Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' tobba veterinarji li fil-mument jaħdmu mad-Dipartiment tas-Servizz Veterinarju? Kemm minnhom huma barranin jew fuq bażi ta' kuntratt? X'sezzjonijiet ta' tjur, annimali eċċ huma responsabbli tabib, tabib u min huwa d-direttur fosthom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kemm in-numru kif ukoll kull responsabbilita tal-Veterinarji impjegati mal-Gvern fuq bażi permanenti jew kontrattwali, huma l-istess bħal meta kien hu responsabbli għall-istess Ministeru, jiġifieri kif ġej:
Dr C L Vella Direttur
Dr A Gruppetta Senior Vet Surgeon inkarigat mill-Biċċerija u mill-industrija tal-majjali
Dr F Galea Inkarigat minn Għawdex
Dr S Chircop Inkarigat mill-Veterinary Diagnostic Laboratory
Dr A Casha Inkarigat mill-Akkwakultura u mill-mard tan-Naħal
Dr A Vella Inkarigat mill-Veterinary Drugs Formulatory u mill-industriji tal-fniek u t-tjur
Dr M Vella Inkarigat mill-Epidimiology u l-industrija tal-prodotti tal-ħalib.
Dr M Buttigieg Inkarigat mill-Animal Health u mill-Control Programme
Dr R Balbo Inkarigat mill-ispezzjoni tal-laħam.
(Barrani fuq kuntratt)
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienu n-numru ta' fabbriki u azjendi eċċ. li matul dawn l-aħħar għaxar snin kellhom jagħlqu minħabba problemi ekonomiċi jew oħrajn? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom kawża ta' dawn il-problemi? Liema minn dawn l-azjendi għadhom m'onorawx il-pagament dovut lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għall-bolla tas-sigurta' soċjali li parti minnha diġa' tkun tħallset mill-ħaddiema rispettivi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni dwar kemm għalqu fabbriki u azjendi f`dawn l-aħħar għaxar snin u kemm ħaddiema tilfu l-impjieg tagħhom mhijiex immedjatament aċċessibbli. It-tweġibiet għalhekk jingħataw f`seduti oħra wara li l-MDC tkun ġabret l-informazzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta'ħaddiema impressed mal-Ministeru tal-Biedja u Sajd u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' dan il-ministeru? Meta dawn se jsiru tal-post u x'salarji, ċioe'xi skala fiċ-ċivil se jkollhom? Fuq liema bażi ta' seniority se jkunu rikonoxxuti dawn il-ħaddiema?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' ħaddiema impressed mal-Ministeru tal-Biedja u Sajd u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' dan il-Ministeru għadu ta' 45 kif kien sal-5 ta' Settembru 1998. S'issa dan il-Ministeru għadu ma rċieva ebda struzzjonijiet ġodda dwar l-imsemmija ħaddiema.
Aktar dettalji dwar il-posizzjoni u l-kundizzjonijiet ta' dawn il-persuni jitħabbru aktar tard meta il-Gvern jibda jattwa din il-wegħda elettorali li permezz tagħha dawn l-impressed drivers ser isiru tal-fiss.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' annimali u tjur li fil-preżent hemm fil-farm fl-Għammieri u li qed jintużaw għall-programm edukattiv "Ngħożżu l-Biedja"? Dan il-programm se jitkompla? Jekk iva, huwa mistenni li jkomplu jsiru xi ameljoramenti bħal per eżempju, irranġar tat-toroq fejn jiffrekwentaw l-istudenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-annimali u t-tjur li hemm fil-preżent fil-farm l-għammieri li primarjament huma għal skop ta' riċerka u żvilupp qegħdin jintużaw għall-programm edukattiv - Ngħożżu l-Biedja -. Dawn huma :-
Bovini 73
Caprini 168
Ovini 11
Tjur 737
Fniek 114
Equini 20
Llama/Monkey/Pigmy Goats 8
Dan il-programm qiegħed jitkompla u fejn hemm bżonn qiegħed isir xi meljorament.
Rigward it-toroq, huwa ppjanat li dawn jitranġaw wara li jsiru xi xogħolijiet li hemm bżonn isiru qabel, bħal network tal-computer li x-xogħol fuqu beda, u l-elettriku. Napprezza li l-Onor. Interpellant huwa konxju mill-istat ħażin li tħallew fih it-toroq fil-farm ta' l-għammieri mill-Ministeru li Onor. Interpellant kien responsabbli għalih.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-tunellaġġ tal-produzzjoni lokali tat-tadam għall-industrija f'dak ta' l-għasir matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? X'kien il-prezz għall-bdiewa matul l-istess perijodu u kemm kienet f'ċifra ta' flus, is-somma li l-bdiewa kollettivament irċevew?
