Wara l-inċident ikrah li kellu d-dar meta ħaraq lilu nnifsu l-anzjan, li ismu qiegħed jintbagħat separatament, jista' jiġi aċċettat fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Meta hemm ċans li jiddaħħal hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Każ ta' din il-persuna biex jiġi aċċettat ġewwa ir-Residenza San Vinċenż de Paule, qed jiġi kkunsidrat.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta kienet l-ogħla domanda għall-enerġija elettrika (maximum peak demand)? Jista' jgħid kemm kienet id-domanda f'din l-okkażjoni? Jista' jgħid f'liema ħin kienet din id-domanda? Kemm kienet is-surplus capacity dak inhar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol tal-persuni li jaħdmu fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, li isimhom qed jintbagħat separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Iż-żewġ persuni msemmija ma jaħdmux fil-Ministeru. Bħalissa qed nikkonsultahom fuq bażi bla ħlas kull meta nħoss il-bżonn, dwar materji li għalihom il-Ministeru hu responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx tobba biżżejjed fil-Health Centres? Jekk iva, għaliex qiegħed ikun hemm queue ta' nies jistennew l-aktar bejn it-8.00 a.m. u l-10.00 a.m.? Jekk le, x'inhu jagħmel il-Ministru biex tiġi solvuta din il-problema?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-preżent in-numru ta' tobba li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa huwa inqas minn dak stabbilit u dan huwa stat li ilu għaddej għal numru kbir ta'xhur. Minn barra li qed isir kull sforz biex jigu ngaġġati tobba iżjed, kemm fuq bażi full-time kif ukoll part-time, id-Dipartiment bħal issa għaddej b'diskussjonijiet mal-Assocjazzjoni Medika u mal-Kullegg tat-Tobba tal-Familja dwar riforma sħiħa fil-qasam tal-Kura Primarja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir trasport għall-istudenti li joqogħdu fi Triq Dun Karm Sant, Triq Ħal-Luqa, Triq Bir Għelliem, Triq il-Ġdida, Triq il-Knisja, Triq G. Tanti, Triq G. Faure', Triq il-Palma, Market Place, Triq A Randon, Simmons Avenue, Triq Carmel, Triq Santu Wistin, Triq Xintill, Tarxien għall-iskola sekondarja Ġuże' D'Amato, Raħal Ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li jeżisti trasport minn Ħal Tarxien lejn l-iskola Ġuże' D'Amato, Raħal Ġdid, għal dawk it-tfal li joqogħdu 'l bogħod mill-iskola minn ħdejn in-naħat ta' Bulebel, Triq il-Palma, Triq Ħal Luqa u minn ħdejn il-Knisja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern ġeddidx il-ftehim bħala konsulent mużikali li kellu l-Professur Charles Camilleri mas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-kultura gvern preċedenti? Jekk fin-negattiv, fuq liema bażi? Dan ġie sostwit b'ħaddieħor? Jekk fl-affermattiv, minn min u fuq liema kriterji?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ġejt informat li d-Dipartiment tal-Kultura qatt ma kellu ftehim miktub bħal dak li qed isemmi l-Onor. Membru, qed nindaga aktar biex nara fejn hu dan il-ftehim mal-Kompożitur Malti l-Professur Charles Camilleri li lejh għandi stima kbira.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u x'inhi r-raġuni għat-tneħħija tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli
Membru għat-tweġiba li tajt għal-Mistoqsija Numru 649 fid-9
ta' Novembru 1998.
Ma jidhirlix li għandi nsemmi r-raġunijiet għaliex ċerti
persuni jitneħħew minn fuq Bordijiet. Huwa d-dritt ta' kull
Gvern li skond ma jidhirlu hu, jaħtar nies kompetenti li
jkollu l-fiduċja fihom u li huma l-iżjed addattati biex iservu
fuq Bordijiet partikolari.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u r-raġuniiet għat-tneħħija tagħhom?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-Bord ta' Kunsilliera fil-'Voice of the Mediterranean', li jaqa' taħt ir-responsabbilta', għadha l-istess kif kienet qabel Settembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u x'inhuma r-raġunijiet għat-tneħħija tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-każ tal-Ministeru għall-Politika Soċjali, l-uniku Bord li ġie rikostitwit kien il-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar, u dan wara li l-Bord preċedenti kien skadielu t-terminu tiegħu. Il-Bord il-ġdid hu magħmul minn:
Ms Marisa Micallef Leyson - Chairperson
Dr Joseph Azzopardi LL.D. - Member
Mr Carmel Esposito - '
Mr Tonio Fenech - '
Dr George Grech MRCS (Eng.),
LRCP (Lond) - '
Mr Anton Valentino BA (Arch.)
