Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Akkomodazzjonijiet alternattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikanti għall-akkomodazzjoni alternattiva quddiem id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi mill-5 ta' Settembru 'l hawn daħlu 280 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva. 16.11.98
Leg 9 PQ #1157 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejtun — Triq San Girgor - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-residenti ta'Triq San Girgor, Żejtun ġewx mgħarrfin li x-xogħol li kien qiegħed isir fuq main ġdid ta' l-ilma f'din it-triq, jinsab wieqaf, minħabba li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma baqgħu ma kkomunikawx is-servizz ta' l-ilma mal-main il-ġdid? Dan il-waqfien tax-xogħol qiegħed joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti. Jista' l-Ministru jagħti għallinqas ħjiel meta dan ix-xogħol beħsiebu jitlesta min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma?

Response (BONNICI, JOSEF)

Preżentament il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed twettaq xogħolijiet ta' bdil ta' mejnijiet ta' l-ilma fil-lokalita taż-Żejtun b'ko-ordinazzjoni max-xogħolijiet tal-Kunsilli Lokali sabiex isir ir-resurfacing ta' toroq. Ix-xogħolijiet tal-Korporazzjoni qed jitwettqu bil-progress mistenni. Sabiex jiġu ċċertifikati l-mejnijiet il-ġodda riedu jsiru l-proċessi ta' testijiet tal-pressa ta' l-ilma, disinfezzjoni tal-pajpijiet u reconnecting ts-servizz tad-djar. Matul dan ix-xogħol il-Korporazzjoni ħadet ħsieb li l-provvista ta' l-ilma baqgħet titwassal regolarment.
Leg 9 PQ #1158 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti għal dawn l-aħħar tliet snin xahar b'xahar in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, kemm saru applikazzjonijiet ġodda kull xahar? Kemm applikazzjonijiet ġew deċiżi favur jew kontra kull xahar? Kemm saru applikazzjonijiet għar-rikonsiderazzjoni u appelli kull xahar u x'kien ir-residual backlog ta' applikazzjonijiet kull xahar?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 16.11.98
Leg 9 PQ #1159 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Screen F6

Question

Jikkonferma l-Ministru li Screen F6 li fuqu jiġu elenkati d-deċiżjonijiet tad-DCC tal-Planning Authority, suppost huwa aċċessibbli biss għas-segretarja tad-DCC biex tagħmel entries ġodda u tibdil fih? Jassigura l-Ministru li matul l-aħħar sitta jew tmien xhur (jew qabel) dan l-iscreen ma sabux mezz kif jidħlu fih nies oħra mill-awtorita', li mhux suppost kellhom il-fakulta' li jagħmlu tibdil fih? Jekk irriżulta dan, x'miżuri ta' dixxiplina ttieħdu kontra min abbuża u x'kontrolli kien hemm biex min seta' abbuża ma kienx hemm min iggwadanja minn dan l-abbuż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s-segretarjat tad-DCC u segretarja fit-'Transport Planning Unit' (biex iddaħħal dettalji tal-'Commuted Parking Pavement Scheme') biss jistgħu jagħmlu tibdil fi 'Screen' 6, li fuqu jiġu elenkati d-deċiżjonijiet ta-DCC tal-Awtorita ta' l-Ippjanar. Sal-25 ta' Settembru, 1998, dawn li ġejjin setgħu wkoll jagħmlu tibdil minħabba r-raġunijiet elenkati : * Żewġ uffiċjali fl-'Accounts Office' biex idaħħlu dettalji fuq multi. * Segretarja fi 'Transport Planning Unit', Segretarja fil-'Land Survey Unit' u Segretarja fl-Uffiċċju t'Għawdex biex idaħħlu dettalji tad-'Development Monitoring'. * Segretarji fid-'Development Control Unit' biex idaħħlu d-'Delegated Decisions'. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma kellha l-ebda rapport ta' abbuż tas-sistema kif indikat mill-Onorevoli Interpellant. 16.11.98
Leg 9 PQ #1160 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Development Control Commission

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex fuq id-Development Control Commission tal-Planning Authority inħatru sitt membri minn seba' li huma periti? Ma jaħsibx l-Ministru li taħlita ta' membri b'back ground aktar varjat kien ikun aħjar fuq dan il-bord?

