Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jirranġa Triqet il-Merħliet, Rabat li għandha bżonn re-surfacing totali speċjalment li partijiet minnha m'għadhomx passabbli b'vetturi (pjanta qed tintbagħat separatament) speċjalment in-naħa imsejħa ta' ħdejn il-Ġiebja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li xogħol ta' resurfacing f'dawn it-toroq huwa responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex titranġa t-triq ta' Mazzara, Chadwick Lakes limiti tar-Rabat? Jista' jinforma lill-Kamra meta hu maħsub li jsiru x-xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawn it-toroq jagħmel manutenzjoni fihom il-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex ħarġet Enforcement Nru.892/98 kontra s-Sinjuri Galea meta dawn irranġaw biss faċċata flok madum diġa' mkisser u meta din l-użanza tintuża f'Malta kollha speċjalment f'postijiet fejn bini jkun sar bla ebda DPC? Jidhirlu l-Ministru illi l-azzjoni meħuda mill-persuni nkarigati toħloq diskriminazzjoni kontra s-Sinjuri Galea meta fit-toroq madwar fejn tranġat il-faċċata hemm 'l fuq minn ħamsin post ieħor li sar l-istess tip ta' xogħol? Jidhirlu l-Ministru li għandu jikkonsidra illi l-ħaddiema tal-Planning Authority għandhom jaċċettaw l-użanzi tan-nies tal-lokalita' qabel ma joqogħdu joħolqu inkonvenjent u diskriminazzjoni fit-trattament tagħhom ta' nies differenti fuq l-istess affarijiet? Jista' l-Ministru jordna li l-istess enforcement No.892/98 jiġi rtirat minnufih?
Response (BORG, TONIO)
Is-sezzjoni ta' l-Infurzar ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ġiet mitluba tintervjeni peress illi madum taċ-ċeramika kien qed jiġi mwaħħal maz-zokklu tal-faċċata tal-fond in kwistjoni. Meta l-Uffiċjal inkarigat mar fuq il-post, dan seta' jikkonferma illi ix-xogħol kien qed isir kif allegat. Dak il-ħin stess il-ħaddiema ġew mitluba jieqfu mix-xogħol. Peress illi dan it-tip ta' żvilupp ma jikkwalifikax bħala żvilupp permissibbli taħt l-Avviż Legali Nru. 137/97 (GDO) u peress illi dan is-sit jinstab ġo 'area' ta' konservazzjoni urbana, l-Uffiċjal inkarigat kien kostrett illi joħroġ 'Stop and Enforcement Notice' kontra l-persuni msemmija fl-Interpellanza. L-iżviluppatur seta appella kontra l-Avviż quddiem il-Bord kompetenti skond il-liġi.
Rigward dik il-parti tal-mistoqsija li tirreferi għal żvilupp simili, irid jingħad illi din is-sistema kienet użanza rregolari li kienet tiġri matul is-snin. Is-sezzjoni ta' l-Infurzar dejjem ħadet il-passi neċessarji, iżjed u iżjed meta persuni jinqabdu fil-fatt jagħmlu dan it-tip ta' xogħol kif ġara f'dan il-każ. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar għanda tibqa' taġixxi kontra dan it-tip ta' żvilupp illi barra li m'għandux jiġi nkoraġġit ma huwiex xieraq f' 'areas' meqjusa mportanti mill-att ta' konservazzjoni.
