Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #561 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxa fuq id-dħul — Manteniment f'każ ta' separazzjoni

Question

Għall-finijiet ta' ħlas ta' taxxa fuq id-dħul, jista' l-Ministru jgħid jekk jiġix imnaqqas il-manteniment f'każ ta' separazzjoni b'digriet tal-Qorti? Jitnaqqas ukoll il-manteniment f'każ ta' separazzjoni bonarja?

Response (DALLI, JOHN)

Skond l-Artikolu 14A ta`l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income (Kap. 123) mis-sena bazi 1996, meta individwu jagħmel ħlas għall-manteniment kif stabbilit mill-Qrati ta` Malta lill-parti miżżewġa lilu li ma tkunx baqgħet tgħix miegħu, dan jingħata tnaqqis kontra l-income tiegħu ekwivalenti għall-ammont attwalment imħallas skond l-ordni tal-Qorti. Ma jingħata l-ebda tnaqqis għall-manteniment f`każ ta` separazzjoni bonarja.

Mosta — Servizz ta' trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jara li fl-area magħrufa bħala Taż-Żokrija, fil-Mosta fejn hemm saħansitra Housing Estate ukoll, tibda tidħol il-bus route imqar f'xi ħin partikolari fil-għodu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li diġa' kienet ikkunsidrata l-possibilita' li mill-inħawi taż-Żokrija tibda' tgħaddi l-karozza tar-Rotta 47, iżda dan għadu mhux possibbli għax it-toroq li jwasslu lejn u 'l barra minn Taż-Żokrija għadhom ma' jagħtux il-possibilita' li jgħaddu minnhom il-karozzi tal-linja.

Furjana — Djar ta' l-anzjani

Question

Peress illi ntqal illi t-time frame ta' ftuħ ta' djar ta' l-anzjani fil-Furjana, hekk kif imfassal mill-Gvern Laburista, ma kienx se jintlaħaq, jista' l-Ministru jgħid x'azzjonijiet ġodda ttieħdu u jekk inbidilx il-kuntrattur sabiex jitħaffu l-affarijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm l-amministrazzjoni preċedenti kienet ippjanat il-ftuħ tad-Dar ta' l-Anzjani tal-Furjana f'April, 1999, kien jidher ċar li x-xogħol ta' kostruzzjoni waqa' lura bil-konsegwenza li żamm xogħol ta' kuntratturi oħra. Għalhekk inħass il-bżonn li jinbidel il-kuntrattur tal-ġebel. Dan il-proġett huwa kollu f'idejn il-'Welfare Committee'. Qiegħed isir kull sforz biex din id-Dar tinfetaħ mill-aktar fis possibbli. 9.11.98

Anzjani — Day Centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu Day Centres għall-anzjani ġodda u jekk fl-affermattiv, kemm u fejn? Peress illi l-Kunsill Lokali ta' l-Imtarfa kien għamel talba sabiex Casa Notabile tiġi wżata bħala Day Centre, il-Ministru l-ġdid għandu ħsieb li jonora din it-talba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iva, hemm il-ħsieb li jinfetħu tlett 'Day Centres' għall-Anzjani ġodda wara li jsiru d-diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali rispettivi. Il-Kunsill Lokali ta' l-Imtarfa ma jeżistix u għalhekk ma għamel l-ebda talba sabiex Casa Notabile tiġi użata bħala 'Day Centre' 9.11.98

Birkirkara — Triq fil-bypass

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li triq fil-bypass ta' Birkirkara quddiem l-Isptar ta' Tal-Qroqq, li preżentement tinsab magħluqa, tibda tkun aċċessibbli għat-traffiku għal quddiem il-Price Club? Jikkonsidra l-Ministru li sakemm din it-triq tinfetaħ bħala one-way traffic tkun qegħda tnaqqas it-traffiku minn dħul wieħed biss għal area ta' ħafna residenti li joqogħdu f'dawk l-inħawi partikolarment ukoll għall-iskola ta' St. Martin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li lt-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant ingħalqet meta parti minnha waqgħet, u wara nbniet il-mina l-ġdida għal ġo l-Universita'. Kif inhi s-sistema tat-traffiku llum, mhux il-każ li din it-triq tinfetah peress illi jkun hemm wisq aċċessi mit-triq prinċipali li jistgħu jfixklu lil min ikun qed juża dawn it-toroq.
Leg 9 PQ #568 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Żebbuġ — Triq il-Kandlora - Esproprjazzjoni ta' art

Question

Jista' l-Ministru jinformani meta se toħroġ l-esproprjazzjoni ta' biċċa art fi Triq il-Kandlora, f'Ħaż-Żebbuġ, meta jiġi kkonsidrat il-fatt li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi diġa' għamel użu minnha (Ref. Lands 400/97)? Kemm hi l-istima ta' din l-art u meta hemm il-ħsieb li d-Dipartiment ta' l-Artijiet jirregolarizza l-pożizzjoni ma' l-ex sidien tagħha?

