisħin tad-djar fix-xitwa, eċċ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru għar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 188.