Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa li saret sabiex is-segretarjat tal-ministru u s-segretarju parlamentari u l-Ministeru ta' l-Intern iġorru għal Casa Leone?
Response (BORG, TONIO)
L-ispiża sabiex il-Ministeru ta' l-Intern, is-Segretarjat tal-Ministru, s-Segretarjat Parlamentari u s-Segretarju Permanenti jġorru mill-'House of the Four Winds' għal 'Casa Leoni', St. Venera kienet tammonta għall-Lm460.
Din l-operazzjoni kellha ssir minħabba li l-post fil-'Four Winds' kien żgħir wisq biex jakkomoda l-Ministeru, is-Segretarjat Parlamentari u s-Segretarjat Permanenti.
02.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa li saret biex sar it-trasferiment tas-segretarjat u l-Ministeru tas-Saħħa minn Casa Leone għal Palazzo Castellania?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-nefqa li saret biex sar it-trasferiment tas-Segretarjat u l-Ministeru tas-Saħħa minn Casa Leoni għal Palazzo Castellania kienet ta'Lm750.
Billi tħabbar pubblikament li mhux se jkun hemm bżonn ta' sular ieħor fl-Isptar il-Ġdid f'Tal-Qroqq, jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-bed space area, min kienu l-konsulenti li tawh dan il-parir, kemm se jkun hemm sodod fl-isptar Tal-Qroqq bħala in-patients u day beds rispettivament?
Ladarba kien hemm din l-istqarrija, jista' l-Ministru jpoġġi r-rapport u d-disinji li juru li m'hemmx bżonn sular ieħor, fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fir-rapport 'Development Strategies Issue One' presentat f'Awissu 1998, il-konsulenti tad-disinji i.e. 'Norman and Dawbarn Ltd.' akkomodaw il-bżonnijiet kollha tal-'Medical Brief', inkluż in-numru ta' sodod, mingħajr il-bżonn ta' sular ieħor.
Id-disinji għadhom għaddejjin mill-proċess ta' evolviment u għaldaqstant m'humiex finali.
N.B. B'sular ieħor hu mifhum sular fuq Block D.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu fuq każ ta' traskuraġni li kien irrapportat mill-uffiċċju tiegħu, dakinhar stess, fit-3 ta' Settembru, 1998, fuq moħqrija ta' anzjani minn numru ta' care workers fil-Mosta Home?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar dan 'il-każ ta' allegat traskuraġni irrappurtat fit-3 ta' Settembru, 1998' - ma jirriżultax li kien hemm l-ebda moħqrija fuq anzjani minn-naħa tal-Care Workers fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Mosta. Skond ir-rapport li għamel l-Officer i/c Home, in-Nursing Aide kienet bil-leave u ghalhekk ċertu xogħol kellu jsir minn Care Workers. Billi dak in-nhar l-quddiesa bdiet tliet kwarti tard mis-soltu u billi dawn il-Care Workers riedu wkoll iqassmu l-ikel, dan ix-xogħol li kien jikkonsisti f'tibdil tal-ħrieqi, sar siegħa tard.
Nista nassigura lill-Onor. interpellant li f'dawn l-aħħar ġranet ittieħdu u ser ikomplu jittieħdu deċizjonijiet dwar l-istaff fid-Djar ta' l-Anzjani
kollha biex żgur ma jkunx hemm lok ta' ebda traskuraġni. Fil-fatt ċertu tibdil tal-Istaff fid-Dar ta' l-Anzjani tal-Mosta diġa ġie effetwat.
2.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kienu jew qed jiskuntaw sentenza fis-CCF u kienu/jew qed jieħdu kura kontra l-vizzju tad-droga matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Fl-1995 inħatar Bord apposta biex jevalwa l-każijiet ta' priġunieri bi problema tad-droga bl-iskop li dawn jibdew isegwu programmi ta' kura kontra dan il-vizzju.
