Legislature:
Category:
Reset
Active:

INIA — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-ġranet li d-direttur ta' l-INIA kien nieqes minn Malta mill-ħatra tiegħu 'l hawn? Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti fuq iż-żjarat uffiċjali u jistax ipoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra? Kemm swew lill-INIA dawn iż-żjarat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward Mistoqsijiet Parlamentari numri 632, 633, 634, 635 u 636 l-informazzjoni għada qiegħda tinġabar. 9.11.98

INIA — Żjarat barrra minn Malta tad-direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il żjara għamel id-direttur ta' l-INIA barra minn Malta? Kemm minn dawn kienu żjarat uffiċjali, fejn saru u meta kienu? X'kienu l-għanijiet ta' kull żjara barra minn Malta? Jista' l-Ministru jgħid x'ħareġ konkretament minn kull żjara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward Mistoqsijiet Parlamentari numri 632, 633, 634, 635 u 636 l-informazzjoni għada qiegħda tinġabar. 9.11.98

Djar — Blokk tal-gvern - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jiddefinixxi l-politika tal-gvern dwar il-manutenzjoni tal-partijiet komuni fi blokk tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-politika tal-Gvern f'dan ir-rigward hi dik stabbilita f'Novembru ta' 1992, jiġifieri li r-responsabbilta' għall-manutenzjoni ġenerali ta' partijiet komuni hija dik tal-Gvern. Dawn ix-xogħolijiet jinkludu tibjid ta' tronob u intrajjet, tikħil tal-faċċati tal-blokki tal-'flats', tibdil jew tiswija ta' katusi tad-drenaġġ, tiswija fis-sistema tad-dawl u tibdil u tiswija ta' aperturi u 'meter cupboards' fil-komun. Xogħolijiet ta' natura żgħira huma r-responsabbilta' tar-residenti. Dawn jinkludu: t-taħlib tal-bjut, bdil ta' bozoz, hġieġ jew serraturi miksura u ż-żamma ta' l-indafa fl-intrajjet u turġien komuni. Sa l-1997 il-Gvern kien responsabbli ukoll għall-bdil tal-kanen komuni ta' l-ilma iżda wara l-'Budget' il-għadda, dan ix-xogħol beda jsir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma bla ħlas. 9.11.98

Mosta — Dar ta' l-anzjani

Question

Billi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 14 intqal li t-tibdil ta' l-istaff fid-dar ta' l-anzjani tal-Mosta sar minħabba traskuraġni, jista' l-Ministru jkun iktar ċar għal xiex qed jirriferi ħalli t-tajn li qed jintefa' ikun jista' jiġi ribattut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lil Onor. Interpellant għall-allegazzjoni ta' traskuraġni li saret mill-Assistenta Personali tiegħu fl-4 ta' Settembru, 1998 fuq l-istaff li jaħdem fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta. Fir-risposta tiegħi għall-mistoqsija Nru. 18 ma għidtx li kien hemm traskuraġni wara li sar l-istħarriġ meħtieġ. It-tibdil tal-istaff fid-Djar tal-Anzjani kollha qed isir skond l-esiġenzi tas-servizz. 9.11.98
Leg 9 PQ #640 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Bormla - Skola primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 207 relatata ma' xogħol fuq in-netting tal-ground ta' l-iskola primarja ta' Bormla, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħlijiet meħtieġa ġew fdati f'idejn id-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi tat-Taqsima tax-Xogħlijiet u dawn inbdew nhar il-Ġimgħa 30 ta' Ottubru 1998.

Sptar Monte Carmeli — Każ ta' anzjan

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jiġi trasferit mill-Isptar Monte Carmeli għal San Vinċenz de Paule, minħabba li m'hemmx lok li jibqa' fl-isptar fejn jinsab fil-preżent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-każ ta' din il-persuna biex jiġi trasferit mill-Isptar Monte Carmeli għal San Vinċenz de Paule qed jiġi kkunsidrat. 9.11.98
Leg 9 PQ #642 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti fil-Ministeru u fis-Segretarjat li ġew imqabbda wara l-elezzjoni tal-5 ta' Settembru, 1998? X'kondizzjonijiet għandhom, kemm qed jitħallsu u fuq liema suġġett ġew mitluba li jagħtu l-parir tagħhom flimkien mal-kwalifiki li għandhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 173 li ingħatat f'Seduta 6.