B.Arch.(Hons).A&CE - '
Ms Sue Vella M.SC., BA (Hons)
Psych.Dip.App.Soc.Stud. - '
Kif wieħed jista' jara, tlieta mis-seba' membri tal-Bord preċedenti ġew ikkonfermati fil-ħatra tagħhom.
Irrid ngħid ukoll li, fil-każ tal-Bord tal-Ko-operattivi, nħatar 'Chairman' ġdid wara li ċ-'Chairman' tal-Bord preċedenti rriżenja b'mod definittiv.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u x'inhuma r-raġunijiet għat-tneħħija tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-bordijiet li nħatru s'issa fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'l hawn huma:
IL-KUMITAT FESTIVAL TAL-KANZUNETTA MALTIJA / KANZUNETTA GĦALL-EWROPA
Chairman Mr Gaetano Abela
Membri Mr Robert Abela
Mr Anthony Bezzina
Mr Ciarlo' Bonniċi
Mr Felix Busuttil
Mr Ray Cassar
Mr Franz Fenech
Ms Rosette Fenech
Mr Ray Mangion
Ms Denise Mintoff
Rapp. tal-PBS Mr Ivan Camilleri
Mr Charles Flores
Mr Andrew Psaila
Segretarju Mr Robert Cefai
In-nomina hi b'effett mit-30 ta'Ottubru 1998.
IL-BOARD TAL-COMMONWEALTH SCHOLARSHIPS U FELLOWSHIPS
Chairman Dr Joseph Pace Asciak
Membri Ms Angela Callus
Prof. Peter G. Xuereb
Ms Yvonne Pulis
Ms Maryanne Lauri
Mr Andrew Buhagiar
Mr Joseph Sammut
Mr Michael Żammit
Prof. Charles Pule'
Segretarju Mr Danny Gatt
In-nomina hi b'effett mit-13 ta'Ottubru 1998.
IL-KUMITAT TA' TMEXXIJA TAL-MALTA RACING CLUB
Chairman Mr Paul Midolo
Rapp. tal-Gvern Mr Mario Meli
PRO Ms Simon Żammit Endrich
Membri Ms Brigitte Balzan
Mr Charles Borg
Mr Dione Drago
Mr Charles Farrugia
Mr George Fenech
Mr Emanuel Pace
Mr Piju Saliba
Segretarju Mr Alfred Ciangura
In-nomina hi b'effett mit-23 ta' Settembru 1998.
It-tiġdid jew rikostituzzjoni ta' Bordijiet / Kumitati Governattivi hi prassi normali ma' bidliet ta' l-amministrazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u x'inhuma r-raġunijiet għat-tneħħija tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
L-ebda Bord ma kien rikostitwit jew imġedded mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali `l hawn.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi rranġata biċċa minn Triq Dawret ix-Xatt fix-Xgħajra ('il ġewwa mill-Milord) li qiegħda tkun ta' nkonvenjent kbir lir-residenti? Jista' l-Ministru jikkonsidra li almenu titwitta t-triq anke jekk ma tiġix asfaltata għalissa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-art indikata mill-Onor. Interpellant hija barra mill-iskema ta' żvilupp u għalhekk ma' jistax isir żvilupp ta' toroq fiha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħed jittella' ground water mill-impjanti differenti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? Kemm hija s-salinita' medja f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħed jittella' ground water mill-impjanti differenti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? Kemm hija s-salinita' medja f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tipproduċi madwar 45,690 metri kubi ta' ilma kuljum. Il-medja tas-salinita imkejjla f'Kloridi hi ta' 1286.30 milligrammi kull litru.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella relatata ma' l-element tal-Kloridi minn kull borehole li tipproduċi l-ilma mill-aquifer.
