Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx impjegati Casual Social Assistants ġodda mill-5 ta' Settembru u jekk ma ġewx impjegati CSAs ġodda, meta beħsiebu l-Ministru joħroġ call for application?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn ġew impjegati 3 C.S.A.s ġodda.
10.11.98
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-istaff li kien hemm qabel l-elezzjoni kif ukoll li hemm issa jaħdmu fid-Day Care Centre ta' l-anzjani f'Ħal Qormi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'hijiex etika li tingħata lista ta' ismijiet f'risposta parlamentari pero' nista' ngħid li għad hemm total ta' sebgha Assistenti Soċjali Każwali li erbgħa minnhom ġew trasferita ma' erbgħa oħra li kienu jaħdmu fid-'Day Centre' ta' Ħal Qormi mal-ftuħ tieghu jiġifieri mis-17 ta' Ottubru, 1996.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku biex iċ-ċittadini kollha f'Ħal Qormi jkunu moqdija tajjeb mit-trasport pubbliku, b'mod speċjali dawk li joqogħdu f'areas relattivament ġodda, bħal dawk fil-Housing Estate ta' Farsina, Tal-Blat eċċ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li t-trasferiment tal-venda tal-karozzi tal-linja tar-rotta 91, bejn il-Belt Valletta u Ħal-Qormi (San Ġorġ) sar b'talba tal-Kunsill Lokali ta' Ħal-Qormi wara pressjoni tal-pubbliku li ried li l-venda terġa' tmur lura ħdejn il-Knisja ta' San Ġorġ. Madanakollu, baqa' jkun hemm servizz kull siegħa bl-istess rotta lejn Ta' Farzina.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġie awarded il-kuntratt għall-karozzi self-drive mill-ministeru li jeskludi wkoll id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kuntratt għall-karozzi 'self-drive' ingħata b'effett mis-16 ta' Ottubru 1998, wara li ġew segwiti s-soliti proċeduri tat-Tenders tat-Tezor.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb mill-Amministrazzjoni preżenti li żżid il-complement tal-Forza numerika tal-korp tal-pulizija? Kemm hemm membri fil-korp? Kemm minnhom huma uffiċjali?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' kelli okkażżjoni ngħid f'din il-Kamra, il-Gvern qed jivvaluta l-ħtiġijiet tal-Korp tal-Pulizija u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-'complement' tal-Korp għandux jiżdied.
Ninsab infurmat li fit-28 ta' Ottubru, 1998, in-numru ta' membri fil-Korp kien ta' 1,759, li minnhom, 84 huma uffiċjali mir-'rank' ta' Spettur il-fuq.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni jirreġistraw għall-impieg ma' l-ETC skond l-aħħar informazzjoni li għandu? Kemm minnhom kienu taħt it-30 sena? Kemm minnhom għandhom iżjed minn 40 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' Awissu 1998, in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol kien ta' 7,111. Minn dawn hemm 2,812 il-persuna li kienu taħt it-30 sena u 2,709 persuni li għandhom iżjed minn 40 sena.
10.11.98
Jista' l-Ministru jordna patching f'Qormi Road, Marsa fejn jidher li din għandha bżonn manteniment immedjat minħabba l-istat diżastruż li tinsab fiha?
Jista' l-Ministru jordna wkoll li ssir it-triq biswit Marsa Road li parti minnha għadha kemm ġiet żviluppata u tinsab ukoll fi stat ta' ħsara kbira?
Veru li dawn it-toroq ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-kunsilli lokali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-patching f'Qormi Road Marsa isir mill-Kunsill Lokali peress li din it-triq mhiex 'arterial road'.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti. La darb it-toroq ta' l-aħħar għadhom qatt ma' ġew asfaltati dawn ma' jagħmlulhomx manutenzjoni il-Kunsill Lokali iżda, peress li huma kkunsidrati toroq privati, il-manutenzjoni hija responsabbilta' ta-sidien li bnew il-bini tagħhom faċċata għal fuq dawn it-toroq.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 286, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iqisx l-ingaġġ ta' xufiera impressed bħala essenzjali għax-xogħol tal-Gvern u l-funzjonijiet strateġiċi tiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal kull ingaġġ ieħor, dak ta' xufiera impressed huwa ukoll
meqjus bħala essenzjali għax-xogħol tal-Gvern u l-funzjonijiet
strateġici tiegħu. Tant hu hekk li dawn għandhom isiru
mpjegati permanenti skond kif hemm fil-Programm Elettorali tal-
Gvern.
