Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-volum u l-valur ta' l-importazzjoni lejn Malta minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea? Kif jikkompara mal-volum u l-valur totali ta' l-importazzjoni lejn pajjiżna? Jista' l-Ministru jelenka breakdown tas-setturi differenti? Kemm minnhom huma mediċina u mediċinali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kwestjonarju mibgħut lilu mill-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-risposta tal-Gvern Malti?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Kopja tal-kwestjonarju jitqiegħed meta jkun il-waqt.
Jista' l-Ministru jgħid, fid-dawl tar-rapporti tad-diskors li għamel is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fuq il-mezzi tax-xandir nhar il-11 ta' Novembru, meta l-ETC beħsiebha tibda l-korsijiet dwar l-Unjoni Ewropea għall-kummerċjanti? Min se jagħmilhom? Kemm se jdumu? Fejn se jsiru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ETC beħsiebha tibda l-korsijiet dwar l-Unjoni Ewropea għall-kummerċjanti f'Marxu tas-sena d-dieħla. Il-korsijiet ser ikunu qosra f'forma ta' 'seminars'.
Bħalissa qegħdin isiru arranġamenti biex jiġu identifikati postijiet f'lokalitajiet ċentrali fejn jistgħu jsiru dawn is-'seminars'. Bħalissa wkoll qegħdin isiru diskussijonijiet bejn l-ETC, is-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru tas-Servizzi Ekonomiċi u d-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea biex jiġu identifikati persuni kompetenti biex imexxu dawn is-'seminars'.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li n-numru ta' operazzjonijiet ta' l-għajnejn ġew psoposti nhar it-Tlieta 3, ta' Novembru 1998? X'sar min-naħa ta' l-awtoritajiet wara li wħud mit-tlett pazjenti li laħqu dabbru infezzjoni f'għajnejhom waqt li wħud li kellhom operazzjoni f'għajnejhom fil-jiem ta' qabel kellhom infezzjoni wkoll wara l-operazzjoni f'għajnejhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa jikkonferma li matul ix-xahar ta' Settembru u Ottubru seħħew tlett (3) każijiet ta' panophthalmitis ġewwa l-isptar San Luqa.
Ġie mlaqqa kumitat ad hoc (immexxi mill-"Infection Control Officer") sabiex jinvestiga dawn il-każijiet.
Ma kien hemm ebda indikazzjoni li setgħet tiddetermina b'mod deċisiv u konkret minn fejn setgħu ġew dawn l-infeżżjonijiet. Għaldaqstant ġew eżaminati il-proċessi kollha inkluż l-isterilizazzjoni ta' l-istrumenti li jintuzaw f'dawn it-tip ta' operazzjonijiet. Bħala miżura ta' prekawzjoni, l-operazzjonijiet ta' katarretti ġew posposti sakemm l-isterilizers jiġu validati li qed jaħdmu perfettament. Ġew ordnati strumenti "disposable" bħala miżura temporanja, biex l-operazzjonijiet tal-katarretti jistgħu jitkomplew mingħajr aktar dewmien.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex fis-Sala tal-Ġinekoloġija fl-Isptar San Luqa jkun hemm misħun fil-vit, wara li minn nhar il-Ħadd 8 ta' Novembru, 1998 sal-lum ilma misħun fil-vit ma kienx hemm? Għaliex ix-xogħol ħa s'issa erbat ijiem biex isir?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-nuqqas ta' misħun fil-vit fis-sala tal-Ginekoloġija ġie kkaġunat minħabba ħsara li zviluppat f'pompa li tiċċirkola misħun primarju li jkun maħzun ġo tank.
Minħabba li din il-pompa hija antika u "spare parts" għaliha difficli ssib kellha tinbidel.
