Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #691 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Ambjent

Luqa — Triq il-Karmnu - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk xogħol neċessarju biex jilqa' kontra ilmijiet u l-bini ta' culvert fi Triq il-Karmnu, Alley 4, f'Ħal-Luqa, huwiex se jsir immedjatament qabel ma jidħol l-istaġun tax-xita bil-qawwi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li xi ftit ġimgħat qabel Settembru 1998 kien sar ftehim mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa li kellu jibni sistema ta' l-ilma tax-xita bejn l-isqaq imsemmi u l-ġibjun li jeżisti fi Triq Tal-Karmnu. Il-ftehim kien jinkludi li filwaqt li l-Kunsill jagħmel ix-xogħol, id-Dipartiment kellu jipprovdi l-katusi u l-concrete ghal dan ix-xogħol. Sal-lum id-Dipartiment ghadu ma ġiex avviċinat mill-Kunsill Lokali sabiex jingħata bidu għax-xogħol.

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-figuri ta' nies, belt belt, li kienu jirreġistraw għax-xogħol fix-xhur ta' Awissu u Settembru 1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lil Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 339 (kopja mehmuża). L-aħħar figuri ppublikati huma ta' Awissu 1998. 9.11.98

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar liema tip ta' impjieg kienu qed jirreġistraw għalih dawk li kienu jirreġistraw għax-xogħol fix-xhur ta' Awissu u Settembru 1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, l-informazzjoni mitluba għax-xahar ta' Awwissu. L-informazzjoni dwar ix-xahar ta' Settembru għad trid tinħadem. 9.11.98
Leg 9 PQ #695 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Triq Santa Tereża

Question

Peress li fi Triq Santa Tereża kantuniera ma' Triq Matty Grima, f'Bormla hemm problema ta' ilma ħiereġ minn taħt l-art u kemm-il darba saru tentattivi sabiex dan ix-xogħol jissewwa, jista' l-Ministru jara li dan ix-xogħol isir u fl-istess ħin tissewwa l-istess bankina li ilha maqlugħa għal ħafna żmien?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onor Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu direttament lill Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #696 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Laneċ tas-sajd barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir sorveljanza u attenzjoni fuq in-numru ta' laneċ tas-sajd barranin li jorbtu minn żmien għal żmien mal-moll ta' Xatt ir-Risq, fil-Birgu?

Response (BORG, TONIO)

Kull bastiment li jidħol il-Port, hu suġġett għar-regolamenti li jikkontrollaw id-dħul ta' bastimenti fil-port. Il-bastimenti li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma suġġetti għall-istess proċedura. Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal sorveljanza mill-pulizija. Għal raġunijiet ovvji ma jidhirlix li hu xieraq li l-informazzjoni mitluba tiġi ppublikata. B'dankollu, jekk l-Onor. Interpellant għandu xi nformazzjoni speċifika f'dan ir-rigward għandu jgħaddiha lill-Pulizija biex tinvestiga. 09.11.98

Ħamrun — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 266, ċioe' jista jgħid meta hu maħsub li jiġu asfaltati għall-ewwel darba dawn it-toroq fil-Ħamrun, toroq li fihom qed ibatu inkonvenjent kbir ir-residenti li joqogħdu fihom; (1) Triq Willie Attard; (2) Triq Ġuże' Bajada; (3) Triq Dun Frans Camilleri; (4) Misraħ Is-Sebgħa ta' Ġunju 1919; u (5) Triq Manuel Attard?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li minħabba xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, l-asfaltar ta' dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu b'mod permanenti.
Leg 9 PQ #706 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel primarji u sekondarji f'Malta u f'Għawdex li għadhom: (1) bla kap; (2) bla assistenti kapijiet? Fejn wasal il-proċess għall-ħatriet f'dawn il-postijiet battala?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel primarji u sekondarji li għadhom mingħajr Kap huma: Ġuże D'Amato Boys Secondary M'Xlokk Primary Żejtun Primary B Żurrieq Primary B Mellieħa Primary Kirkop Primary Xagħra Primary Qala Primary Dawn l-iskejjel kollha huma bħalissa mmexxija minn Assistenti Kapijiet. F'dawk l-iskejjel fejn għad m'għandhomx il-full complement ta' Assistenti Kapijiet intbagħtu n-nies indikati li ser jilħqu Assistenti Kapijiet biex jgħinu fl-amministrazzjoni sakemm joħroġ l-appointment tagħhom. Dawn huma: Gżira Boys Secondary St Andrew's Girls' Secondary Sandhurst Girls' Junior Lyceum Ħamrun Boys Junior Lyceum Żebbug Boys Secondary Marsa Girls School Marsa Boys Secondary School Żabbar A Primary Sliema Primary Mellieħa Primary Cospicua Primary Żabbar B Primary Mosta A Primary Ħamrun Girls' Secondary School F'dawn l-iskejjel għad m'għandhomx il-'full complement' ta' Assistenti Kapijiet: Luqa Primary Ninu Cremona Boys Junior Lyceum Mikelang Refalo Upper Lyceum Saru r-rakkomandazzjonijiet skond il-proċedura biex jinħatru l-Assistenti Kapijiet u Kapijiet ta' l-iskejjel.
Leg 9 PQ #707 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Unjoni Ewropea — Programm Socrates