Ninsab infurmat li n-numru ta' priġunieri li bbenefikaw minn dawn il-programmi kien kif ġej : -
Sena Numru ta' priġunieri
---- --------------------
1995 7
1996 11
1997 40
1998 (sas-27 ta' Ottubru) 43
02.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilita Korrettiva ta' Kordin (Il-Ħabs)? Kemm minn dawn huma taħt il-35 sena u kemm minnhom huma nisa? Kemm minn dawn il-priġunieri qed jiskontaw piena ta' aktar minn ħames snin iżda mhux aktar minn tmien snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fis-27 ta' Ottubru, 1998, in-numru ta' persuni jiskontaw sentenza kien ta' 171, u dawn kienu miżmuma/mqassma kif ġej : -
Faċilita' Korrettiva ta' Kordin 151
L-Imtaħleb (SATU) 8
L-Isptar San Luqa għall-kura 1
Bil-'Prison Leave' (Caritas) 7
Bil-'Prison Leave' (Sedqa) 4
In-numru ta' persuni taħt il-35 sena li qed jiskontaw sentenza kien ta' 96, li minnhom, 6 kienu nisa. Minn dawn is-96 kien hemm 10 li qed jiskontaw sentenza ta' bejn 5 u 8 snin.
02.11.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fuq xi żviluppi kien hemm s'issa fuq ir-riċerka tal-pjanta mediċinali l-karella li titkabbar mill-bdiewa Maltin u jingħad li xjentifikament hija tajba għal min jinsab taħt kura partikolari?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li għadhom qegħdin isiru investigazzjonijiet xjentifiċi fuq il-pjanta mediċinali l-Karella fl-Istitut ta' l-Agrikultura, fl-Universita', u li għadu kmieni wisq biex nindika r-riżultati ta' dawn l-investigazzjonijiet.
Prof. Salvino Busuttil — Elezzjonijiet Presidenzjali tas-CHEAM
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li Gvern Laburista preċedenti innomina lill-Professur Salvino Busuttil sabiex jikkontesta l-elezzjonijiet Presidenzjali tas-CHEAM li se jsiru f'Pariġi f'Diċembru li ġej?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk din in-nomina hijiex se tibqa' tiġi onorata?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Nikkonferma li l-Gvern Laburista kien innomina lill-Professur Salvino Busuttil sabiex jikkontesta l-elezzjonijiet għall-President tal-International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies (CHEAM).
Għandi l-pjaċir nikkonferma wkoll li l-Gvern Nazzjonalista se jkompli jestendi s-support tiegħu għan-nominazzjoni tal-Professur Busuttil.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pazjenti Maltin u Għawdxin residenti fil-gżejjer tagħna li kellhom jintbagħtu għall-kura medika fi sptarijiet barranin matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Kemm minn dawn il-pazjenti kienu tfal, żgħażagħ, irġiel, nisa u anzjani fl-istess perijodu?
F'liema pajjiżi marru għall-kura u kemm kienu l-każijiet ġodda f'kull sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' pazjenti li ntbgħatu għal kura barra minn Malta kienu:
1993 - 576 pazjent
1994 - 546 pazjent
1995 - 318 pazjent
1996 - 326 pazjent
1997 - 291 pazjent
Il-każijiet ġodda f'kull sena kienu:
1993 - 481 pazjent
1994 - 423 pazjent
1995 - 208 pazjent
1996 - 227 pazjent
1997 - 190 pazjent
Rigward it-tqassim bl-eta' nagħti l-informazzjoni f'xi seduta oħra.
Il-pazjenti ntbgħatu għall-kura fir-Renju Unit.
Jista' l-Ministru jgħid x'assistenza ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jingħataw meta jkollhom jieħdu kura medika fi sptarijiet barranin? Kemm-il sena ilha tingħata din l-għajnuna u jekk hemmx il-ħsieb li din tiġi riflessa għaż-żmenijiet tal-lum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Meta pazjent jintbagħat barra għal kura, is-Dipartiment tas-Saħħa jħallas l-ispejjeż kollha inkluż it-trasport u l-akkomodazzjoni. L-ispejjeż tal-passaġġ jitħallsu wkoll mid-Dipartiment jekk pazjent jikkwalifika għall-għajnuna skond 'means test'.
Id-Dipartiment ilu jagħti din l-għajnuna mill-1948 meta ntbagħat l-ewwel pazjent barra għal kura.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru, 1998 s'issa?
Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni?
Min akkumpanjah għal kull safra?