Peress li l-pompa li ġiet imwaħħla hija differenti mill-qadima, kien necessarju li jsiru alterazzjonijiet u għaldaqstant il-ħin biex jitlesta ix-xogħol naturalment zdied. Dan tlesta it-Tlieta wara nofsinhar. Minn dak il-ħin sa l-Erbgħa fil-għodu it-tank kien qed jiġi msaħħan u fil-fatt kmieni l-Erbgħa is-servizz tal-misħun kien reġa' għan-normal.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-varjetajiet u l-kwantitajiet ta' laħam aħmar u prodotti oħra pproċessati magħmula mil-laħam aħmar li ġew importati f'Settembru u Ottubru 1998?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Membru tinvolvi ħafna statistika li nġabret mill-computer records tad-Dwana. Dik għax-xahar ta` Ottubru 1998 tkopri sas-26 tax-xahar. Għalhekk qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` l-istatistika miġbura għall-informazzjoni ta` l-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-varjeta' u l-kwantita' tal-prodotti tal-ġobon u oħrajn magħmula mill-ħalib frisk li ġew importati f'Settembru u Ottubru 1997 u 1998?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Membru tinvolvi ħafna statistka li nġabret mill-computer records tad-Dwana. Dik għax-xahar ta` Ottubru 1998 tkopri sas-26 tax-xahar. Għalhekk qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` l-istatistika miġbura għall-informazzjoni ta` l-Onor Membru.
Jista' l-Ministru jgħid x'varjetajiet u kwantitajiet ta' Poultry products ġew importati f'Settembru u Ottubru 1997 u 1998?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Membru tinvolvi ħafna statistika li nġabret mill-computer records tad-Dwana. Dik għax-xahar ta` Ottubru 1998 tkopri sas-26 tax-xahar. Għalhekk qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` l-istatistika miġbura għall-informazzjoni ta` l-Onor Membru.
Jirriżultalu l-Ministru li f'Ottubru nqabdu jiddaħħlu drumsticks tat-tiġieġ għas-suq lokali? Jekk iva, x'kienu l-kwantitajiet u xi proċeduri qed jittieħdu biex ikun assigurat li prodotti oħra bħal "chicken breasts" li qed jiġu pproċessati lokalment ma jidħlux taħt isem differenti biex jiġu cleared mid-Dwana?
Response (DALLI, JOHN)
Matul Ottubru sar rilaxx ta` drumsticks mid-dwana f`żewġ okkażjonijiet. Il-piż ta` dawn iż-żewġ konsenji kien ta` 11,640 kilo li fuqhom tħallset is-somma ta` Lm15,132 bħala levy bil-Lm1.30 kull kilo.
Naturalment, waqt ir-rilaxx tal-prodotti jsir l-eżami biex ikun żgurat li huma konformi mad-dikjarazzjoni u li t-taxxi dovuti jkunu tħallsu. Fejn u kif ikun meħtieġ jintalab ukoll il-parir ta` min hu aktar intiż fil-materja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma n-numru ta' ommijiet xebbiet residenti f'Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar għaxar snin sena b'sena? Kemm minn dawn għandhom aktar minn tifel jew tifla waħda? X'inhija l-assistenza addizjonali f'każijiet bħal dawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-liġi tas-Sigurta' Soċjali tipprovdi Għajnuna Soċjali lil dawk l-ommijiet xebbiet li jagħmlu talba għall-għajnuna. Id-dritt għal din l-għajnuna hi soġġetta għat-test tal-mezzi. Xebba omm tista' tirċievi wkoll l-Allowance għat-Tfal. F'kaz li din l-omm tkun qed tirċievi l-Għajnuna Soċjali, din tista' tagħmel xi xogħol li bejn l-Għajnuna li titħallas lill-omm b'wild wieħed u l-qliegħ mix-xogħol ma jaqbiżx il-paga Minima Nazzjonali. Ovvjament, fejn id-dħul f'xi ħin jaqbeż dak li hemm stipulat fil-Liġi, jew fejn ngħidu aħna din l-omm tiżżewweġ jew issib min imantniha, din l-għajnuna ma tibqax titħallas.
Għaldaqstant, mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
11.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'policy għandu l-gvern sabiex jgħin lill-għomja u lill-għaqdiet tagħhom jintegraw fl-ambjent modern tas-soċjeta' tal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern jgħin lill-persuni għomja u l-għaqdiet tagħhom b'żewġ modi:
(a) b'mod ġenerali, kif jgħin lill-persuni b'diżabilita u l-għaqdiet kollha tagħhom;
(b) b'mod speċifiku, biex nieħdu konsiderazzjoni tal-bżonnijiet partikolari tal-persuni għomja.
