Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #723 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Uffiċċju għal Kompetizzjoni Ġusta — Simonds Farsons/Marsovin

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 197 ,jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dettaljat imsemmi dwar il-merger Simonds Farsons/Marsovin mħejji mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 197. Kif diġa għedt l-Uffiċċju qiegħed fl-istadju li jasal għall-konklużjonijiet tiegħu biex ikun jista jieħu deċiżjoni dwar dan il-'merger. Mhux possibli li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta jippubblika fid-dettal ir-rapport li jkun għamel minħabba li jkun hemm informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Madankollu l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta mistenni jħabbar id-deċiżjoni tiegħu f'qasir żmien.
Leg 9 PQ #724 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club — Kumitat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-Kumitat tat-tmexxija tal-Marsa Racing Club ma baqax iħallas id-dejn oriġinali ta' spejjeż kapitali ta' Lm105,000 skond ir-rapport ta' l-Awditur għas-sena 1996 li minnu baqa' Lm63,000 x'jitħallsu? Jikkonferma l-Ministru kif stqarr hu stess fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari numru 215 li dan id-dejn kellu jitħallas lura lill-gvern bir-rati ta' Lm10,000 fis-sena, liema ftehim baqa' jiġi onorat taħt amministrazzjoni laburista sa l-1987? Jikkonferma li wara li nbidlet l-Amministrazzjoni tal-pajjiż fl-1987 dan il-ftehim unilateralament ma baqax jiġi onorat mill-kumitat tat-tmexxija tal-Marsa Racing Club b'konsegwenza li d-dejn kbir li għandha llum il-Marsa Racing Club, hemm Lm63,000 oltre l-imgħaxijiet dovuti li ma tħallsux bis-sistema ta' pagamenti gradevoli li kien hemm programmat?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-mistoqsija ta' l-Onorevoli Membru ma tistax ma tqanqalx skantament meta hu stess jaf sew il-każ dwar dan id-dejn. Nahseb li l-ex Segretarju Parlamentari jaf ukoll li l-Kumitat tat-Tmexxija tal-Club li ħatar huwa stess ma għamel xejn biex jitħallas jew jitnaqqas id-dejn imsemmi. Ta' min jgħid ukoll li bejn l-1981 ul-1987 kienu tħallsu 40,000 meta suppost kellhom jitħallsu 60,000 lira. Matul is-snin 1981 sa l-1995-96 kienu qed jitħallsu imgħaxijiet ta' 6.5% is-somma ta' 45,000 lira li l-promoturi ta' dak iż-żmien kienu sellfu lill-Club biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-bini tal-korsa l-ġdida. Din is-somma tħallset lura fl-1995-96 minflok fl-1986 kif kien il-ftehim oriġinali. Anki hawn il-Club sofra piż finanzjarju li ma kienx jiflaħ għalih. Tajjeb inżid li l-awdituri fir-rapporti annwali tagħhom jgħidu li l-Club m'għandu ebda kont li juri kif, meta u minn min sar dan ix-xogħol. L-istess Club qed isostni li ebda għaqda sporitva ma qatt intalbet toħroġ flus għal spiża kapitali meta twaqqfet, u hi ħaġa ta' l-iskantament kif Gvern Laburista mexa b'dan il-mod mal-Marsa Racing Club meta qallu biex iħallas dawn il-flus. Meta nbniet il-korsa ta' Għawdex, li swiet darbtejn iktar minn dik tal-Marsa, qatt ma ntalbu flus lil xi għaqda sportiva.
Leg 9 PQ #730 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm nisa mpjegati fid-Dipartiment tal-Customs & Excise? Jista' jgħid ukoll xi jsir meta jkun hemm bżonn ta'personal searches fuq nisa li jkunu għadhom kemm waslu fl-ajruport jew fis-sea port minn barra l-pajjiż? Jekk dawn is-searches isiru, jista' l-Ministru jgħid min jagħmilhom?