Response (BORG, TONIO)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Membru, il-Prim Ministru jaħtar biss erba' mis-seba' membri tad-'Development Conrol Commission' (DCC), filwaqt li t-tlieta l-oħra jinħatru skond ix-xewqat tal-membri tal-bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Sa l-aħħar t'Ottubru, 1998, sakemm skada t-terminu ta' l-aħħar DCC, mill-erba' membri maħtura mill-Prim Ministru tlieta minnhom kienu periti, filwaqt li llum mill-erba' membri maħtura mill-Prim Ministru erba' huma periti. L-Onor. Membru japprezza li filwaqt li t-taħlita tal-membri hija fattur ta' min jikkonsidrah, huwa ferm aktar importanti li l-membri maħtura jkunu persuni b'kapaċita' teknika kif ukoll ta' integrita'. L-għażla li għamlu l-membri ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għar-rigward tat-tlett membri l-oħra tad-DCC ma jidhirlix li għandi dritt nikkumenta fuqha ġaladarba din kienet l-għażla ħielsa tagħhom. 16.11.98
Leg 9 PQ #1161 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Membri ġodda tad-DCC

Question

Jikkonferma l-Ministru li wieħed mill-membri l-ġodda tad-DCC tal-Planning Authority għandu l-mara tiegħu kap tat-taqsima ta' skemi li huma ODZ (barra miż-żona ta' l-iżvilupp) fin-nofs inhar ta' Malta? Jaħseb l-Ministru li meta jiġi biex jieħu deċiżjonijiet fuq il-bord, dan il-membru jista' jkollu konflitt ta' interessi stante li jista' jkollu jivvota kontra deċiżjonijiet li tkun ħadet martu stess?

Response (BORG, TONIO)

Mhux minnu li l-persuna ndikata fil-Mistoqsia, impjegata ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, hija Kap tat-Taqsima ta' Skemi li huma ODZ fin-nofsinhar ta' Malta. Din il-persuna hija biss 'Case Officer' fi ħdan wieħed mill-'Area Teams'. Ir-rakkomandazzjonijiet li tkun għamlet din il-persuna jitressqu quddiem id-DCC wara li jkunu vverifikati mill-'Manager' ta' l-'Area Team' tagħha. 16.11.98
Leg 9 PQ #1162 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejtun — Triq il-Fossa tal-Qamħ

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna responsabbli tara li titwaħħal bozza fl-isqaq wara Triq il-Fossa tal-Qamħ, iż-Żejtun fejn fis-satra tal-lejl qed isiru ċertu abbużi u qed jinħoloq ħafna inkonvenjent għall-ġirien?

Response (BONNICI, JOSEF)

Diġa twaħħlet lampa fl-isqaq msemmi mill-Onor. Membru. It-talba għal aktar dawl f'dan l-isqaq ser tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #1165 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kors tas-surġenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-eżitu tal-kors tas-surġenti fil-korp tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 351 f'Seduta 6. 16.11.98

ETC — Reviżjoni ta' statistika tal-gainfully employed

Question

Billi għall-mistoqsija parlamentari preċedenti l-Ministru kien wieġeb li l-ETC se tissokkta fil-proċess ta' reviżjoni ta' l-istatistika tal-gainfully employed, jista' l-Ministru jgħid jekk din ir-reviżjoni hijiex se tisskotta fl-istess modalita' li kienet ġiet addottata taħt l-amministrazzjoni preċedenti u ċioe' mill-1997 lura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ETC ser tkompli taħdem fuq il-proċess tar-reviżjoni ta' l-istatistika tal-'gainfully occupied' billi tmur lura fiż-żmien u tirrevedi l-figuri sena b'sena. 16.11.98
Leg 9 PQ #1167 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Interim From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Bċejjeċ tal-baħar overspeeding