Kemm swiet kull safra?
Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum sifirt darbtejn. Fiż-
żewġ okkażjonijiet ġiet diskussa r-riattivazzjoni ta' l-
applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea,
kif ukoll ir-relazzjonijiet bilaterali.
Mort Ruma fil-25 ta' Settembru fejn iltqajt ma' Romano
Prodi li dak iż-żmien kien Prim Ministru ta' l-Italja.
Kont akkumpanjat mis-Sur Alfred J Chetcuti.
Is-safra swiet Lm316. 06.
Mort ukoll Brussels bejn id-29 ta' Settembru u l-1 ta'
Ottubru fejn kelli laqgħat mal-Prim Ministru tal-Belġju
Jean-Luc Dehaene u mal-Prim Ministru tal-Lussemburgu Jean
Claude Juncker. Fi Brussels ħadt sehem ukoll fil-Kunsill
tal-Partit tal-Poplu Ewropew. Kont akkumpanjat mill-
Onorevoli Joe Borg u mis-Sur Richard Cachia Caruana.
Din is-safra swiet b'kollox Lm2677.15.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru, 1998 s'issa?
Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni?
Min akkumpanjah għal kull safra?
Kemm swiet kull safra?
Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 s'issa il-Viċi Prim Ministru għamel dawn il-viżiti barra minn Malta.
(A) Fl-14 ta' Settembru żar Vienna fejn kellu laqgħat mal-President tal-Kunsill tal-Ministri ta' l-Unjoni Ewropea u Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Awstria, Dott. Wolfgang Schussel. Iż-żewġ Ministri ddiskutew il-proċess marbut mar-rivitalizzazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta. Fi Vienna l-Viċi Prim Ministru u Ministru ltaqa' ma Alois Mock ġia Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Awstria.
(B) Fil-15 ta' Settembru żar Ruma għal taħdidiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan, l-Onor. Lamberto Dini u mas-Sotto Segretarju ta' l-Istat għall-Affarijiet Barranin Dott. Pier Francesco Fassino, kemm fuq r-rivitalizzazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq suġġetti bilaterali. F' Ruma il-Viċi Prim Ministru ħa l-opportunita biex ikollu laqgħa mhux uffiċċjali ma Giulio Andreotti.
Għal dawn iż-żewg viżiti, il-Viċi Prim Ministru kien ikkompanjat mill-Assistent Personali tiegħu is-Sur Walter Balzan u mis-Sur Saviour Falzon, Kap tad-Direttorat tal-EU.
(C) Bejn it-23 u l-24 ta' Settembru ikkompanja lill-President ta' Malta, l-E.T. Dott. Ugo Mifsud Bonnici, meta dan kien mistieden jindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill taż l-Ewropa ġewwa Strasbourg. Il-Viċi Prim Ministru ħa l-opportunita ta' din iż-żjara biex ikollu laqgħat ma' l-Onor. Daniel Tarschys, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, ma' Membri tal-Monitoring Committee li tiegħu hu kien iċ-Chairman, u mal-Bureau rappreżentati fil- kunsill tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Waqt dawn il-laqgħat il-Viċi Prim Ministru spjega l-politika barranija tal-Gvern Ġdid Malti, l-iżjed fejn tolqot l-applikazzjoni ta' Malta għal shubija fl-UE.
Ġewwa Strasbourg, il-Viċi Prim Ministru akkompanjawħ l-Assistent Personali tieghu s-Sur Walter Balzan u s-Sur Charles Cremona mis-Segretarjat Privat tiegħu.