Response (DALLI, JOHN)

Kull meta kien hemm eżami għall-fizjali fis-sezzjoni tal-Customs Class dawn kienu miftuħin kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Minkejja dan qatt ma` daħlu nisa fizzjali. Bħal issa qed isir studju dwar il-possibilita ta` kif jistgħu jiġu mpjegati nisa f`din is-sezzjoni. Meta jkun hemm il-bżonn li jsir tfittxija fuq xi mara jissejħu il-Pulizija nisa.
Leg 9 PQ #748 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali — Surmast

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li nħatar surmast ġdid għall-Orkestra Nazzjonali? Jista' jgħid minn meta 'il hawn inħatar dan il-bniedem u min hu? Xi kwalifiki għandu? Ġew mistiedna persuni oħrajn biex jikkonsidraw din il-pożizzjoni? Jekk fl-affermattiv, min kienu dawn? X'salarju u benefiċċji oħrajn għandha din il-persuna li joħorġu minn din il-kariga?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa ma nbidel xejn minn dak li kien stabbilit mill-amministrazzjoni preċedenti.
Leg 9 PQ #749 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar il-ġdid

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' x'sab fuq l-isptar il-ġdid matul is-sentejn ta' Gvern Laburista? Kif dawn biddlu l-pjan ta' Gvern Nazzjonalista ta' qabel l-1996?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Gvern il-ġdid sab xogħol kif ġej: A Struttura mibnija fuq id-disinji ta' l-Ortesa għal sptar ta' 480 sodda, mizjuda b'sular u wing. Sospensjoni fuq is-servizzi tal-Mechanical and Electrical mis-7/2/97 sal-31/12/98. Kunċetti ta' disinji li ma humiex approvati mill-gvern. Xogħol ta' bini fuq il-wing il-ġdida u car park li għandu jispiċċa fl-aħħar ta'Frar 1998. Medical Brief għal sptar ta' 980 sodda. B L-isptar inbidel minn wieħed ta' riċerka u speċjaliżżażjoni għal wieħed ġenerali u akut.
Leg 9 PQ #752 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-linji ġenerali li fuqhom beħsiebu jwettaq il-"bidla radikali" li kien wiegħed il-partit tiegħu li se jagħmel biex il-Planning Authority ssir aktar effiċjenti u effettiva?

Response (BORG, TONIO)

Apparti l-linji ġenerali kif imfissra fil-programm elettorali tal-P.N. il-Ministeru se jfassal it-tibdil meħtieġ wara konsultazzjoni wiesgħa. Għal dan il-għan il-Ministeru diġa' beda serje ta' laqgħat ta' konsultazzjoni ma' diversi organizazzjonijiet li għandhom interess f'dan ir-rigward. Issa wkoll li ġie appuntat il-bord il-ġdid ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dan mistenni li jressaq 'l quddiem proposti formali sabiex iservu bħala bażi ta' diskussjoni. Aktar 'l quddiem, wara li nkunu ġbarna l-ideat inizzjali ta' dawn l-organizazzjonijiet, tiġi organizzata Konferenza Nazzjonali dwar din it-tema. 09.11.98
Leg 9 PQ #753 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

Sant'Antnin — Impjant ta' riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx l-intenzjoni li l-Ministeru tiegħu jkompli jħaddem is-sistema tal-composting Eco Pod li bdiet titħaddem fl-Impjant ta' Sant'Antnin mill-gvern preċedenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru qiegħed fl-istadju li janalizza sistema tal-'composting Eco-pod' u sistemi oħrajn li qiegħdin jiġu offruti qabel jiddeċiedi liema sistema titħaddem fl-Impjant ta' Sant' Antnin.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Postings ta' impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista tal-postings kollha li saru fil-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni 'il hawn? F'kull każ, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-grad ta' kull persuna nvoluta, kemm ilha fl-impjieg, qattx kien jew kienet posted barra qabel u fil-każ li kien jew kienet, fejn kien il-posting u f'liema snin?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Mill-Elezzjoni ta' Settembru 1998 'il hawn, erbgħa uffiċċjali tal-Ministeru qed jintbagħtu f' Missjonijiet Maltin barra minn Malta fil-livell ta' 'First Secretary'. Ħadd minnhom ma qatt serva barra. Wieħed mill-uffiċċjali daħal fis-Servizz Dipolmatiku f' Lulju 1995, filwaqt li t-tlieta l-oħra kienu ingaġġati f' dan l-istess servizz f' Settembru 1996.
Leg 9 PQ #755 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

Sant'Antin — Impjant ta' riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx xi ħsieb li l-Impjant ta' Riċiklaġġ ta' l-Iskart solidu ta' Sant'Antnin jerġa' jiġi mogħti lill-privat biex iħaddmu taħt kuntratt mill-Gvern?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru f'dan l-istadju m'għandux il-ħsieb li l-Impjant ta' Sant'Antnin ikun mogħti lill-privat biex jitħaddem.
Leg 9 PQ #759 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Ambjent