Xi prezz garantit u sussidjat se jingħataw dawn il-bdiewa kemm-il darba Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat li l-produzzjoni tat-tadam għall-għasir matul dawn l-aħħar ħames snin kienet hekk:
SENA TUNNELLATI
___________________ ______________________
1994 9,045
1995 7,269
1996 10,245
1997 7,335
1998 8,000(Stima)
Il-prezzijiet minimi għall-bdiewa kif stabbiliti mid-Direttur tal- Agrikoltura kienu hekk:
GħALL-PRODUZZJONI TAL-KUNSERVA GħALL-PRODUZZJONI TAL-POLPA U PELAT
_________________________________________ _______________________________
1994 6c/kg 8c/kg
1995 7c/kg 9c/kg
1996 7c/kg 9c/kg
1997 7c/kg 9c/kg
1998 7c/kg 9c/kg
Id-dħul tal-bdiewa kollettivament kien hekk:
1994 LM633,150
1995 LM581,520
1996 LM819,600
1997 LM586,800
1998 LM640,000(St ima)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-organizzazzjoni tas-suq tal-ħxejjex u frott fl-Unjoni Ewropeja, bħala parti mir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni ma hix ibbażata fuq prezz garantit iżda fuq għajnuna diretta lill-għaqdiet tal-bdiewa u lill-għassara li jixtru il-prodott minn għand għaqdiet tal-bdiewa.
Din l-għajnuna tvarja skond l-importanza tal-produzzjoni tat-tadam fil-pajjiżi individwali u għaldaqstant hija suġġetta għal negozjati mall-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropeja. Fuq din il-bażi, il-Gvern ta' kull pajjiż ikun jista jiffissa prezz minimu għall-bdiewa tiegħu. Minħabba l-importanza tal-produzzjoni tat-tadam f'Malta, jiena fiduċjuż li l-għajnuna f'dan is-settur tkun ta' benefiċċju kbir għall-bdiewa Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħatru diretturi fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Min huma?
Xi kwalifiki għandhom?
Fuq liema kriterji ngħataw il-ħatra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma nħatru l-ebda diretturi fid-dekasteru tas-Saħħa mill-5 ta' Settembru 'l hawn
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħatru diretturi fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Min huma?
Xi kwalifiki għandhom?
Fuq liema kriterji ngħataw il-ħatra?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Mill-5 ta' Settembru 'l hawn, ma nħatar l-ebda direttur fid-dikasteru tieghi.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru 1998 s'issa?
Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni?
Min akkumpanjah għal kull safra?
Kemm swiet kull safra?
Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Membru li, mill-5 ta' Settembru 1998 s'issa, m'għamilt l-ebda safra fuq dmirijiet uffiċjali.
9.11.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru 1998 s'issa?
Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni?
Min akkumpanjah għal kull safra?
Kemm swiet kull safra?
Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?
Response (GALEA, LOUIS)
(a) Darba.
(b) Granada, Spanja
Award Presentation Ceremony ta' l-Aga Khan Award for
Architecture u Seminar dwar l-arkitettura kontemporanja
kif imfissra mix-xogħlijiet tas-seba' rebbieħa tal-
premju li saru fid-9 u l-10 ta' Ottubru, 1998.
(c) Ħadd.
(d) In-nefqa tal-Gvern Malti kienet ta' 25,000 pesetas,
jiġifieri madwar Lm68. Ma' dan, wieħed għandu jgħodd
l-ispiża tat-titjiriet u t-taxxi ta' l-ajruport li
globalment ammontaw għal Lm344.25,0.
(e) In partikolari mal-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura
ta' Spanja dwar kwestjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma'
l-edukazzjoni u kultura kif ukoll dwar kwestjonijiet
bilaterali. Ma' l-Aga Khan dwar kollaborazzjoni bejn
Malta u l-organizzazzjoni li għaliha hu responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru, 1998 s'issa?
Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni?
Min akkumpanjah għal kull safra?
Kemm swiet kull safra?
Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?
Response (DALLI, JOHN)
Mill-5 ta` Settembru s`issa l-Ministru tal-Finanzi siefer darba. Il-Ministru mar Washington għall-laqgħa tal-International Monetary Fund u l-World Bank. Il-Ministru kien ikkumpanjat mis-Sur J. Portelli, Segretarju Permanenti fil-Ministeru. L-ispiża tas-safra għada ma ġietx iffinalizzata.
Din is-safra kienet ippjanata mill-Ministru ta` qabel li kien ippjana li jmur ukoll Ottawa għall-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-Commonwealth.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru 1998 s'issa?
Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni?
Min akkumpanjah għal kull safra?
Kemm swiet kull safra?
Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħala Ministru għall-Ambjent mill-5 ta' Settembru 'l hawn kelli stedina mill-Ambaxxata ta' l-Istati Uniti fejn mort Sigonella u wara abbord il-USS Eisenhower u rritornajt lura Malta fl-istess jum. Jien kont akkumpanjat mis-Sur Robert Engerer. Ma kien hemm ebda spejjeż involuti f'din is-safra. Jien kont imdawwar mal-USS Eisenhower mill-Captain H.D. Starling II u mir-Rear Admiral Scott Fry.