Sigurta' Soċjali — Foster Mothers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li foster mother tieħu benefiċċju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi li fejn tfal ikunu qegħdin jiffurmaw parti minn familja, inkluż dik ta' ġenitur waħdu, ir-rata ta' benefiċċju, għajnuna jew allowance li titħallas tieħu f'kunsiderazzjoni lil dawn it-tfal. Dan, irrispettivament mill-fatt jekk dawn ikunux ulied naturali, addottati, ulied ir-raġel jew il-mara minn żwieġ ieħor, jew barra miż-żwieġ, inkluż tfal orfni jew li jkunu qed jiġu 'fostered'. Il-qagħda ġenerali tal-'Foster Parents' qed tiġi mħarrġa fl-aspett sħiħ tagħħa, biex naraw jekk wasalx iż-żmien li nipprovdu leġislazzjoni 'ad hoc' li tkun aktar adattata għar-realtajiet soċjali li dawn il-familji jiffaċċjaw. F'dan is-sens ikun tajjeb jekk is-suġġett jitressaq għad-diskussjoni quddiem il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Soċjali. 9.11.98
Leg 9 PQ #646 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Żjajjar minn Ministri

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba saru żjarat fil-Ħabs minn Ministri mis-6 ta' Settembru 1998 'l hawn?

Response (BORG, TONIO)

Fis-16 ta' Ottubru, 1998, fl-okkażżjoni tat-tielet anniversarju li ġiet imwaqqfa is-'Substance Abuse Therapeutic Unit' (SATU), li hija parti mill-ħabs, saret quddiesa fil-kappella ta' l-Imtaħleb u wara sar riċeviment żgħir fil-kumpless tas-SATU li hemm fl-Imtaħleb, li kont mistieden għalihom u attendejt jien. 09.11.98
Leg 9 PQ #647 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarji Parlamentari

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tal-membri kollha tas-segretarjati privati ta' kull Ministru u kull Segretarju Parlamentari fil-karigi relattivi tagħhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet mogħtija minni b'risposti għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 81 u 290. Nerġa ntenni li f'dan l-istadju mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni mitluba għar-raġunijiet li ngħataw fit-tweġibiet imsemmija.

Anzjani — Dħul fi djar residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru pendenti għad-dħul fid-djar residenzjali għall-anzjani, dar b'dar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru pendenti għad-dħul fid-djar residenzjali għall-anzjani huwa kif jidher hawn taħt: San Vinċenz de Paule 672 persuna Msida 161 ' Floriana 59 ' Gżira 30 ' Żejtun 136 ' Mosta 55 ' Mtarfa 132 ' 9.11.98
Leg 9 PQ #649 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bordijiet/Kummissjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew kostitwiti bordijiet u kummissjonijiet mill-Gvern mill-elezzjoni 'l hawn u min huma?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li mill-Elezzjoni 'l hawn, fid-dikasteru tiegħi, ġew rikostitwiti is-Senior Appointments Advisory Committee u il-Kumitat tan-Nomini (Att dwar Ġieħ ir-Repubblika). Rigward Bordijiet u Kummissjonijiet oħra, nistieden lill-Onor Interpellant biex jirreferi il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministri responsabbli.
Leg 9 PQ #650 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ministeri/Segretarji Parlamentari — Konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min ġie maħtur bħala konsulent fil-Ministeri u Segretarji Parlamentari mit-8 ta' Settembru, 1998 sal-lum? X'inhi l-honorarium, allowance u jekk hemm xi benefiċċji oħra bħall-karozza jew ħlas tat-telephone/mobile eċċ għal kull konsulent?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li mit-8 ta' Settembru 1998 sal-lum ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt ta' ħatra ta' konsulent f'xi Ministeru jew Segretarjat Parlamentari.
Leg 9 PQ #651 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Kemm minnhom huma barranin? Kif inhuma mqassma fid-diversi divisions? Kemm minnhom qegħdin jistennew sentenza definittiva?

Response (BORG, TONIO)

Rigward l-ewwel, it-tieni u r-raba' partijiet tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 159 f'Seduta 6. Rigward it-tielet parti tal-mistoqsija, minħabba raġunijiet ta' sigurta', ma nħossx li t-tagħrif mitlub għandu jiġi magħmul pubbliku. 09.11.98

Iklin — Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru pelican lights u traffic lights fil-bypass ta' l-Iklin fejn regolarment jaqsmu l-pedestrians min-naħa għall-oħra ta' l-istess bypass?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat wara diskussjonijet mal-Kunsill Loklali ta' l-Iklin ser jiġu nstallati Pelican lights kif miftiehem.
Leg 9 PQ #656 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Assistent Segretarju