Il-liġi ma tagħti l-ebda poteri lill-Ministru jordna biex jiġi rtirat 'enforcement notice'.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-ispiża tal-manutenzjoni tat-track tal-Marsa s-sena l-oħra telgħet għal Lm35,000 meta din is-sena n-nefqa kienet ta' Lm6,500 biss? Jista' l-Ministru jagħti l-breakdown ta' kif intnefqu dawn il-Lm35,000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa biex saret il-manutenzjoni tat-track tal-Marsa fl-1997 kienet imqassma kif se nsemmi:
Ramel u Żrar Ltd -
Ramel Prima 4579 jardi kubi @ Lm4.60 - Lm21063
Red Sand 425 jardi kubi @ Lm2.25 - Lm 956
Sand Granite 1063 jardi kubi @ Lm3.53 - Lm 3753
ETP - Lm 643
Philip Agius
Kiri ta' makkinarju Lm 4505
Benet Broberg (espert Svediż) -
Spejjeż ta' konsultazzjoni Lm 1212
CJP Tarmac Ltd - Kiri ta' scarfing machine Lm 998
Joseph Borg - trasportar ta' ramel Lm 470
Remig Arapa - trasportar ta' ramel Lm 600
Brian Lia - trasportar ta' ramel Lm 415
Emanuel Cachia - trasportar ta' ramel Lm 15
TOTAL Lm34630
Fl-1998 l-ispiża ammontat għal Lm6494 u kient tinkludi materjal, xogħol, kiri ta' makkinarju u ETP.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 263, jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi riżolta l-kwestjoni u min hu responsabbli biex isir dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-pjan neċessarju irid isir mid-Dipartiment tat-Toroq u n-natura tal-problema li nħolqot minn kostruzzjoni privati li ma' antiċipawx is-sitwazzjoni li qed tinħoloq trid iż-żmien biex tiġi riżolta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex biżżejjed in-numru ta' staff fil-kċejjen ta' l-isptarijiet u jekk għandhomx it-training meħtieġ?
Hemm xi ħsieb li jiġu mpjegati jew re-trained staff f'dan il-qasam?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-Isptarijiet San Luqa, Monte Carmeli, l-Isptar Ġenerali t'Għawdex u r-Residenza San Vinċenz de Paul.
Numru ta` koki għandhom livelli varji ta` taħriġ waqt li numru ieħor ta` impjegati li preżentament qed jagħmlu xogħol fil-kċejjen ta` mħarrġa dwar ix-xogħol tagħhom f'dawn il-kċejjen.
Dwar żieda fl-impjegati ta` staff għal dawn il-kċejjen qed isir stħarriġ jekk dan huwiex il-bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mit-tfassil tal-menus tal-pazjenti fl-isptarijiet fil-preżent?
Jidhirlu l-Ministru li tista' issir reviżjoni ta' l-affarijiet ta' l-ikel li jinxtraw kemm bħala varjeta' kif ukoll bħala kwalita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-tfassil tal-menus tal-pazjenti fl-isptarijiet ta` l-Istat f'Malta u Għawdex inkluż ir-Residenza ta` San Vinċenz de Paul (li llum hija taħt ir-responsabbilta` tal-Ministeru tal-Politika Soċjali) hija r-responsabbilta` tad-dietician li huwa mpjegat tal-Ministeru tas-Saħħa flimkien ma` l-Ispettur tas-Saħħa responsabbli mill-operat tal-kċejjen ta` l-isptarijiet ta` l-Istat f'Malta u Għawdex.
Rigward it-tieni parti tad-domanda ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-provvisti għall-isptarijiet ta` l-Istat f'Malta u Għawdex jiġu pprovduti skond talba għalihom permezz ta` tenders li jinħarġu mis-sezzjoni tas-Supplies tal-Ministeru tas-Saħħa.
Dwar meta ssir reviżjoni ta` meta jinxtraw l-affarijiet ta` l-ikel, kemm bħala varjeta` kif ukoll bħala kwalita` jiddependi mit-talbiet tal-pazjenti u l-ħtiġijiet ta` l-istess pazjenti dwar il-bżonnijiet differenti ta` dieta li jkun irrakommandat lilhom mill-ispeċjalista/konsulent tal-każijiet partikolari li jkunu.
Dan id-dipartiment dejjem jara li jilqa` l-bżonnijiet tal-pazjenti skond il-bżonn.
Jista' l-Ministru jagħtina lista ta' nies reġistrati part-time fishermen u farmers, minn fejn huma u x'inhuma l-impjiegi l-oħra tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ipprovdietli l-parti l-kbira ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
B'danakollu, naħseb li din m'hijiex informazzjoni ta' natura pubblika u ma nħossx li jkun xieraq li tingħata fi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari.