(D) Bejn l-24 u d-29 ta' Settembru żar New York sabiex jattendi u jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-NU kif ukoll sabiex ikollu laqgħat ma' diversi personalitajiet distinti, fosthom is-Segretarju Ġenerali tan-NU l-E.T. Kofi Annan, mal-President Palestinjan Yasser Arafat, mal-President ta' l-Assemblea Ġenerali l-Onor. Didier Opertti, mal-Kummissarju tal-UE Hans van den Broek, mad-Direttur tan-NU f' Ġinevra Vladimir Petrovsky, u mas-Sotto Segretarju fid-Dipartiment ta' l-Istat Amerikan Tom Pickering. Il-Viċi Prim Ministru kellu laqgħat ma' Ministri għall-Affarijiet Barranin ta' dawn il-pajjiżi: Ġordan, Tunisia, Eġittu, Andorra, Morocco, Croatia,Turkija,Greċja, Portugall, Lussemburgu, Irlanda, Albania, Olanda, Ungerija, Ċipru u Ġamajka. Kellu wkoll laqgħat ma' numru ta' Rapprezentanti Permanenti għan-NU minn diversi pajjiżi. Dawn il-laqgħat servew sabiex il-Viċi Prim Ministru spjega fid-dettal il-politika estera ta' Gvern ġdid, partikolarment dik konnessa ma' l-applikazzjoni ta' Malta ghal-sħubija fl-UE, kif ukoll sabiex iddiskuta suġġetti ta' natura kemm multilaterali kif ukoll bilaterali.
Peress li xi kontijiet ta' l-ispejjes għal dawn il-vjaġġi ghadhom mhumiex magħrufa, partikolarment dawk li jintbgħatu mill-aġenziji ta' l-ajru, l-informazzjoni rigward l-ispejjez ta' dawn il-viżiti tingħata f' seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru, 1998 s'issa?
Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni?
Min akkumpanjah għal kull safra?
Kemm swiet kull safra?
Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn, il-Ministru tas-Saħħa siefer darba, lejn Copenhagen għat-48 Sessjoni tal-Kumitat Reġjonali ta' l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Il-membri l-oħra tad-Delegazzjoni kienu l-Aġent Tabib Ewlieni tal-Gvern, id-Direttur tal-Politika u l-Ippjanar fid-Diviżjoni tas-Saħħa, il-Konsulaent tad-Delegazzjoni u l-Assistent Personali tal-Ministru.
Is-safra swiet Lm4711. Minn din is-somma għad irid jitnaqqas id-Discount fuq il-'fares' ta' l-Air Malta.
Il Ministru ndirizza s-Sessjoni kif ukoll kellu laqgħat ma' Dr. G. Brundtland, Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, Dr. J. Assvall, id-Direttur Reġjonali u ma uffiċċjali fl-Uffiċċju Reġjonali. F'dawn il-laqgħat ġew diskussi r-relazzjonijiet ta' Malta mal-WHO u kif dawn jistgħu jerġgħu jissaħħu.
Il-Ministru kellu numru ta' laqgħat ma' diversi delegazzjonijiet oħra dwar relazzjonijiet bilaterali speċjalment dwar l-għajnuna u s-support li offrew xi pajjiżi, fosthom l-Olanda u l-Ġermanja, biex il-leġislazzjoni Maltija dwar is-Saħħa tikkonforma ruħha ma' dik ta' l-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru mill-5 ta' Settembru, 1998?
Jista' jinforma l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati?
X'karigi ngħataw fil-ministeru?
X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati?
Min minnhom kien jaħdem mal-gvern u f'liema dipartiment kien jaħdem?
X'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' dawn?
X'kondizzjonijiet ingħataw?
Nitlob biex il-kuntratti jiġu mqiegħda fuq il-Mejda.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kariga kull wieħed minnhom kellu fil-Partit Nazzjonalista?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed nassumi li l-Onor Interpellant qed jirreferi għas-
Segretarjat Privat.
Ninsab infurmat li l-ebda kuntratt jew ftehim ma għadu
ġie ffirmat ma' l-individwi kkonċernati u nkun f'qagħda
li nwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula f'xi seduta oħra
wara li dawn jiġu ngaġġati formalment.
Iżda l-Kabinett approva dokument dwar il-complement tas-
Segretarjati tal-Ministri u Segretarji Parlamentari kif
ukoll tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri kollha li
jaħdmu fis-segretarjat. Kopja ta' dan id-dokument qed
inpoggih fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati (akkademiku u mhux akkademiku) fl-Universita' li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn?
Min huma u xi grad għandhom?
F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin?
Għal-liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Min awtorizza li tingħata din l-allowance?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Billi kien hemm rapport f'ġurnal lokali li 1/5 tal-bini ta' l-isptar Tal-Qroqq se jitwaqqa', jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-disinji l-ġodda u r-rapport li jikkonferma dan?