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid lil din il-Kamra min awtorizza lis-Sur Emmanuel Abela, Assistent Segretarju Privat tal-Prim Ministru biex jibgħat għall-impjegati taċ-Ċivil, li fl-amministrazzjoni preċedenti kienu jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u jagħmlilhom mistoqsijiet dwar jekk is-Sur Patrick Calleja kienx iltaqa' mal-Prim MInistru ta' l-amministrazzjoni preċedenti? Jista' l-Prim Ministru jgħidilna meta kienu l-ġranet li s-Sur Abela bagħat għal dawn l-impjegati taċ-Ċivil? Jista' l-Prim Ministru jgħidilna min kienu l-impjegati taċ-Ċivil li bagħat għalihom is-Sur Abela? Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra liema setgħat kien qed juża s-Sur Emmanuel Abela biex jibgħat għal dawn l-impjegati taċ-Ċivil?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Wara rapporti li dehru fl-istampa lokali fit-18 u 19 ta Ottubru 1998, fejn is-Sur Patrick Calleja ġie rrapurtat li qal li hu kien mar personalment f'Kastilja biex jagħti ittra lill-Prim Ministru Alfred Sant, is-Sur Emanuel Abela, li huwa d-designate Assistent Segretarju Privat tiegħi, kif kien fid-dover tiegħu li jagħmel skond il-position description tiegħu li tifforma parti minn dokument approvat mill-Kabinett u li jiena poġġejt kopja tiegħu fuq il-mejda ta' din il-Kamra fis-Seduta Parlamentari tat-2 ta' Novembru 1998, beda jieħu l-passi neċessarji sabiex tiġi lokaliżżata l-korrispondenza msemmija, fl-Uffiċċju tiegħi. Peress li minkejja dawn il-passi, l-ittra baqgħet ma nstabitx u peress ukoll li s-Sur Calleja kien ġie rrapurtat li qal li hu kien infurmat li l-ittra li hu kien kiteb lill-Prim Ministru Alfred Sant kienu għaddewha lill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Abela kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija fid-19 ta' Ottubru 1998 fejn talbu jibgħat kopja ta' din l-ittra lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fil-21 ta' Ottubru 1998, il-Kummissarju tal -Pulizija rrisponda lis-Sur Abela fejn infurmah li l-unika ittra miktuba mis-Sur Calleja li kien bagħatlu l-Prim Ministru Alfred Sant, kienet dik li ġġib id-data tat-22 ta' April 1998. Il-Kummissarju żied jgħid bl-aktar mod kategoriku li ħlief din l-ittra, ma kienet intbagħtitlu l-ebda ittra oħra ffirmata mis-Sur Patrick Calleja. Dan ġie kkonfermat ukoll permezz ta' Stqarrija għall-Istampa maħruġa fl-20 ta' Ottubru 1998 mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Kien għalhekk jirriulta f'dan l-istadju, li ittra li twasslet bl-idejn lill-Prim Ministru Alfred Sant u li allura kellha tinżamm fir-records uffijali ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kienet mitlufa. Kien jirriżulta wkoll li kopja ta' din l-ittra li allegatament kienet intbagħtet lill-Kummissarju tal-Pulizija, qatt ma waslet għand l-istess Kummissarju. F'dawn iċ-ċirkustanzi, d-designate Assistent Segretarju Privat tiegħi, li fost ir-responsabbiltajiet tiegħu għandu dik li jassigura li l-files u l-korrispondenza jgħaddu kif suppost għall-attenzjoni tal-Prim Ministru u li jieħu ħsieb ukoll iż-żamma u s-sigurta' ta' l-informazzjoni kollha kemm dik kunfidenzjali kif ukoll dik ta' rutina, kif kien fid-dmir tiegħu li jagħmel, kompla jipprova jiġbor l-informazzjoni meħtieġa billi kellem lill-persuni responsabbli fiż-żmien li allegatament waslet l-ittra. Fil-fatt fil-21 ta' Ottubru 1998, huwa kellem lis-Sur Vincent Piccinino li kien is-Segretarju Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant, dwar il-każ. Is-Sur Piccinino qal li ma kienx jiftakar li s-Sur Patrick Calleja qatt ġab xi ittra bl-idejn indirizzata lill-Prim Ministru jew lil xi uffiċjal ieħor fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li hu qatt ma ra lis-Sur Calleja fl-Uffiċċju msemmi. Żied jgħid ukoll li ma kienx jaf x'kienet il-proċedura li kienet tintuża kemm dam Segretarju Privat tal-Prim Ministru, dwar x'kien jiġri meta kienet tasal xi ittra bl-idejn. F'dan ir-rigward is-Sur Piccinino ssuġġerixxa lis-Sur Abela li jistaqsi lis-Sur Biagio Farrugia, li kien ic-Chief Messenger fis-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant. Is-Sur Abela ħa l-parir tas-Sur Piccinino u dak inhar stess kellem lis-Sur Biagio Farrugia li minn-naħa tiegħu qal li safejn kien jiftakar, is-Sur Patrick Calleja qatt ma ġab xi ittri bl-idejn fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fl -istess waqt pero, is-Sur Farrugia qal li s-Sur Calleja kien ġie darbtejn fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kellem lis-Sur Joe Borg, li dak iż-żmien kien l-Assistent Personali tal-Prim Ministru Alfred Sant. Is-Sur Farrugia żied jgħid li l-ewwel laqgħa tas-Sur Calleja mas-Sur Borg seħħet madwar xahar qabel l-elezzjoni li għaddiet, filwaqt li t-tieni waħda seħħet xi ġimgħa qabel l-istess elezzjoni. Fl-aħħarnett is-Sur Farrugia qal li ma jeskludix li s-Sur Calleja seta ġab xi ittra bl-idejn fl-assenza tiegħu, imma li f'dak il-każ din l-ittra kienet tkun rekordjata minn xi messġġier ieħor tas-Segretarjat Privat, f'reġistru li kien jinżamm apposta għal dan il-għan. Wara dan, is-Sur Abela fittex u fil-fatt sab żewġ reġistri ta' dan it-tip, li minn wieħed minnhom irriżulta li fid-9.15 am tat-18 ta' Awissu 1997, is-Sur Patrick Calleja kien ġab ittra indirrizata lill-Prim Ministru Alfred Sant. Ir-reġistru juri wkoll il-firma tas-Sur Patrick Calleja bħala l-persuna li kienet qed tikkonsenja l-ittra, kif ukoll il-firma tas-Sur Publius Gatt, messaġġier fis-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant, bħala l-persuna li rċeviet l-ittra. Barra minn dan, ir-reġistru juri wkoll li l-ittra ġiet referuta lis-Sur Vincent Piccinino, is-Segretarju Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant, li meta kien ġie mistoqsi mis-Sur Abela, kien qal li ma kienx jiftakar li qatt ra xi ittra li kienet ġejja mis-Sur Patrick Calleja. Fiż-żewġ reġistri ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta' xi korrispondenza oħra li waslet mingħand is-Sur Patrick Calleja. Minn dan kollu jidher biċ-ċar li s-Sur Emanuel Abela, d-designate Assistent Segretarju Privat tiegħi, qeda dmiru kif kien mistenni minnu bħala Uffiċjal Pubbliku, u li l-passi li ħa mhux biss kienu korretti għall-aħħar imma li wasslu biex jiġu stabbiliti fatti li ma kienux magħrufa qabel. Jidhirli li l-Kap ta' l-Oppożżizzjoni għandu jispjega x'sar minnha l-ittra jew ittri msemmija li rċieva bħala Prim Ministru u li ma nstabux.
Leg 9 PQ #664 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Interim From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Raħal Ġdid — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir id-dawl f'Paola Hill, Raħal Ġdid fejn kien sar il-proġett ta' ħdejn ir-roundabout ta' Sare'? Il-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid diġa' ħa ħsieb li jgħaddi l-pipes biex ma jkunx hemm problemi tat-traffiku?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.