Barra minnhekk, bejn is-6 u t-8 ta' Novembru 1998 mexxejt delegazzjoni f' Ruma u f'Bologna ghal taħdidiet rigward 'waste management', kif ukoll rigward proġett ta' konservazzjoni u riabilitazzjoni ta' diversi siti storiċi f'pajjiżna.
Id-delegazzjoni Maltija kienet tinkludi lill-perit Vincent Cassar, Direttur Generali, Taqsima tax-Xogħlijiet, il-perit Kevin Gatt Assistent Personali u Charles Callus Communications Co-ordinating Officer fil-Ministeru. Ingħaqad ukoll mad-delegazzjoni Maltija il-Professur Alex Torpiano biex jirrappreżenta l-Universita' ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid min hu nkarigat mix-xogħol amministrattiv u segretarjali tal-Monitoring Board ta' l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin?
Peress li dan il-board kien jitkellem ħafna dwar il-bżonn ta' persuna kwalifikata fulltime biex tieħu ħsieb dan l-uffiċċju, min qed jagħmel dan ix-xogħol bħalissa u xi kwalifiki għandha din il-persuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-persuna li kienet tagħmel ix-xogħol amministrattiv tal-Board ħalliet il-kariga x-xahar li għadda, ix-xogħol ġie assunt temporanjament miċ-Chairman tal-Bord Dr Paul Heywood, mgħejjun mis-Sur Charles Galea Scanura (Assistent Direttur) membru ieħor tal-Bord. Il-persuna li ġiet mitluba tassumi l-inkarigu biex tieħu ħsieb l-uffiċċju issa hi Rev. Dr Nicholas Aquilina (Educational Officer, Non-State School).
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru transfers fid-dikasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? F'liema dipartimenti saru t-transfers? Minn fejn u għal fejn saru dawn it-transfers?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni barranin li kienu Malta llegalment mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Kemm kienu maqbuda mill-ewwel ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? X'kienu l-etajiet tagħhom u minn fejn kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn il-5 ta' Settembru, u t-30 ta' Ottubru, 1998, inqabdu 30 persuna barranija li kienu Malta illegalment, filwaqt li din is-sena, sat-30 ta' Ottubru, inqabdu 389. Minn dawn 30 kienu nisa, filwaqt li 359 kienu rġiel. L-etajiet kienu jvarjaw bejn 15 u 48 sena.
It-tagħrif dwar minn fejn kienu ġejjin dawn il-persuni hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni mressqa l-Qorti din is-sena mill-pulizija? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Għal liema reati tressqu?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni taħt is-16-il sena li tressqu l-Qorti din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul din is-sena, sas-26 ta' Ottubru, tressqu l-Qorti, 146 persuna taħt is-sittax il-sena fuq diversi reati, fosthom serq, frodi, ħsara volontarja, ksur tal-bon ordni, drogi, atti mmorali, ksur tar-regolamenti tat-traffiku u dħul f'postijiet ta' divertiment.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li ma ħallsux il-liċenzja tal-vettura tagħhom? Għaliex qed jintbagħtu pulizija d-dar ta' dawn il-persuni biex iħeġġuhom iħallsu dawn il-liċenzji minflok qed jintbagħat avviż bil-posta? Għaliex il-pulizija għażlet li ma tieħux passi fil-Qorti kontra dawn il-persuni li wħud minnhom ilhom ma jħallsu l-liċenzja għal żmien twil?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferiha lill-Ministru konċernat.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi din il-proċedura ġiet introdotta fl' 1997.
Ninsab infurmat ukoll li din il-proċedura nstabet li hi aktar effettiva minn avviż mibgħut bil-posta qabel ma jittieħdu passi bil-Qorti kontra dawk li jippersistu li ma jħallsux.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qiegħed isir fis-sit ta' Deutsche Welle fi Xrob l-Għaġin mill-ħaddiema tal-gvern, huwiex kopert bil-permessi meħtieġa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Jien nfurmat li saret spezzjoni u rriżulta li x-xogħol li kien qed isir jikkonsisti biss f'bini ta' parti mill-'boundary wall' li kien ġie mwaqqa' u li jdawwar id-Deutsche Welle. Dan jikkonsisti f'10 piedi u 9 filati għoli. Dan hu parti minn xogħol ta' 'maintenance'.
Mhux mistenni li għandu jsir aktar xogħol.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ix-xogħol fit-toroq fl-area magħrufa bħala Tal-Ħniena, fil-Qrendi li nbeda f'Awissu ta' din is-sena issa twaqqaf u ma tkompliex?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li x-xogħol fl-area tal-Ħniena, l-Qrendi waqaf reċentament peress illi l-Korporazzjoni għas-servizzi ta' l-Ilma qiegħda tistenna li jasal l-materjal għal 'House Connections' minn barra l-pajjiż.
Ix-xogħol ser jitkompla hekk kif is-servizzi ta' taħt l-art ikunu lesti. Sfortunatament dan hu każ ieħor fejn ix-xogħol li nbeda' ma' kienx koordinat bejn kulħadd, bil-konsegwenza li x-xogħol kellu jieqaf.