Sant'Antnin — Impjant ta' riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tunnellati ta' skart domestiku ġew composted fl-Impjant ta' Sant'Antnin f'dawn l-aħħar xahrejn u jgħid jekk kienx hemm jew għadx hemm complaints mir-residenti ta' l-irħula qrib dwar intejjen jew irwejjaħ ħerġin mill-impjant?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' skart domestiku li ġie proċessat fl-Impjant ta' Sant' Antnin matul dawn l-aħħar xahrejn kien ta' 2,315 tunnellata. Mir-records tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jiriżulta li l-persentaġġ tal-ħin li nxtammet riħa tinten mill-viċinanza ta' l-Impjant tal-Kompostaġġ ta' Sant' Antnin f'dawn l-ahhar xhur kien hekk: Ġunju 1998 - 8.75% Lulju 1998 - 8.33% Awissu 1998 - 29.03% Settembru 1998 - 5.55% Ottubru 1998 - 0.4% (riżultat parzjali)

UE — Dokument dwar tassazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument ta' 20 faċċata li qal li bagħat lill-Commission ta' l-European Union li fih spjega ta' x'beħsiebu jagħmel il-Gvern dwar tassazzjoni u suġġetti oħra f'pajjiżna bi preparazzjoni għal diskussjonijiet dwar sħubija?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Dak li qiegħed jallega l-Onorevoli Interpellant mhuwiex korrett.

Fabbriki — Trainer Manager

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux trainer manager fuq safety jew safety officer biex jagħti lectures lill-ħaddiema tal-fabbriki, tfal ta' l-iskejjel, uffiċini eċċ? Jekk le, jista' jgħid jekk il-gvern hux se jingaġġa lil xi ħadd?

Response (GONZI, LAWRENCE)

'Lectures' konnessi mat-tħaris tas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol diġa qed jiġu mgħotija mill-istaff tal-'Occupational Health and Safety Unit' tad-Dipartiment tax-Xogħol kemm lil studenti kif ukoll lil ħaddiema u lil persuni oħra meta jiġi muri interess minnhom jew minn 'trade unions' jew organizzazzjonijiet oħra li jirrapreżentawhom. Għaldaqstant ma jinħass il-bżonn li tiġi impjegata persuna biex taqdi din il-funzjoni. 9.11.98
Leg 9 PQ #770 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kodiċi Ċivili — Amendi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux se jiġu introdotti amendi fil-kodiċi ċivili sabiex id-dikjarazzjoni ta' paternita' tal-wild ma tibqax unilaterali, liema amendi kienu ġew proposti mill-Amministrazzjoni preċedenti u kellhom jiġu nklużi f'abbozz aktar wiesgħa ta' amendi għall-kodiċi ċivili?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Fil-preżent il-Gvern qiegħed jeżamina l-proposti leġislattivi li kienet ħejjiet l-amministrazzjoni preċedenti. Wara li dawn jiġu diskussi, u jekk kemm il-darba il-Gvern preżenti jkun jaqbel magħhom, isiru l-aġġustamenti meħtieġa ħalli dawn il-proposti jkunu jirreflettu l-policies ta` dan il-Gvern. Eventwalment jiġu ppreparati l-abbozzi ta` liġi relattivi sabiex imbagħad jitressqu għall-approvazzjoni ta` dan il-Parlament.
Leg 9 PQ #802 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Kanċer tas-sider