16.11.98
Jista' l-Ministru jagħtina kemma hemm persuni reġistrati bħala disabled mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', kemm hemm persuni reġistrati f'kull kategorija u kemm minnhom huma nisa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. Skond l-istatistika miġbura fir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita' joħorġu dawn il-fatti:
(a) Numru globali ta' persuni rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita: 5596.
(b) L-informazzjoni dwar in-numru ta' nies irreġistrati skond il-kategoriji ta' nuqqasijiet (impairments) qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
(c) Numru globali ta' nisa b'diżabilita' rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita': 2422.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex jiġu trattati l-applikazzjonijiet li kienu fetħu fi żmien Gvern Laburista biex jiġu mpjegati aktar casual workers fiċ-Ċentri ta' Taħriġ għal persuni b'diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li m'hemm l-ebda sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' 'casual workers' fiċ-Ċentri ta' Taħriġ għal Persuni b'Diżabilita' li kienet ħarġet fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti u li għadha pendenti.
16.11.98
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni b'diżabilita' li qed jattendu fiċ-Ċentri ta' Taħriġ f'Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni b'diżabilita' li qed jattendu fiċ-Ċentri ta' taħrig f'Malta u Għawdex huwa kif jidher hawn taħt:
Iċ-Ċentru ta' Ħal-Far - 81
Iċ-Centru ta' Wied il-Għajn - 56
Iċ-Ċentru ta' l-Imtarfa - 104
Iċ-Ċentru ta' Fleur-de-Lys - 110
Iċ-Ċentru ta' l-Għomja, Santa Venera - 25
Iċ-Ċentru ta' Għajnsielem, Għawdex - 30
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jissokta fuq il-pjanijiet ta' Gvern Laburista għaċ-Ċentru ta' Taħriġ ta' Wied il-Għajn, jiġifieri li jiżviluppah f'Ċentru ta' Respite, jaħdem biex isiru possibbli exchange visits u sabiex l-impjegati tal-kċina jibdew jaħdmu fuq skema koperattiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iċ-Ċentru ta' Wied il-Għajn hu proġett tal-Gvern Nazzjonalista ta' qabel l-1996. Dan il-post kien ġie identifikat wara li sar ħafna xogħol mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita matul l-1995 u l-1996. Tant hu hekk li l-konvenju għax-xiri tal-post kien ġie iffirmat ftit qabel l-elezzjoni ta' l-1996 wara negozjati li ħadu fit-tul.
Kien pass pożittiv li l-Gvern Laburista kompla b'dan il-proġett, anke jekk il-ħsieb oriġinali kien li f'dan iċ-Centru jittieħdu inizjattivi ġodda u innovattivi f'dak li għandu x'jaqsam ma l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilita' f'pajjiżna. Naċċerta lill Onor. Membru li se jsir l-aħjar użu minn dan iċ-Ċentru b'risq il-persuni b'diżabilita', u dan skond il-pariri li jingħataw mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'.
Dwar l-impjegati tal-kċina, jien infurmat li kienu nbdew taħditiet mid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi tal-Ministeru tiegħi u mal-Bord tal-Kooperattivi biex titwaqqaf kooperattiva. Sar ukoll abbozz ta' ftehim iżda l-ħaddiema konċernati kellhom xi dubbji u għalissa waqaf il-proċess.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kif il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li toqgħod ġo flat tal-Gvern isfel (taħt il-livell tat-triq) li la għandha bitħa u lanqas shaft, ma ngħatatx permess tagħmel tank ta' l-ilma fuq il-bejt tal-flat tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tip ta' permess jinkiseb mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u għalhekk il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru konċernat.