Response (BORG, TONIO)

L-esproprjazzjoni ta' l-art fi Triq il-Kandlora, Ħaż Żebbuġ, ser tiġi ppublikata fuq il-gazzetta tal-Gvern fi żmien qasir. Peress li s-sidien ta' l-art għadhom ma ġewx stabbiliti, ma nħossx li huwa prudenti li ngħid kemm hi l-istima qabel ma jiġu nfurmati b'dan is-sidien. Wara li l-esproprjazzjoni tiġi ppublikata, d-Dipartiment ta' l-Artijiet jibda l-proċess biex isiru r-riċerki sabiex jiġi aċċertat ta' min hi l-art. Susseġwentement, dawn jiġu mgħarrfa bil-prezz, u jekk jaċċettaw, ikun jista' jsir il-kuntratt. 09.11.98
Leg 9 PQ #569 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Żebbuġ — Trejqa magħrufa Tal-Ħandaq

Question

Jista' l-Ministru jinformani fuq liema kriterji konkreti d-Dipartiment ta' l-Artijiet ħareġ l-offerti ta' Trejqa pubblika fil-limiti ta' Ħaż-Żebbuġ magħrufa Tal-Ħandaq (Ref LD 96/98)? Jaf il-Ministru li din it-trejqa ingħalqet b'xatba mingħajr il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u sidien ta' għalqa ma jistgħux jagħmlu aċċess għal proprjeta' tagħhom? Jikkonsidra l-Ministru li offerta bħal din kienet ultra vires u għalhekk għandha tiġi terminata minnufih?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 09.11.98

Bdiewa — Arretrati

Question

Jista' l-Ministru jindaga għaliex il-bdiewa ma ġewx rifużi bl-ammont ta' flus ta' nofs il-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali dovut lilhom? Kemm huwa l-ammont ta' arretrati li għandhom jieħdu l-bdiewa u ta' kemm żmien ilhom pendenti dawn l-arretrati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Risposta għal did id-domanda tingħata f'xi seduta oħra peress li għad qed tiġi miġbura l-informazzjoni kollha meħtieġa.
Leg 9 PQ #571 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Żebbuġ — Għassa tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-għassa tal-pulizija ta' Ħaż-Żebbuġ qiegħda tkun magħluqa f'diversi ħinijiet tal-ġurnata u anke matul il-lejl? Jikkonsidra l-Ministru li f'dan il-lokal ta' aktar minn 12,000 resident għandu jkun hemm żieda ta' pulizija li jkun possibbli li almenu kuntistabbli jkun preżenti l-ħin kollu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-għassa ta' Ħaż-Żebbuġ qed tkun miftuħa fuq bażi regolari u tingħalaq meta l-pulizija li jkun għassa jkun meħtieġ fuq xi xogħol barra. Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ġie nnotat u ser jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-riżorsi disponibbli. 09.11.98
Leg 9 PQ #572 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Xogħlijiet Pubbliċi — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi (fid-distrett ta' Ħaż-Żebbuġ) li ġew trasferiti bħala watchmen: 1) fiċ-ċimiterju ta' Sant'Andrija, Ħaż-Żebbuġ; 2) fil-ġnien indipendenza, f'Siġġiewi Road, Ħaż-Żebbuġ; fil-ġnien ta' l-infetti fi Triq Lorenzo Gafa', f'Ħaż-Żebbuġ? Jista' l-Ministru jgħid meta dawn il-persuni ħadu l-appointment ta' watchman? Minn liema data? X'inhuma l-ħinijiet li jaħdmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li madwar sena ilu, id-distrett ta' Ħaż-Żebbuġ irċieva ordni mill-Ministeru biex ħaddiem partikolari jiġi trasferit bħala watchman fiċ-Ċimiterju ta' Sant' Andrija, Ħaż-Żebbuġ. Dan għadu jattendi f'dan iċ-Ċimiterju għax-xogħol. Il-ħinijiet li jaħdem huma dawk normali bħall-impjegati l-ohra, jiġifieri, bejn is-7.00 ta' filgħodu u l-4.45 ta' filgħaxija kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa. L-ebda appointment ta' watchman ma ġie mogħti lil dan l-individwu għaliex għandu grad ogħla minn watchman.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid għandux il-ħsieb li jikkonsidra każ gravi ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex tingħata post alternattiv, peress li din il-persuna tinsab f'pożizzjoni kerha u għandha problemi kbar li jistgħu jwasslu għal separazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 9.11.98