Il-ħsieb tal-Gvern hu li jiġi eleminat l-ingaġġ ta' vetturi
impressed. Għalhekk qed jingħad li d-drivers ta' vetturi
impressed għandhom isiru impjegati permanenti.
Il-Gvern ħatar xi sotto-kumitati tal-Kabinett? Jekk iva, jista' l-Prim Ministru jgħarraf lill-Kamra dwarhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Gvern s'issa ħatar Kumitat tal-Kabinett Ad Hoc dwar il-
Proġett ta' l-Isptar il-Ġdid f'Tal-Qroqq.
Il-Kumitat jinkludi bħala membri:
Il-Prim Ministru
Il-Ministru għall-Politika Soċjali
Il-Ministru għall-Ambjent
Il-Ministru tas-Saħħa u
Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Il-Kumitat iltaqa` fit-3 ta' Novembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex permess li ħaddiema C.S.A. taħdem fl-istess dar ta' l-anzjani fejn jaħdem żewġha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-regola hi li kemm jista' jkun persuni li jiġu minn xulxin mill-viċin, ma jaħdmux fl-istess sezzjoni tad-Dipartiment pero' jista' jkun hemm xi eċċezzjoni f'każ li jkun ta' esiġenza għas-servizz.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet rigward il-Baċir Nru. 1? Meta se tittieħed deċiżjoni sabiex vapuri ma' jissewwewx aktar f'dan il-Baċir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 341.
Irrid inżid li deċiżjoni dwar il-Baċir tittieħed fiż-żmien opportun.
Jista' l-Ministru jara li jiġi rranġat id-dawl tal-ground tal-Fortini, fil-Birgu għax minbarra l-fatt li d-dawl mhux jixgħel hemm ukoll xi ħsarat fl-iswitchboard?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Club tal-Vittoriosa Stars tal-Birgu kien ġie mitlub jissottometti stima tax-xogħlijiet meħtieġa biex tissewwa l-ħsara imsemmija. Wara tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar x'għajnuna jista' jipprovdi l-Gvern biex ix-xogħol meħtieġ ikun jista' jsir.
Jista' l-Ministru jara li jinbnew żewġ dressing rooms fil-ground tal-Fortini, fil-Birgu għax l-uniku post fejn wieħed jista' jbiddel huwa container antik? Jikkonsidra l-Ministru li dan il-każ jingħata attenzjoni speċjali peress li ilhom isiru diskussjonijiet sa mill-1995 bejn l-awtoritajiet u l-kumitat tal-Vittoriosa Stars?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern kien diġa' beda diskussjonijiet mal-Club tal-Vittoriosa Stars dwar il-bini tad-dressing rooms fil-ground tal-Fortini. Kien hemm diversi suġġerimenti dwar is-sit ta' dawn id-dressing rooms iżda kien hemm oġġezzjonijiet mir-residenti li joqogħdu fil-viċin. Il-Club kien ġie mitlub jissottometti pjanti ta' dak li qed jipproponi iżda sa' llum għadu ma kienx hemm risposta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Gvern rigward it-talba tal-ħaddiema taċ-Ċivil u korpi parastatali sabiex jieħdu unpaid leave sabiex jagħmlu xogħol ma' xi kumpannija privata waqt li jkunu bl-istess leave?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-policy tal-Gvern għall-impjegati fis-Servizz Pubbliku
biex jieħdu unpaid leave biex jippruvaw xogħol ma' kumpanija
privata hija spjegata fiċ-Ċirkulari OPM 117/92 u Ċirkulari MPO
BI/6/94.
Talba għal dan il-għan tiġi kkunsidrata taħt il-kriterju
ta' ċirkostanzi speċjali u jekk din tiġi milqugħa, l-impjegat
jista jingħata sa tletin (30) ġurnata leave bla ħlas.
Din il-policy ma tkoprix impjegati ma' Korpi Parastatali u
entitajiet pubbliċi.