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu bċejjeċ tal-baħar overspeeding bejn l-1 ta' Lulju, 1998 u t-30 ta' Settembru, 1998 fil-bajjiet ta' Malta u ta' Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 16.11.98
Leg 9 PQ #1168 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Interim From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi ġodda biex nies jarmaw f'open air markets mill-1 ta' Mejju, 1998 sal-10 ta' Novembru, 1998?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 16.11.98
Leg 9 PQ #1169 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Valletta — Għassa tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir it-trasferiment ta' l-Għassa tal-pulizija tal-Belt minn fejn tinsab bħalissa għall-bini fejn kien alloġjat il-parcel post office?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għalkemm ix-xogħol fil-post jinstab fi stadju avvanzat, għad ma ġietx iffissata data għat-trasferiment. 16.11.98
Leg 9 PQ #1170 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Att dwar l-Immigrazzjoni — Traffikar ta' persuni llegali

Question

Ma jaħsibx il-Ministru li barra li għandhom jiħraxu l-pieni għat-traffikar illegali ta' persuni, għandu jkun hemm provvediment partikolari fl-Att dwar l-Immigrazzjoni li jippenalizza speċifikament it-traffikar ta' persuni mhux biss lejn Malta iżda minn Malta wkoll?

Response (BORG, TONIO)

Kemm ili ministru, diġa' semmejt fil-pubbliku u fuq il-mezzi tax-xandir proposti tiegħi sabiex minn jittraffika illegalment fit-trasport ta' nies, jiġi akkużat b'reat speċjali u jekk misjub ħati jingħata kastigi aktar gravi sabiex l-isfruttament għal skop ta' qliegħ fuq dahar nies innoċenti jiġi punit b'mod aktar serju. Il-problema tal-immigrazzjoni llegali, li mhix problema ta' pajjiżna biss, tindika li hemm bżonn li jsiru emendi għall-Liġi dwar l-Immigrazzjoni tal-1970. Malli jitlesta x-xogħol fuq dan l-abbozz jiġi preżentat lill-Parlament fl-iqsar żmien possibli. 16.11.98

UE — Kontribut ta' Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti kkalkolax kemm se jammonta approssimattivament il-kontribut ta' Malta għall-Unjoni Ewropea?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Għadu kmieni wisq, f'dan l-istadju, biex wiehed jikkalkola l-kontribut ta' Malta bħala membru. Dan minħabba li wieħed irid jara kemm se jkun hemm membri ġodda filwaqt tas-sħubija ta' Malta u x'sejrin ikunu l-kriterji ta' kif jiġi kkalkulat il-kontribut ta' kull pajjiż f'dak il-mument

Kummissjoni Ewropea — Rapport

Question

Peress li huwa mifhum li l-Gvern Malti bagħat xi rapport dettaljat lill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rijattivazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika: a) x'inhuma l-kriterji li l-Gvern Malti poġġa quddiem bħala essenzjali għar-ristrutturazzjoni ta' l-ekonomija Maltija; b) x'inhuma l-kondizzjonijiet li l-Gvern Malti għamel dwar is-Settur Pubbliku; c) x'kienet il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar is-sussidju li l-Gvern jagħti lid-Drydocks u lil korporazzjonijiet oħra; d) x'kienet il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-monopolju mogħti lil Maltacom qabel ma ġiet parzjalment privatizzata; u e) jekk il-Gvern Malti ndikax x'jistgħu jkunu d-derogi mitluba mill-Gvern Malti fl-interess nazzjonali?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ma bagħat l-ebda rapporti lil-Kumissjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #1201 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru tat-Turiżmu

Turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien: (a) in-numru ta' turisti li żaru Malta fl-1994, fl-1995, fl-1996, fl-1997 u fl-1998 sa Ottubru; (b) id-dħul mit-turiżmu fl-istess snin sena b'sena; (c) hemm żieda ta' sodod fil-lukandi fl-istess snin u f'liema kategorija ta' lukandi saret iż-żieda relattiva jekk kien hemm fl-istess sena?

