Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tal-Ħawli — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk fil-futur qarib hemmx il-ħsieb li l-ambjent madwar il-bini tal-Gvern ġewwa tal-Ħawli jiġi mnaddaf sewwa u rranġat b'mod aħjar mid-dipartiment konċernat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif u l-irranġar tal-ambjent huma r-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali. Dan japplika ukoll fil-Kaz tal-Housing Estates. 16.11.98

Isla — Dockyard Terrace

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk fil-futur qarib hemmx il-ħsieb li Dockyard Terrace ġewwa l-Isla jiġi rranġat mid-dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex il-post ikun denju fejn joqogħdu il-bnedmin u t-tieni li jerġa' jirkupra ftit mill-isbuħija tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm f'dan l-istadju m'hemmx ħsieb li jsir xi xogħol qawwi ta' restawr f'Dockyard Terace, il-Kunsill Lokali ta' l-Isla qed jgħin lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fi studju ta' xi spiża jenħtieġ li ssir biex tiġi restawrata l-faċċata. Ta' min isemmi li ftit tas-snin ilu d-Dipartiment kien bidel diversi soqfa perikolużi tal-verandi ta' dan il-blokk u b'hekk elimina problema li r-residenti kienu ilhom jilmentaw dwarha għal diversi snin. 16.11.98

Isla — Dawl fix-Xatt

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li x-xatt tal-Belt Senglea jiġi mdawwal ferm aħjar milli huwa sabiex wieħed jħajjar aktar nies jinżlu jieklu hemm fil-għaxija anke fix-xhur tax-xitwa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli. 16.11.98
Leg 9 PQ #955 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ħaddiema — Beach cleaners

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema impjegati taħt l-isem ta' beach cleaners jingħataw numru ta' lezzjonijiet fuq l-importanza tal-kultura u l-ambjent ta' pajjiżna u dan sabiex japprezzaw aħjar ħidmiethom?

Response (REFALO, MICHAEL)

Napprezza s-suġġerimenti ta' l-Onor. Membru u sejjer nara' x'jista' jsir f'dan ir-rigward. Nittama wkoll li l-Onorevoli Ħabib tiegħi jaċċetta kull eventwali stedina li lest nagħmillu biex igħin fil-proċess li qed jissuġġerili nħejji.
Leg 9 PQ #956 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Bormla — Poliklinika

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra meta l-Poliklinika ta' Bormla mistennija li tkun lesta billi x-xogħol fuqha jidher ċar li tul dawn l-aħħar ġimgħat ingħata attenzjoni speċjali u għaddej b'pass tajjeb?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Bħalissa kollox jindika illi x-xogħol strutturali tal-kuntrattur jitlesta sa l-aħħar tas-sena u ċ-Ċentru tas-Saħħa jinfetaħ fi żmien xahrejn wara.
Leg 9 PQ #957 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Fgura — Poliklinika

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur viċin tiġi installata jew mibnija Poliklinika ġewwa l-Fgura billi l-maġġornaza kbira tan-nies ta' hemm għandhom diffikulta' biex jużaw dawn is-servizzi billi jridu jitilgħu Raħal Ġdid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma hemm l-ebda ħsieb bħalissa li fil-futur viċin tiġi installata jew mibnija Poliklinika ġewwa l-Fgura.
Leg 9 PQ #971 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Ċimiteru Maria Addolorata — Oqbra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti għall-oqbra taċ-ċimiterju ta' Marija Addolorata, Raħal Ġdid? Jekk bħalissa huwiex isir tħaffir? Il-Gvern għandu oqbra xi jqassam? Jekk hux beħsiebu jkompli jħaffer u meta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 1295 applikant għall-oqbra fiċ-ċimiterju ta` Ġdid u li ma hemmx oqbra x'jitqassmu f'dan iċ-ċimiterju. Nifhem li l-Onorevoli Interpellant li dwar it-tieni u r-raba` talba fid-domanda tiegħu qed jirreferi għal xi estensjoni ta` tkabbir taċ-ċimiterju ta` Santa Marija Addolorata f'Raħal Ġdid. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa mhux qed isir tħaffir għalkemm hi l-intenzjoni ta` dan il-Gvern li espansjoni ta` attwata, wara li jiġu ffinalizzati l-proċeduri neċessarji ma` l-awtoritajiet kompetenti.
Leg 9 PQ #972 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiftħu l-applikazzjonijiet għal suldati fil-Forzi Armati ta' Malta, regolari? Jekk iva, kemm huwa n-numru u meta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Għada kif ħarġet sejħa għall-Applikazzjonijiet għall- Kadetti li tagħlaq fl-20 ta' Novembru 1998. Hemm wkoll il-ħsieb li toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għal suldati fil-Forzi Armati fil-1999. M'hiex il-prattika li jiġu ddikjarati ċ-ċifri tar- reklutaġġ minn qabel li jsir.

Djar — Appartamenti tal-Gvern - Lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru lifts tal-flats tal-Gvern fi Blocks I,II,III, IV u V Triq Ħal Luqa, Tarxien? Hemm il-ħsieb li daħla komuni tingħata ż-żebgħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward l-istallazzjoni ta' Lifts f'bini tal-Gvern, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta' PQ Nru. 409. Rigward it-talba li d-daħla komuni tinżebagħ, għaddejt il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiwsija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa. 16.11.98

Raħal Ġdid — Ċimiterju ta' l-Addolorata - Vit ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fiċ-Ċimiterju Marija Addolorata, Paola, isir vit ta' l-ilma f'Section Q peress li bħalissa ma hemmx?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qatt ma rċeviet applikazzjoni biex jiġi nstallat servizz ta' ilma fil-post imsemmi. Sabiex jingħata dan is-servizz ġdid huwa meħtieġ li ssir l-applikazzjoni lill-Korporazzjoni.