16.11.98
Jista' l-Ministru jagħti l-istatistika tal-koppji li sseparaw fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998? Jista' jagħti wkoll statistika ta' dawk li f'Malta huma divorzjati jew annullati fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998? Jista' jgħid kemm huwa t-total ta' tfal li jikkonċernaw lil dawn il-koppji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru tagħmel il-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies qed ifittxu x-xogħol? Mil-liema lokalitajiet ġejjin? Hemm minnhom li ilhom jirreġistraw għal ħames snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Settembru 1998 kien ta' 7184. Dawn kienu ġejjin minn dawn il-Kunsilli Lokali:
MALTA GħAWDEX
Attard 60 Msida 127 Fontana 17
Balzan 38 Naxxar 119 Għajnsielem 57
B'Kara 407 Paola 183 Għarb 14
B'Bugia 171 Pembroke 21 Għasri 6
Cospicua 255 Pieta' 62 Kerċem 29
Dingli 40 Qormi 416 Munxar 17
Fgura 177 Qrendi 56 Nadur 74
Floriana 69 Rabat Malta 169 Qala 30
Għargħur 53 San Gwann 184 San Lawrenz 8
Għaxaq 104 Santa Lucia 73 Sannat 33
Gudja 70 Santa Venera 114 Victoria 110
Gżira 124 Senglea 115 Xagħra 84
Ħal Safi 29 Siġġiewi 127 Xewkija 53
Ħamrun 292 Sliema 142 Żebbuġ 47
Kalkara 68 St Julians 103
Kirkop 45 St Paul's Bay 164 TOTAL 579
Lija 26 Swieqi 33
Luqa 128 Tarxien 130
L-Iklin 25 Ta' Xbiex 36
Marsa 222 Valletta 250
Marsascala 109 Vittoriosa 75
Marsaxlokk 65 Xgħajra 17
Mdina 3 Żabbar 344
Mellieħa 41 Żebbug Malta 218
Mġarr Malta 22 Żejtun 263
Mosta 171 Żurrieq 184
Mqabba 66
TOTAL 6,605
Minn dawn hemm 596 li ilhom jirreġistraw għal ħames snin.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta se titneħħa l-anomalija naxxenti mill-fatt illi l-liġi tipprojbixxi l-kaċċaturi lokali milli jkollhom aktar minn żewġ skrataċ fil-magazzin meta minn naħa l-oħra huwa permess l-importazzjoni ta' armi għall-użu tal-kaċċa li huma kapaċi jġorru aktar minn żewġ skrataċ fil-magazine?
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir minn dawk l-armi kollha wżati għal skopijiet ta' kaċċa li għandhom il-magazzin tagħhom li jesa' aktar minn żewġt iskrataċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dwana tirrilaxxa snieter semi awtomatiċi kemm-il darba dawn ikunu b' 'magazine plug insert' li bih jkunu jesgħu biss żewġ skrataċċ fil-'magazine' u ieħor fiċ-'chamber'. Dawk il-persuni li jinqabdu bi snieter semi awtomatiċi li ma jkunux jikkonformaw skond dak li għidt, jittellgħu l-Qorti.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni wara d-deċiżjoni li parti minn Triq iz-Zurrieq gewwa Hal Safi, u dan limitatament għal ftit metri, ġiet dikjarata one-way? Jista' l-Ministru jgħid kif ittieħdet din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jiġi eliminat il-periklu li kien qed jinħoloq mill-volum ta` traffiku li kien jgħaddi mill-qalba tar-raħal.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fi Triq Ta' Ciantar, fiż-Żurrieq hemmx xi area li hija meqjusa bħala zona/area industrijali?
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' permessi nħarġu f'din it-triq?
Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt ġietx liċenzjata f'azjenda sabiex jiġi manufatturat ravjul, tortellini, lasagna u xogħol ieħor ta' l-għaġin?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija t-tweġiba hija fl-affermattiv.
16.11.98
Jista' l-Ministru jara li l-vultaġġ ta' l-elettriku fi Trejqet in-Nigret, fiż-Żurrieq ikun wieħed stabbli peress illi r-residenti ta' l-akwata qegħdin ibatu minn preġudizzju u dannu minħabba fit-tlugħ u nżul ta' dan il-vultaġġ elettriku li xi drabi jkun tant baxx illi jinqata'?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta qiegħda tinvestiga l-ilment tal-Onor. Membru biex tkun tista tieħu l-passi meħtieġa.