Response (REFALO, MICHAEL)

L-għadd ta' turisti li żaru Malta fis-snin imsemmija kien hekk: 1994 1,176,223 1995 1,115,971 1996 1,053,788 1997 1,111,161 1998 (sa Settembru) 941,288 Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 513. L-għadd ta' sodod fil-Lukandi fl-ewwel ta' Jannar fl-istess snin li ma jinkludix is-self catering units, kien kif jidher hawn taħt: 5* 4* 3* 2* 1* Unclassified Total 1994 1554 8393 9000 1560 507 - 21014 1995 1674 9688 8099 1836 432 - 21729 1996 1274 9688 8464 2017 372 - 21815 1997 1774 10153 8500 2377 372 - 23176 1998 2878 10179 7587 2014 240 1932 24830

Unjoni Ewropea

Question

Peress li l-Gvern Nazzjonalista ilu ħafna jsostni u jisħaq dwar l-għajnuna finanzjarja li Malta tirċievi mill-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (i) kemm tkun l-għajnuna finanzjarja għas-settur agrikolu u qasam tas-sajd taħt ir-regoli preżenti tal-Common Agricultural Policy; (ii) kemm tista' tkun l-assistenza finanzjarja lill-industrija Maltija in ġenerali; (iii) x'għajnuna jistgħu jirċievu t-tarznari Maltin; (iv) liema huma l-oqsma l-oħra ta' l-ekonomija Maltija u tal-ħajja soċjali li jikkwalifikaw għal xi għajnuna finanzjarja u kemm tkun tammonta din l-għajnuna?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Għalkemm huwa fatt illi l-Unjoni Ewropea tipprovdi għajnuna finanzjarja sostanzjali lill-membri tagħha f'diversi oqsma permezz tal-fondi strutturali u 'cohesion funds', l-għajnuna f'kull settur tingħata abbażi ta' proġetti li jiġu sottomessi mill-pajjiżi membri għal dan il-għan. Għalhekk mhux possibbli li wiehed jagħti informazzjoni dettaljata dwar tali għajnuna li Malta tkun tista' tirċievi meta ssir membru ta' l-Unjoni. Li jistgħa jingħad b'ċertezza huwa li l-iskop ta' dawn il-fondi huwa jsit titjib ġenerali fis-setturi konċernati b' mod li jiġu avviċinati il-livelli ekonomiċi u soċjali medji fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-fondi jinkludu għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta' diversi ażjendi sabiex tiżdied il-vijabbilita' tagħhom bil-għan li jsiru aktar kompetittivi.

Unjoni Ewropea

Question

Peress li l-Unjoni Ewropea qed topponi bi sħiħ għat-twaqqif u eżistenza ta' hekk msejjha "low tax zones" fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti vis-a-vis r-raġuni fiskali preżenti li joffru tax credits sostanzjali lill-kumpaniji barranin u offshore li joperaw minn Malta? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu li jżomm u jsaħħaħ dan ir-reġim fiskali jew inkella hux dispost li jillimita kemm-il darba jiġi mġiegħel jagħmel dan mill-Unjoni Ewropea?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-konformita' tar-reġim fiskali f'Malta mal-linji ta' gwida li għadhom kif tfasslu mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-materja imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għad trid tiġi evalwata mill-Gvern. Kull tibdil li jirriżulta li jkun megħtieġ fir-reġim fiskalifż Malta biex dan jiġi armoniżżat fuq medda ta' żmien adegwat mal-obbligi tal-Unjoni Ewropea jiġi ttrattat fil-qafas tad-diskussjonijiet għas-sħubija.
Leg 9 PQ #1204 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Ambjent

Skart — Riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern rigward il-proċess ta riċiklaġġ ta' skart? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi negozjati ma' investituri privati li huma interessati li jgħinu f'dan il-proċess?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-pjani tal-Gvern huma li jiġi riċiklat l-iskart organiku permess tas-sistema tal-'composting' u li jiġu rkuprati l-frazzjonijiet l-oħra li huma utli għal sistema oħra tar-riċiklaġġ. Qegħdin jiġu kkunsidrati proposti li nirċievu minn investituri privati.

Xgħajra — Triq Dawret ix-Xatt

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 832, jaf il-Ministru li fil-post indikat joqogħdu għadd ġmielu ta' familji b'mod permanenti s-sena kollha u numru ferm ikbar matul iż-żmien tas-Sajf u l-uniku aċċess għaliha hu permezz ta' din it-triq indikata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li peress illi l-fatti msemmija mill-Onor. Interpellant jistgħu jgħinu biex it-triq tkun inkluża fl-arja ta' żvilupp mill-Awtorita' ta' lppjanar, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.