B'mod ġenerali l-Gvern qed jgħin lill-persuni għomja b'diversi servizzi li wieħed jista' jsib fil-ktejjeb Servizzi u Benefiċċji għall-Persuni b'Diżabilita'. Għal futur, il-Gvern qed jippjana li jintroduċi servizzi ġodda ta' assistenza personali, liema servizz ikun jinkludi l-persuni għomja ukoll. Il-Gvern preżenti hu fuq kollox impenjat, bħaż-żewġ amministrazzjonijiet preċedenti, li jgħaddi l-Ligi Opportunitajiet Indaqs li ma hemm l-ebda dubbju ser tkun pass kbir 'il quddiem biex noffru opportunitajiet indaqs lill-persuni b'diżabilita' kollha biex dawn ikunu jistgħu jgawdu mill-ogħla kwalita' ta' ħajja possibbli.
Fir-rigward tal-għaqdiet tal-persuni b'dizabilita' (NGOs), inkluż dawk tal-persuni għomja, l-Gvern joffri diversi miżuri fosthom:
* sussidju fuq il-posta tagħhom;
* rappreżentanza permezz tal-Federazzjoni fuq il-Kummissjoni Nazzjonali
Persuni b'Diżabilita' u
* inizjattivi li jkun hemm bżonn minn żmien għal żmien.
Per eżempju, l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' preżentament qed toffri kors bażiku fuq il-kompjuters lill-volontieri tal-NGOs. Jekk ikun hemm talba minn persuni għomja, l-Kummissjoni hi impenjata li toffri lilhom ukoll. Għall-futur, din l-amministrazzjoni hi impenjata wkoll li tgħaddi Liġi dwar l-Għaqdiet Volontarji li naturalment jinkludi l-għaqdiet għall-persuni għomja.
Fir-rigward ta' miżuri għall-persuni għomja partikolarment, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' taħt l-amministrazzjoni preċedenti u matul din is-sena finanzjarja, għaddiet Lm8,000 lira lill-Fondazzjoni Klieb Gwida u Servizzi għall-Persuni Għomja. Il-Gvern qed jistenna rapporti mingħand din il-Fondazzjoni biex nkunu f'posizzjoni ahjar ħalli naraw x'għajnuna oħra nistgħu nagħtu lil din il-Fondazzjoni.
Barra minn hekk il-Gvern lest li jikkonsidra b'mod ġust suġġerimenti u inizjattivi li jkollhom bħala għan, titjieb fil-kwalita' ta' l-edukazzjoni, impieg, mobilita' u aspetti oħra fil-ħajja ta' persuni għomja.
11.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta' overdose mill-bidu ta' Settembru 1998 sal-lum?
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu ċ-ċifri ta' reati rrapportati lill-pulizija bejn Settembru 1998 u llum? Kemm minn dawn kienu:
1. serq;
2. serq ta' vetturi;
3. hold-ups;
4. serq minn zoni residenzjali;
5. reati sesswali;
6. frodi; u
7. attakki vjolenti fuq l-anzjani?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Settembru, sal-25 t`Ottubru, 1998, ġew irrapurtati lill-Pulizija, 27 każ ta` overdose. Matul l-istess perijodu ġew irrapurtati lill-Pulizija 2,521 reat.
Dwar in-numru ta` reati speċifikati mill-Onor. Interpellant, ninsab infurmat li fl-istess perijodu dawn kienu kif ġej:-
Settembru Ottubru
--------- -------
(sal-25)
Serq 803 573
Serq ta' vetturi 115 122
'Hold-ups' 4 7
Serq minn żoni residenzjali 340 272
Frodi 6 10
Attakki vjolenti fuq l-anzjani 16 24
Reati sesswali 3 2
11.11.98
Jista' l-Prim Ministru jispjega kif f'attivita' fil-Marsa fit-23 ta' Awissu qal li f'Għawdex m'hemmx żejt,iżda wara l-elezzjoni ordna li t-tħaffir għaż-żejt jinżel aktar fil-fond?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-ispjegazzjoni hi waħda sempliċi. Sal-lum, meta t-
tħaffir tal-bir jinstab fond madwar 6,430 metru, għad ma
nstabx żejt, aħseb u ara fit-23 ta' Awissu meta il-bir
kien fond 4005 metru biss.