Question

Matul l-1999 kemm huwa maħsub li studenti universitarji Maltin jieħdu sehem fil-programm Socrates ta' l-Unjoni Ewropea? Matul l-1999 kemm huwa maħsub li se jkun hemm studenti Maltin li se jieħdu sehem fil-programm Leonardo ta' l-Unjoni Ewropea? Matul l-1999 kemm se jkun hemm skejjel primarji u sekondarji lokali li se jieħdu sehem fil-programm "Comenius" ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Dan hu suġġett għad-diskussjonijiet bejn is-Socrates Office tal-Universita' ta' Malta u s-Socrates Technical and Assistance Office ġewwa Brussels u ma' l-EU DGXXII. Meta dawn id-diskussjonijiet ikunu finalizzati, il-Ministeru ikun f'pożizzjoni biex jagħti l-figuri għall-mistoqsijiet magħmula.
Leg 9 PQ #708 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kunsilli skolastiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħadu sehem ġenituri fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli skolastiċi li għadhom kemm saru kemm fl-iskejjel primarji kif ukoll fl-iskejjel sekondarji: (1) bħala kandidati; (2) bħala votanti u x'kien il-persentaġġ tal-ġenituri kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li jeħtieġ ftit żmien ieħor biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Baħrija — Kaxxa ta' l-ittri

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal kaxxa ta' l-ittri fil-Baħrija biex ikunu jistgħu jinqdew in-nies ta' din il-lokalita' u ta' l-inħawi ta' madwarha?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kaxxa tal-ittri li kien hemm fil-Baħrija nqalgħet ftit taż-żmien ilu minħabba li l-bini fejn kienet il-kaxxa kellu jitwaqqa. Maltapost qed tfittex sit ieħor fejn tista titwaħħal il-kaxxa, u hu ttamat li din terġa titwaħħal fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #710 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu u qed jittieħdu biex jinstabu għalliema għal dawn is-suġġetti fil-qasam sekondarju: computing, fiżika, mużika, ġeografija, studji soċjali, art/craft, home economics u Spanjol li fihom għad għandna studenti bla għalliema f'dawn is-suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għal kull suġġett imsemmi fejn kien hemm applikanti, jew għal għalliema Regolari, jew Temporanji jew Supply Teachers, dawn ġew ikkontattjati mid-Dipartiment biex jimlew il-vakanzi f'dawn is-suġġetti. Saru wkoll u għadhom isiru intervisti biex jiġu ngaġġati Supply Teachers ġodda. Informat ukoll li d-Dipartiment xorta jibqa' jaċċetta applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' Supply Teachers peress li jeżisti avviż li kien ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern bla data ta' l-għeluq biex min hu interessat ikun jista' jissottometti l-applikazzjoni tiegħu f'kull suġġett li jkun ikkwalifikat fih. Fil-gazzetti lokali kollha, kull tant żmien id-Dipartiment jippubblika avviż biex ifakkar lill-pubbliku f'dan l-avviż. L-intervisti meħtieġa, jsiru appena jidħlu l-applikazzjonijiet id-Dipartiment.