Jista' l-Ministru jordna sabiex dawk it-trakkijiet/vannijiet u vetturi oħra li jinsabu skrapjati għal għonq it-triq fl-inħawi ta' Santa Venera viċin il-pont tal-ħadid, jitneħħew minħabba li qegħdin ikunu ta' xkiel f'arterja hekk traffikuża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija ħadet l-azzjoni meħtieġa.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm tneħħew qsari (pots) jew ħwat minn mal-faċċati tar-residenzi fit-toroq tas-Siġġiewi mill-pulizija għax ġew ikkonsidrati li qegħdin ikunu ta' żgombru għat-traffiku jew għal persuni?
Kemm hemm minn dawn il-(pots) qsari fil-core ta' l-istess raħal fis-Siġġiewi?
Hemm xi ħsieb li l-pulizija tneħħihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija ma neħħewx qsari jew ħwat minn ebda triq fis-Siġġiewi. Fi Pjazza San Nikola, is-Siġġiewi, hemm 28 qasrija u dawn huma kollha proprjeta' tal-Kunsill Lokali u skond informazzjoni li għandha il-Pulizija, il-Kunsill Lokali qed jagħmel eżerċizzju biex jara jekk dawn il-qsari humiex ta' ngombru għal terzi.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli għal-land suvey sheets ta' Malta u Għawdex? Kemm swiet? Għaliex dawn fihom daqstant żbalji u għadhom jintużaw? X'beħsiebu jagħmel il-Ministru fir-rigward ta' dawn l-iżbalji?
Response (BORG, TONIO)
Is-'survey sheets' bi skala 1:2500 ta' Malta u Għawdex li saru fis-sena 1988 ġew kommissjonati mill-istitut ġeografiku nazzjonali Franċiż bħala parti minn kuntratt li kien jinkludi ħafna elementi neċessarji biex dan it-tip ta' xogħol jibda jsir mill-Maltin. Il-valur tal-kuntratt kien seba miljun Frank Franċiż.
L-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħallset lill-Gvern Malti Lm500,000 biex l-elementi kollha li rriżultaw minn dan il-kuntratt u xi nvestimenti kapitali oħra, jgħaddu lill-Awtorita' tal-Ippjanar.
Il-'Mapping Unit' fi dan l-Awtorita' ta' l-Ippjanar minn żmien għal żmien taġġorna dawn il-mapep skond il-bżonn, kif ukoll tipprovdi l-istess mapep lill-klijenti varji fuq bażi kummerċjali.
10.11.98
Jista' l-Ministru jara li l-każ tal-persuna mill-Mosta, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qed jitlob għajnuna finanzjarja minħabba saħħtu, u dan kif jiġi deċiż mill-Bord, jiġi kemm jista' jkun konkluż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment, permezz ta' l-Uffiċċju Distretwali, ser jibgħat għall-persuna konċernata biex jara jekk għandux dritt għal xi tip ta' benefiċċju.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sinjura, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hijiex se terġa' tmur lura f'wieħed mill-postijiet li issa reġgħu telgħu fi Brittanika Street, Tarxien, peress li twaqqagħlha l-post biex jitilgħu flats?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhix il-policy tad-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali li persuni li jkunu ġew evakwati minħabba proġetti ta' "slum clearance" jerġgħu jiġu allokati fil-post li minnhu jkunu nħarġu. Barra minn hekk, din il-persuna kienet qed tapplika snin qabel biex titlaq mill-post li kienet toqgħod fih peress li kien mhux tajjeb għall-abitazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni f'pajjiżna li jibbenefikaw mill-pensjoni bħala persuni b'diżabilita'? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel? Kemm minnhom huma taħt il-35 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni f'pajjiżna li jibbenefikaw mill-pensjoni bħala persuni b'diżabilita' huwa ta' 1,898.
Minn dawn 873 huma nisa, filwaqt li l,025 huma irġiel.
Persuna tikkwalifika għal din il-pensjoni meta tilħaq l-eta' ta' sittax-il sena, u f'każ ta' persuna li tbati minn nuqqas ta' dawl, ma l-eta' ta' erbatax-il sena. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika ta' l-eta' tal-benefiċċjarji.
9.11.98