Ladarba jidher li d-disinji huma lesti, jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex il-problema maħluqa fis-second basement li huwa għoli biss żewġ metri skond kif kien iddisinjat mill-Ortesa u mibni skond kif disinjati minn Amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti (1992 - 1996), tiġi riżolta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-allegazzjonijiet li dehru fir-rapport tal-ġurnal imsemmi ġew imwieġba mill-F.M.S. f'ħarġa oħra ta' l-istess ġurnal.
Fir-rapport "Development Strategies Issue One" presentat f'Awissu 1998, il konsulenti tad-disinji i.e. "Norman and Dawbarn Ltd." akkomodaw il-bżonnijiet kollha tal-'medical brief', inkluż in-numru ta' sodod, mingħajr il-bżonn ta' sular ieħor.
Id-disinji għadhom għaddejjin mill-proċess ta' evolviment u għaldaqstant mhumiex finali.
N.B. B'sular ieħor hu mifhum sular fuq Block D.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet ir-reviżjoni ta' l-istructure plan?
Meta bdiet din ir-reviżjoni?
Meta hu maħsub li jitlesta u jitressaq quddiem il-Parlament?
Kemm dam biex tlesta l-istructure plan oriġinali?
Response (BORG, TONIO)
Jien nfurmat li :
1. Il-proċess formali għar-reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura beda f'Novembru 1997 bl-approvazzjoni mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar tad-dokument 'Structure Plan Review Project Management Plan'.
2. Il-ħsieb ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar sa llum huwa li d-'Draft Replacement Plan' joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika lejn l-aħħar tas-sena 2000 u jiġi ppreżentat lill-Parlament għal nofs is-sena ta' wara.
3. Ix-xogħol fuq l-ewwel Pjan ta' Struttura beda fl-1988 bl-approvazzjoni tat-'Terms of Reference' għal dan il-proġett. Il-pjan ġie approvat mill-Parlament f'Lulju tal-1992.
02.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-kors ta' l-ECG technicians li hu ta' madwar sentejn jiġi żviluppat aktar u jkun jinkludi wkoll training biex l-ECG technicians ikunu jistgħu jagħmlu Echo Cardiogram, stress ECG u Holter monitoring?
Jaħseb il-Ministru li b'dan il-mod tista' titnaqqas il-waiting list li akkumulat għal dawn it-tip ta' tests?
Fil-każ ta' ECG technicians diġa' kwalifikati hemm il-ħsieb li dawn jingħataw aktar training biex anke dawn ikunu jistgħu jibdew jgħinu fl-Echo Cardiogram, Stress ECG's u Holter monitoring?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-technicians li jaħdmu fil-Cardiac Lab. huma perfettament kapaċi jagħmlu 'stress tests' waħidhom u ser ikunu wkoll kapaċi jinterpretaw ir-rapport ta' Holter.
Il-'waiting list' tista' titnaqqas biss billi jkompli jsir użu għaqli mill-'equipment' eżistenti. Ninnutaw per eżempju li numru ta' pazjenti ma jżommux l-appuntament u s'issa ma kienx hemm sistema li jissejħu pazjenti oħra flokhom. Permezz ta' sistema kompjuterizzata ta' appuntamenti din id-diffickulta se tingħeleb.
Id-Dipartiment bi ħsiebu joħroġ sejħa għal kors ta' taħriġ għal ECG Technician.
Jikkonsidra d-Dipartiment tal-Mużewijiet li wħud mix-shelters tal-gwerra li għandna f'diversi postijiet f'Malta u Għawdex jibdew jitnaddfu u jinfetħu għall-pubbliku u għat-turisti?
Jaħseb il-Ministru li billi dawn huma parti mill-wirt storiku ta' pajjiżna, tkun ħasra jekk jibqgħu mirduma?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li preżentement ebda shelter ma hu f'idejn dan id-dipartiment u li d-Dipartiment m'għandux biżżejjed riżorsi biex jiftaħ u jżomm fi stat deċenti xi shelters li jistgħu jkunu ta' interess għall-viżitaturi.
Id-Dipartiment se jkompli jikkonsidra s-suġġeriment ta' l-Onor. Membru.