Wara l-elezzjoni tal-5 ta' Settembru 1998, ġejt infurmat
li l-obbligu kontrattwali kien li t-tħaffir isir sa 5000
metru u li dan il-livell kien sejjer jintlaħaq fi ftit
ġranet wara. Għalhekk ġejt mitlub u awtoriżżajt li t-
tħaffir ikompli lil hinn mill-livell miftiehem
oriġinarjament.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk tħejjewx diġa' jew jekk hux qed jitħejjew xi studji dwar kif sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea tolqot lil pajjiżna?
Jekk saru jew qed isiru xi studji, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma u f'każ li għadhom qed jitħejjew, meta se jkunu lesti?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qiegħed jipprepara abbozz ta' liġijiet Ewropej dwar il-31 Kapitlu li jittrattaw dwar is-sħubija kif ukoll il-posizzjoni ta' Malta fuq kull wieħed minn dawn il-Kapitli llum. Dan l-eserċizzju hu meħtieġ ġaladarba Malta tibda l-'iscreening process' bi tħejjija għan-negozzjati.
Fuq kull wieħed minn dawn il-Kapitli irid isir studju dwar kif jolqot lil-Malta. S' issa saru numru konsiderevoli ta' rapporti fuq xi materja jew oħra li tittratta dwar l-Ewropa u li għadhom validi fil-parti kbira tagħhom.
Naċċerta lill-Onorevoli Interpellant li l-gvern għandu il-ħsieb li jinkludi kemm hu possibli mill-organizzazzjonijiet u korpi kostitwiti li għandhom interess f' xi materja relatata ma' l-Ewropa biex tiġi fformulata posizzjoni għan-negozzjati mal-Kummissjoni. Dawn ir-rapporti jitqassmu fiż-żmien opportun.
Unjoni Ewropea — Tneħħija tas-sistema tad-duty free
Question
Jista' l-Ministru jispjega l-effetti fuq pajjiżna tad-deċiżjoni ta' l-Unjoni Ewropea li tneħħi s-sistema tad-duty free fil-pajjiżi membri tagħha?
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-gvern Malti hux lest li jimxi ma' din id-direttiva?
Response (MARCO, GUIDO DE)
B' riferenza għall-ewwel parti tad-domanda, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea dwar id-'duty free' li hu għamel riferenza għaliha, mhux mistennija li jkolla ebda effett eżistenti għall-vjaġġaturi bejn l-Unjoni u Malta.
Dwar it-tieni parti tad-domanda, ngħid li l-Gvern Malti m' għandu ebda obbligu li jimxi ma din id-deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jagħti l-assigurazzjoni tiegħu li kif sar fl-1997 u fl-1998, kull sajf se jibqa' jsir xogħol vast ta' manuntenzjoni fuq numru kbir ta' skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-iskejjel ma jista' jieqaf qatt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' mediċini li huma out of stock fl-ispiżeriji tal-gvern illum? X'tip ta' mediċini hemm out of stock? X'tip ta' mediċini hemm out of stock f'xi ħin jew ieħor mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Parti minn din il-Mistoqsija Parlamentari ġiet imwieġba fl-4 ta' Novembru 1998, f'PQ No. 559 li tirreferi għal dawk l-'Istock items' li huma neqsin, li jammontaw għal 16. Flimkien ma din il-figura kien hemm ukoll 35 mediċina li kienu nieqsa fit-29 ta' Ottubru 1998, mill-ispiżeriji kollha tal-Gvern imma li kienu jinstabu fl-imħażen tal-Gvern. Dawn il-mediċini jiġu nieqsa minħabba jew żieda ta' konsum fl-ispiżerija jew inkella jiġu mitluba għall-ewwel darba. F'dawn il-każijiet issir domanda urġenti mill-ispiżeriji u l-mediċini jiġu mqassma mill-imħażen tal-Gvern fi żmien qasir. In-numru ta' 'items' neqsin f'kull spiżerija tal-Gvern fid-29 ta' Ottubru 1998, kienu:-
In-Patient Pharmacy Sptar San Luqa 26
Out-Patient Pharmacy Sptar San Luqa 8
Sptar Sir Paul Boffa 6
Sptar Monte Carmeli 7
San Vinċenz De Paule 1
Sptar Ġenerali t'Għawdex 11
Spiżerija tal-Floriana 3
Spiżerija ta' Raħal Ġdid 4
Spiżerija ta' Ħal-luqa 1
Spiżerija tal-Mosta 5
Spiżerija tal-Gżira 7
Spiżerija ta' Ħal-Qormi 1
Xi wħud mill-mediċini kienu neqsin minn aktar minn spiżerija waħda.