Tarxien — Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru traffic lights jew pelican lights f'Luqa Raod, Ħal Tarxien quddiem il-Carters Supermarket?

Response (GALEA, ĊENSU)

Irreferejt is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant għall-konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-traffiku.

Djar — Isla

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, qed iġġiegħel lir-residenti ta' Triq il-Maċina, l-Isla biex jiffirmaw u joħorġu mill-Block? Jista' l-Ministru jgħid jekk din il-persuna taħdimx mal-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien ġejt infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant m'hijiex impjegata tal-Gvern. Id-dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali ma ħa ebda inizjattiva fis-sens imsemmi mill-Onor. Membru. 9.11.98
Leg 9 PQ #667 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qorti Ċivili — Mandati ta' qbid/dikriti

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li l-mandati ta' qbid u dikriti mill-Qorti Ċivili jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern bin-numri tal-karta ta' l-identita' u l-aħħar indirizz tad-debitur peress li dawn l-avviżi saru aktar spissi u billi hawn ħafna ismijiet, xorta sar diffiċli biex tkun taf jew tidentifika id-debitur? Fil-każ ta' kumpanniji jew partnerships, jista' jingħata wkoll in-numru tar-reġistrazzjoni? Dan is-suġġeriment jista' jfisser tibdil fil-liġi iżda naħseb li din l-emenda żgħira m'għandhiex tkun ta' ostakolu.

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jista ikun indikat li s-suġġerimenti tal-Onorevoli Interpellant jiġi riferit lill-Law Courts Advisory Committee sabiex dan ikun jista` jiddiskutihom fid-dawl ta` konsiderazzjonijiet oħra bħad-dritt għall-privatezza u r-riperkussjonijiet ta` natura amministrattiva li jista` jkun hemm bħala konsegwenza ta` tali bdil u sabiex wara l-istess Kumitat ikun jista` jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu fir-rigward.