Sigurta' Soċjali — Benefiċċji għall-mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jitħallsu l-benefiċċji għall-mard lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li beda s-sick leave tiegħu fit-12 ta' Frar, 1998 minħabba mard serju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna msemmija ġiet mogħtija l-Pensjoni ta' l-Invalidita' mis-17 ta' Ottubru, 1998. Il-ħlas dovut tal-Mard ta' qabel din id-data ġie kkalkulat u ser jirċievi benefiċċju għall-perjodu ta' meta kien fuq nofs paga u għal perjodu ta' meta kien bla paga. 9.11.98

Raħal Ġdid — Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru traffic lights fi Triq 28 ta' April, Raħal Ġdid peress li jeżisti periklu? Jekk se jitwaħħlu dawn it-traffic lights, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li turi fejn se jitwaħħlu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ser nirreferi s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant għal konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-traffiku.

Raħal Ġdid — Triq il-Karmnu - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jikkonsidra li ssir lampa fi Triq il-Karmnu, Raħal Ġdid?

Response (BONNICI, JOSEF)

Triq il-Karmnu, l-Fgura hija triq pjuttost twila u peress li l-Onor. Interpellant ma ndika l-ebda parti speċifika, il-Korporazzjoni Enemalta għamlet stima biex jiżdied id-dawl fl-imsemmija triq. Għaldaqstant din it-talba, flimkien ma' oħrajn, qed tiġi kkunsidrata.

Raħal Ġdid — Triq Sammat - Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux se jikkonsidra li jingħata asfalt ġdid fi Triq Sammat, Raħal Ġdid minn Triq it-Tarzna sa Triq Lampuka?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li Triq Sammat, li tinsab fil-qalba ta' Raħal Ġdid, hija diġa' asfaltata u kwalunkwe' xogħol ta' resurfacing irid isir mill-Kunsill.
Leg 9 PQ #720 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skolasport

Question

Mit-tweġiba mogħtija mill-Onor. Ministru dwar l-attendenza għal skolasport għal dan l-istaġun fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru tiegħi numru 217, jikkonferma l-Ministru li n-numru ta' dawk li jattendu l-iskolasport naqas fuq is-sena li għaddiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Apparti li l-figuri jitkellmu waħedhom, u apparti l-qawl magħruf dwar l-istatistika, informat li sa nhar il-Ħamis 5 ta' Novembru kien hemm 2628 applikazzjoni għal Skolasport. Informat ukoll li din il-figura tikkompara sew ma' dik tas-sena li għaddiet. Għalkemm ma hemm ebda ċifri uffiċjali dwar l-applikazzjonijiet tas-sena l-oħra, minn informazzjoni li nstabet fil-computer jidher li din iċ-ċifra kienet tammonta għal madwar 2500. Fil-fatt instabet kopja ta' dokument li juri li kienu gew ordnati 2500 tracksuit biex jitqassmu lit-tfal u lill-parteċipanti kollha. Barra minn hekk għadhom jintlaqgħu applikazzjonijiet għal xi dixxiplini u għalhekk għandi naħseb li ċ-ċifra tiżdied fil-ġranet li ġejjin. Ta' min isemmi li din is-sena kellna naffaċċjaw problema bin-nuqqas ta' coaches. Ħafna minn dawn il-coaches ma applikawx bħala protesta minħabba li l-kumpens għax-xogħol li wettqu ħaduħ ġimgħa biss qabel l-elezzjoni meta suppost kellhom jitħallsu f'Mejju jew Ġunju. Li ma kienx għal persważjoni minn uffiċjali tad-Dipartiment kien ikollna nuqqas akbar. Minħabba f'hekk kellu jiġi limitat in-numru ta' applikanti f'ċerti dixxiplini.
Leg 9 PQ #721 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Purtinari

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 218 dwar il-purtinari fl-iskejjel governattivi abbażi tan-numru ta' kmamar użati, jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-qagħda tal-purtinara vis-a-vis in-numru ta' kmamar użati skola skola għall-iskejjel governattivi kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #722 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Cash Registers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 216, ċioe' jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Nazzjonalista dwar il-cash registers b'memorja fil-qasam tal-kummerċ?

Response (DALLI, JOHN)

Ser nibqgħu mixjin bl-istess politika li mexa biha l-Gvern ta` qabel sa ftit gimgħat ilu. Infakkar lill-Onor Interpellant li aħna qatt ma tajna x`jifhem lill-ħadd li se jitneħħew il-cash registers.