Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, rigward il-post rekwiżizzjonat tiegħu li mhux qed ikun abitat mill-persuna rikonoxxuta mid-D.A.S., liema talba jaf biha d-direttur tad-D.A.S.?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-allegazzjonijiet ta' sid il-post dwar l-inkwilin, għadhom qed jiġu nvestigati
10.11.98
Jista' l-Ministru jagħti l-figuri tal-persuni jirreġistraw għax-xogħol fix-xahar ta' Settembru 1998 bejn l-eta' ta' 16-il sena u 20 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni bejn l-eta' ta' 16-il sena u 19-il sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'Awissu 1998 kien ta' 1,056.
L-aħħar figuri ppublikati huma ta' Awissu 1998.
10.11.98
Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva — Laqgħat
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-Ministru u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita mil-5 ta' Settembru 1998 sal-lum dwar l-edukazzjoni inklussiva u x'deċiżjonijiet konkreti ttieħdu f'dawn il-laqgħat? Meta beħsiebu jlaqqa' l-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni inklussiva?
Response (GALEA, LOUIS)
Minbarra diversi laqgħat informali, s'issa saru żewġ laqgħat twal b'aġenda miftiehma ma' delegazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita. Deċiżjonijiet meħuda jiġu mħabbra fil-mument opportun. Beħsiebni nlaqqa' l-kumitat imsemmi fil-futur qrib.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġu reklutati s-Science Lab Technicians li tant hemm bżonnhom fl-iskejjel tagħna? Kemm se jiġu reklutati minn dawn it-technicians? Fl-iskejjel kollha fejn hemm laboratorji, x'inhuma l-bżonnijiet għal dawn it-technicians?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċess biex jiġu reklutati Science Lab Technicians bħalissa (illum 5.11.98) qiegħed fl-istadju li l-Management and Personnel Office ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qiegħed jivverifika l-applikazzjoni.
Ser jiġu reklutati ħdax il-Science Lab Technicians.
Id-dmirijiet ta' Technician jinkludu dawn:
a. sorveljanza, tiswija u ħarsien ta' l-apparat fdat lilu/lilha;
b. responsabilita' għall-manutenzjoni ġenerali ta' l-apparat mingħajr restrizzjoni għal xi tip ta' laboratorju jew istituzzjoni;
c. it-tħejjija ta' test pieces u partijiet neċessarji għall-bini ta' apparat għal xogħol ta' proġetti ta' l-istudenti;
d. il-bini ta' tagħmir tal-laboratorju għal taqsimiet/skejjel;
e. tibdil u estensjoni fl-apparat tal-laboratorju;
f. responsabilita' għall-manutenzjoni ta' apparat u għodod u/jew tieħu ħsieb li tipprovdi l-materjal neċessarju għat-taħriġ effiċjenti ta' l-istudenti;
g. jinħarġu rapporti tekniċi (i.e. kitba ta' rapporti tekniċi bl-Ingliż jew bil-Malti);
h. qadi ta' dmirijiet u struzzjonijiet mogħtija lilu/lilha mill-Kap ta' l-Iskola jew rappreżentant tiegħu/tagħha.
Mill-bidu tas-sena skolastika s'issa, jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel u ta' liema suġġetti marru l-Education Officers biex jawditjaw u jappoġġjaw ix-xogħol ta' l-għalliema fil-klassijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li xogħol urġenti għandu jieħu preċedenza, tlabt li tinġabar l-istatistika mitluba u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jikkonsidra li fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid jinbidlu l-bankini peress li jinsabu fi stat ħażin ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jagħti t-tarmak jew concrete fejn hemm l-oqbra fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid peress li jiġi ffrekwentat minn ħafna anzjani?
Hemm il-ħsieb li jitwaħħlu aktar bankijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li Sqajjaq Street, Tarxien tiġi rranġata bit-tarmak peress li hemm persuna b'diżabilita' u qiegħed ikun impossibbli li juża l-wheelchair waħdu? Jekk mhijiex se tiġi rranġata, jista' l-Ministru jikkonsidra li jgħin fil-proġett ta' irranġar ta' sqaqien li bħalissa għaddej bih il-Kunsill Lokali Tarxien u l-fondi huma limitati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li x-xogħol f'dan l-isqaq huwa ta' manutenzjoni u għalhekk ix-xogħol meħtieġ hemm bżonn li jsir mill-Kunsill Lokali. Minħabba l-każ tad-diżabilita' imsemmi mill-Onor Interpellant, id-Dipartiment tat-Toroq se jirreferi l-każ għall-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-Persuni b'Diżabilita'.
Ċimiterju ta' l-Addolorata — Taraġ għall-persuni b'diżabilita'
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk taraġ u rampa li kienu jeżistu għall-persuni b'diżabilita' fid-daħla mat-triq taċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata f'Raħal Ġdid u nqalgħu mal-proġett li sar humiex se jerġgħu jsiru peress li qiegħed ikun ta' inkonvenjent kbir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm tiġi wżata enerġija elettrika mill-impjanti tar-reverse osmosis fuq bażi annwali? Xi proporzjon jittieħed mit-total ta' l-enerġija li qegħda tiġi ġenerata mill-power stations?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-konsum bejn Ottubru 1997 u Settembru 1998 kien ta' 142,452,700 Units li jammontaw għal 8.3% tat-total ta' units li ġew iġġenerati fil-power stations fl-istess perjodu.