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu n-nisa li mietu bil-kanċer tas-sider u x'kienet l-eta' tagħhom meta mietu, sena b'sena, f'dawn l-aħħar 20 sena? Jista' l-Ministru jaqsam il-każi skond ir-reġjun fejn kienu joqogħdu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mill-1991 sal-1997 f'Malta u Għawdex mietu 595 mara minhabba f'kancer tas-sider. Id-dettalji mitluba mill-Onorevoli interpellant jidhru hawn taħt. It-tagħrif ta' qabel l-1991 kien jinħadem mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika tali mod li ma jistgħux jingħataw id-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Inwiet minn kanċer tas-sider tan-nisa, skond l-eta', 1991-1997 Sena ____________________________________________ _________ Eta' 1991 1992 1993 1994 1995 1996 1997 Total ___________________________________________ __________ 25-29 1 0 0 0 0 0 0 1 30-34 0 0 1 1 0 0 0 2 35-39 1 3 3 1 0 0 0 8 40-44 6 2 7 5 1 2 1 24 45-49 5 9 8 2 9 3 11 47 50-54 5 4 7 11 7 6 8 48 55-59 9 8 12 10 8 7 5 59 60-64 11 6 14 12 14 9 4 70 65-69 8 6 5 16 8 19 9 71 70-74 12 12 9 8 10 12 5 68 75-79 8 12 6 12 10 8 13 69 80-84 8 2 11 7 11 8 5 52 85-89 4 7 7 11 13 8 5 55 90-94 0 3 1 2 3 3 3 15 95+ 1 0 0 2 1 1 1 6 _______________________________________________ _____ TOTAL 79 74 91 100 95 86 70 595 _____________________________________________ _______ Imwiet minn kanċer tas-sider, skond il-lokalita', 1991-1997 Lokalita' Numru Attard 13 Balzan 7 Birkirkara 34 Birżebbuġa 9 Cospicua 8 Dingli 2 Fgura 8 Floriana 8 Għajnsielem 5 Għarb 1 Għasri 2 Għaxaq 6 Gżira 13 Ħamrun 24 Kalkara 6 Kerċem 1 Kirkop 2 Lija 8 Luqa 28 Marsa 16 Marsascala 5 Marsaxlokk 1 Mdina 1 Mellieħa 12 Mġarr 1 Mosta 27 Mqabba 5 Msida 13 Munxar 2 Nadur 7 Naxxar 11 Paola 22 Pieta' 8 Qala 1 Qormi 28 Qrendi 1 Rabat 16 Safi 1 San Ġiljan 16 San Ġwann 3 San Lawrenz 1 San Pawl il-Baħar 7 Sannat 2 Senglea 7 Siġġiewi 9 Sliema 42 Sta Luċia 1 Sta Venera 13 Swieqi 1 Tarxien 13 Valletta 20 Victoria 10 Vittoriosa 2 Xagħra 5 Xewkija 4 Żabbar 26 Żebbuġ 17 Żebbuġ (Għawdex) 2 Żejtun 23 Żurieq 8 ___________________________ Total 595
Leg 9 PQ #803 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Breast screening programme

Question

Minħabba li l-Ministru tas-Saħħa fl-Amministrazzjoni preċedenti kien kommess li sas-sena 2000 jiġi ntrodott l-ewwel fażi tal-breast screening programme, u wara t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9, jista' l-Ministru jgħid meta se jkun il-waqt li jiġi ntrodott breast screening programme nazzjonali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nerġa nirreferi l-Onor Membru għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 9. Narraf lil Onor Membru li d-Dipartiment tas-Saħħa kien ta' parir lil ex-Ministru Farrugia li kien hemm diffikultajiet tekniċi biex jiddaħħal dan is-servizz u għal diversi raġunijiet ma kienx il-waqt li jsir ` national breast screening programme'. Minkejja li l-ex-Ministru Farrugia kien qal pubblikament li se jdaħħal dan is-servizz, qatt ma ħa l-iċken pass biex jitwettaq fil-prattika.
Leg 9 PQ #804 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Kanċer tas-sider

Question

Minħabba li f'Malta għandna waħda mill-ogħla inċidenzi tal-kanċer tas-sider fl-Ewropa, jista' l-Ministru jgħid jekk hux qegħda ssir jew hemmx il-ħsieb li ssir riċerka biex jintefa' aktar dawl fuq il-kawżi ta' din l-inċidenza f'Malta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant qed jiġi kkunsidrat.

Wied il-Għajn — Triq San Ġwakkin

Question

Minħabba l-istat perikoluż li tinsab fih bħalissa Triq San Ġwakkin, f'Wied il-Għajn, jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fiha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li x-xogħol li qiegħed issir fil-lokalita' qiegħda tagħmlu d-diviżjoni tax-xogħolijiet u l-Onor. Interpellant mitluba tagħmel mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #851 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pulizija ġewwa t-taqsima tat-traffic jerġgħu jibdew igawdu mill-prassi abolita mill-amministrazzjoni preċedenti, li kull pulizija jkun allokat lilu motorcycle wieħed sabiex jintuża minnu biss?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li din il-miżura, ċioe' li mutur ikun assenjat lil żewġ pulizija, kienet ġiet introdotta bil-ħsieb li jkun hemm użu aħjar mir-riżorsi tal-Korp u jiżdied in-numru ta' pulizija tat-traffiku fit-toroq. Il-Gvern preżenti qed jara' jekk din il-miżura, flimkien ma' oħrajn li saru mill-gvern preċedenti fil-kuntest tal-modernizazzjoni tal-Korp, kellhomx l-effett mixtieq u jekk hux il-każ li jiġu mtejba jew mreġġa' lura għal li kienu. 09.11.98

Tarxien — Triq Joseph Burlo'

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-asfaltar ta' Triq Joseph Burlo' ġewwa Ħal-Tarxien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, l-asfaltar ta' din it-triq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.

Tarxien — Triq Odilone Caruana

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-asfaltar ta' Triq Odilone Caruana ġewwa Ħal-Tarxien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, l-asfaltar ta' din it-triq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.