It-tipi tal-mediċini li kienu neqsin jinkludu antibijotiċi, mediċini għall-kura ta' diversi kondizzjonijiet li jikludu mard tal-Kanċer, mard tal-ġilda, mard mentali, mard tan-nifs, mard tal-istonku u kondizzjonijiet ġinekoloġiċi.
Mill-5 ta' Settembru l-hawn it-tipi ta' mediċini nieqsa kienu varji u simili għal dawk it-tipi ta' mediċini li kien hemm neqsin fid-29 ta' Ottubru 1998.
Il-mediċini li kienu neqsin imma l'issa jinstagħbu fl-ispiżeriji tal-Gvern jinkludu:-
Isosorbide Dinitrate 10mg Tablets
Salbutamol Tablets
Salbutamol Inhaler
Aminophylline Injections
Thiopentone Injections
Fresubin
Nutrison
Piperazine Syrup
Bumetanide Injections
Magnesium Hydroxide Syrup
Noradrenaline Injections
Vinblastine Injections
Naloxone Injections
Chronionic Gonadotrophin Huma 1000 IU Injections
Methylsalicylic Acid Ointment
Low Electrolyte Solution
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni illi kellhom il-meningite din is-sena? X'tip ta' meningite kienet? Kemm mietu persuni b'din il-marda din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mill-bidu tas-sena sa l-aħħar t'Ottubru in-numru ta' persuni affettwati mill-marda tal-Meningococcus kienu 26. Minn dawn 10 kellhom Meningococcal Meningitis u is-16 l-oħra kellhom Meningococcal Septicaemia (infezzjoni fid-demm). Kien hemm erba' mwiet li irriżultaw minn din il-marda kollha kkaġunati minn Meningococcal Septicaemia.
Kien hemm 14 il-każ ieħor ta' Meningite kkaġunati minn diversi mikrobi oħrajn. Ma kien hemm ebda mewt f'dawn il-każi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' testijiet irrapportati HIV positive din is-sena u kemm ġew irrapportati każi ta' aids din is-sena? Kemm hawn persuni bl-Aids illum? X'etajiet għandhom? Kemm huma nisa u kemm irġiel? Kemm mietu persuni bl-Aids sal-lum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minn testijiet li saru fil-laboratorju ta' l-Isptar San Luqa, in-numru ta' testijiet posittivi għall-HIV fl-1998 kien ta' 8. Peress illi dawn it-testijiet isiru b'mod anonimu wieħed ma' jistax jagħraf testijiet li jkunu saru doppji.
Din is-sena in-numru ta' każi ġodda nnotifikati bl-AIDS kien ta' 6. Dan in-numru jinkludi żewġ persuni mhux residenti f'Malta.
In-numru ta' persuni residenti Maltin bl-AIDS huwa ta' 4. Dawn huma 3 irġiel u mara. Peress li n-numri huma żgħar ma nħossx li għandi nagħti l-figuri bl-eta' biex b'hekk tiġi mħarsa l-kunfidenzjalita ta' l-identita ta' dawn il-persuni.
In-numru ta' persuni bl-AIDS residenti f'Malta li huma magħrufa li mietu sa llum huwa 43, tlieta minnhom din is-sena.