Jista' l-Ministru jgħid kif u minn liema sorsi ġejja l-produzzjoni ta' l-ilma bħalissa?
Kemm hu l-proporzjon ta' l-ilma li qiegħda tiġi minn sorsi tar-reverse osmosis? Kemm minn din ġejja mit-tlett impjanti rispettivament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tipproduċi l-ilma minn dawn is-sorsi:-
Pumping Stations, Boreholes, Springs u l-impjanti tar-Reverse Osmosis.
Il-produzzjoni ta' l-ilma mill-impjanti tar-Reverse Osmosis tirrapreżenta 54.12% tat-total.
Il-produzzjoni mill-impjanti tar-Reverse Osmosis huwa kif ġej:
Ċirkewwa - 11529 metru kubu kuljum
Pembroke - 31210 metru kubu kuljum
Lapsi - 8743 metru kubu kuljum
Marsa - 3592 metru kubu kuljum
Tigne - xejn
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord ta' Tmexxija fl-Isptar Zammit Clapp? Hemm il-ħsieb li jiżdied in-numru ta' konsulenti fil-Ġerjatrija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Dwar il-membri tal-Bord tat-tmexxija ta' l-Isptar Zammit Clapp nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta ta' Mistoqsija Numru 139.
Il-Manpower Plan dwar il-Gerjatrija ser jigi rivedut fid-dawl ta' deciżjonijiet li qed jieħu l-Gvern fuq l-iżvilupp ta' l-Isptar il-Ġdid u servizzi oħra rijabilitattivi. Ċertament li ser ikun hemm bzonn ta' iktar minn konsultent wieħed fil-Ġerjatrija kif hemm bħalissa u kif kien hemm ippjanat fil-Human Resource Plan li Ħejjiet l-Amministrazzjoni precedenti.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward il-proċess ta' awtonomija ta' l-isptarijiet u t-time frames, jekk dawn jeżistu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru għal dawn l-aħħar tlett snin qiegħed ssir riforma fl-Isptarijiet tal-Gvern sabiex intejbu s-servizzi u nżidu l-effiċjenza.
S'issa daħħalna sistemi finanzjarji u operattivi f'żewġ sptarijiet - jiġifieri f'Boffa u f'Monte Carmeli. F'dawn l-isptarijiet sar ukoll business re-engineering process sabiex jiddaħlu sistemi operattivi aktar effiċjenti u effettivi. Hu ippjanat ukoll li f'Jannar 1999 ser nibdew naħdmu fuq l-Isptar San Luqa.
Minn Jannar li ġej ukoll kull sptar ser ikun cost centre għaliħ bħala l-ewwel fażi sabiex ma ngħamlux l-iżbalji li saru f'pajjizi oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-proġetti ta' upgrading li nbdew din is-sena u ma tlestewx f'Buġibba phase II humiex se jitkomplew is-sena d-dieħla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda xogħol li kien inbeda f'Buġibba m'huwa se jitwaqqaf.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi jittieħdu biex l-impjegati kollha li hemm fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jagħtu l-ġurnata xogħol li huma mħallsa għaliha? Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li hemm impjegati li għax il-partit tagħhom fil-gvern jitilqu kmieni ħafna minn fuq il-post tax-xogħol u x-xogħol tagħhom ikollhom jagħmluh il-bqija ta' l-impjegati?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jispeċifika, anke b'mod konfidenzjali xi każ partikolari, stante dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-kapijiet konċernati li m'għandhom ebda rapport fis-sens indikat mill-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jagħti t-termini ġodda ta' l-isptar il-ġdid f'dak li huwa: 1) struttura; 2) funzjoni? Jista' l-Ministru jgħid kif dawn ivarjaw minn dawk ta' Gvern Nazzjonalista ta' qabel l-1996?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-futur immedjat huwa maħsub li l-Gvern iħabbar t-termini ġodda ta' l-Isptar il-Gdid.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex ikun jista' jħaddem l-isptar il-ġdid f'Tal Qroqq f'dak li għandu x'jaqsam ma' ħaddiema ttrenjati u kwalifikati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Pjan tal-Gvern biex iħaddem l-Isptar il-Ġdid f'Tal-Qroqq huwa li trid tinħoloq struttura ta' organiżżażjoni ibbażata fuq prinċipji ta' `management' modern u effiċjenti. Il-Gvern huwa dderminat li l-ineffiċjenzi eżistenti fir-riżorsi umani fl-Isptar San Luqa ma jiġux trasportati għall-Isptar l-Ġdid. Għal dan il-għan il-Ġvern qed jibda proċess ta' evalwazzjoni tar-rizorsi umani bl-iskop li meta tiġi stabilita s-sitwazzjoni reali, jinbdew proċeduri ta' taħriġ biex jiżdied il-livell ta' effiċjenza fost il-Ħaddiema.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jekk jerġa' jingaġġa porters ma' l-MIA jagħti ċ-ċans lil dawk li kien hemm fit-tliet xhur tas-sajf li għadda?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li meta l-MIA ikollha bżonn timpjega n-nies, dan tagħmlu skond il-Liġi dwar is-Servizzi tal-Impjiegi u t-Taħriġ.