Impjiegi — Social workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna social workers f'pajjiżna u f'liema aġenzija jew entita' qegħdin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' 'Social Workers' li hemm f'dawk id-Dipartimenti u Aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi huwa kif jidher hawn taħt: Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja - 33 Programm Ħidma Soċjali (SWDP) - 32 Sedqa - 11 Dipartiment għall-Kura ta' l-Anzjani - 8 Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi - 1 Adult Training Centres - 2 Fil-każ tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja, tlett 'Social Support Workers' qegħdin 'on loan' mad-Dipartiment għall-Kura ta' l-Anzjani, żewġ 'Casual Welfare Officers' qegħdin 'on loan' fl-Isptar Monte Karmeli u ħamsa fl-Isptar San Luqa. Irrid inżid li l-Ministeru tiegħi għad m'għandux informazzjoni dwar in-numru ta' 'Social Workers' li hemm jaħdmu ma Dipartimenti oħra tal-Gvern u ma għaqdiet mhux Governattivi. 9.11.98

Fgura — Tiswija ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir it-tarmak fi Triq Dome, il-Fgura il-parti l-ġdida n-naħa ta' Ħal Tarxien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li bħalissa qed isir xogħol inkonnessjoni mal-provista ta' l-ilma f'din it-triq peress li r-resurfacing ser isir mill-Kunsill.

Fgura — Triq Hompesch

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tieni parti tax-xogħol fi Triq Hompesch, il-Fgura huwiex se jsir? Jekk iva, meta se jibda?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li x-xogħol fuq l-ewwel parti ta' triq Hompesh għadu kemm tlesta din is-sena u għalkemm it-tieni fażi ser issir, ix-xogħol fiha irid bilfors isir wara li jitlesta xogħol simili li nbeda f'lokalitajiet oħra.

Djar — Akkomodazzjonijiet alternattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuni li isimhom qed jintbagħat taħt separate cover, se jiġu allokati fond alternattiv peress li dawn il-persuni għandhom żewġt itfal u spiċċaw fit-triq u peress li ma setgħux ilaħħqu mal-kera tal-fond li kienu jgħixu fih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuni indikati fil-mistoqsija ġew allokati post ieħor f' Ġunju 1998. 9.11.98

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament se tiġi allokata fond alternattiv peress li din il-persuna tgħix ġewwa l-fond indikat li jinsab f'ħafna periklu peress illi x-xorok waqgħu u li tant hemm spejjeż li m'hemmx skop li jiġi rranġat? Jaf il-Ministru li din il-persuna hi separata u għandha tifel żgħir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata ġiet ikkanċellata peress li l-applikanta naqset li tirrispondi kwestjonnarju li ntbagħtilha. 9.11.98

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'opportunitajiet hemm li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, tiġi rikonoxxuta fil-fond indikat peress li din il-persuna ilha ħafna tgħix hemm ma' oħtha li llum ġiet allokata fond ieħor mid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi dak li qed jitlob l-Onor. Interpellant ma jistax isir għax il-post li tiegħu qed titlob rikonoxximent il-persuna indikata mhux f'idejn il-Dipartiment. 9.11.98

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, se tiġi allokat fond alternattiv peress li l-fond fejn tgħix din il-persuna tant hu fi stat perikoluż li s-saqaf qed jaqa' fuq il-familja tagħha u l-gallerija se taqa' l-aħħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment għall Akkomodazzjoni Soċjali. 9.11.98

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament se tiġi allokata fond alternattiv peress li din il-persuna ilha snin sħaħ tapplika għal fond peress li tinsab homeless? Jaf il-Ministru li kienu wegħduha xi proprjeta' pero' din ingħatat lil ħaddieħor li kien ġie evakwat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 9.11.98

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'opportunitajiet hemm li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, tiġi rikonoxxuta fil-fond indikat peress li din il-persuna ilha snin twal tgħix hemm ma' familja li llum irritornat iċ-ċwievet lill-Housing?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi dak li qed jitlob l-Onor. Interpellant ma jistax isir għax mhux veru li l-persuna ndikata kienet ilha toqgħod fil-post. 9.11.98