Raħal Ġdid — Vjal Sta. Luċija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux lest li jitfa' ħamrija f'għalqa f'St Lucia Avenue - ħdejn it-tyre service, Paola - ta' l-individwu, li ismu qed jintbagħat separatament, li wara li sar il-proġett ta' daħla taċ-ċimiterju tellgħu ċint fl-għalqa u lanqas ħallew ħamrija biżżejjed b'dannu li l-inkwilin ma jistax jaħdem l-għalqa li ilu jagħmel għexieren ta' snin?

Response (ZAMMIT, NINU)

It-talba tal-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkonsidrata.

Anzjani — Servizz ta' CSA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-anzjani li qegħdin jistennew is-servizz ta' CSA? Kemm inqdew mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jipprovdi l-ismijiet ta' dawk li nqdew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' Anzjani li qed jistennew is-servizz tas-CSA huwa 55. Mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum (11/11/98) ingħataw is-servizz 119 persuna. Mhux etika li tingħata lista bl-ismijiet kif mitlub fil-mistoqsija. 16.11.98
Leg 9 PQ #1007 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MDC — Allokazzjoni ta' art

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-allokazzjoni ta' art lill-kumpannija CAR Limited li kellha issir mill-Malta Development Corporation fl-inħawi ta' Ħal-Far?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq niforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.

Unjoni Ewropea — Fondi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa stmat li Malta se ddaħħal fi pre-accession funds mingħand l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Minħabba li għadha qed tiġi diskussa t-talba ta' Malta għar-rijattivazzjoni ta' l-applikazzjoni għal sħubija fl-Unjoni Ewropea, li twassal biex Malta terġa tinserixxi ruħha fil-proċess tat-tkabbir, il-forma u l-ammont ta' għajnuna li Malta tista' tieħu mill-Unjoni għad trid tiġi diskussa wara li jibdew it-taħdidiet.
Leg 9 PQ #1009 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serq minn knejjes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm knejjes li ġew misruqa mill-elezzjoni ġenerali ta' l-1998 sal-lum? Kemm insterqu aktar kmieni din is-sena? Kemm insterqu fl-1996 u fl-1997?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-5 ta' Settembru, sal-10 ta' Novembru 1998, ġew rappurtati lill-Pulizija 14-il każ ta' knejjes li ġew misruqa, filwaqt li bejn l-1 ta' Jannar, u l-4 ta' Settembru, 1998, kien hemm 9 każijiet. Matul l-1997, minn April, kien hemm 15-il każ. Jien infurmat ukoll li qabel April ma kienetx tinżamm statistika separata dwar dan it-tip ta' reat. 16.11.98

Ambaxxati Maltin barra minn Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma rapporti li mhux se jinħatru political appointees fl-ambaxxati tagħna barra minn Malta meta jsiru ċerti tibdiliet ippjanati?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Jiena ma nafx għal liema rapporti qiegħed jirriferi l-Onor. Interpellant. Pero li għidt jiena f' ċerti okkazzjonijiet hu li nippreferi li il-'postings' barra jimtlew minn uffiċjali professjonali u mhux minn 'political appointees'. Għidt ukoll illi sfortunatament il-korp diplomatiku għadda minn fażijiet diffiċli li waqthom ma tkompliex il-proċess tar-reklutaġġ u ta' speċjalizzazzjoni. Ir-riżultat ta' dan hu illi illum għandna nuqqas serju ħafna fil-livell ta' 'senior officers'. Għalhekk għall-prezent u sa kemm titjieb din is-sitwazzjoni m'hemmx alternattiva oħra milli nikkonsidraw li ninnominaw numru ta''political appointees' f'certi gradi.

Ħamrun — Toroq

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 705, peress li din it-tweġiba ilha tingħata għal perjodu ta' madwar sentejn u peress li s-servizzi tqiegħdu b'mod permanenti fit-toroq imsemmija, jista' l-Ministru jagħti time-frame meta hu maħsub li jsiru dawn ix-xogħlijiet tant meħtieġa u li ilhom tant mistennija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li sa issa għad m'hemmx 'time frame' dwar meta ser jibda' x-xogħol f'din it-triq.
Leg 9 PQ #1012 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

Għarix — Kumpens lill-Perit Mintoff

Question

B'riferenza għall-mistoqsija preċedenti dwar l-istess suġġett, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx diġa' xi ħlas lill-Perit Mintoff bħala kumpens dwar il-kwestjoni ta' l-Għarix u tal-power station? Jekk iva, meta sar dan il-ħlas u kemm kien l-ammont tal-ħlas?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi s'issa l-Perit Dom Mintoff tħallas is-somma ta' LM128,000. indikata bħala danni f'paragrafu 2 tal-'letter of intent' maħruġa mill-Gvern preċedenti.

Valletta — Triq l-Ordinanza - Dawl

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 406 li kienet saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa sabiex id-dawl/bozoz maqtugħa taħt il-loġoġ fi Triq Ordinanza, fil-Belt jibdew jiffunzjonaw?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-manutenzjoni tal-lampi msemmija mill-onorevoli Interpellant ma taqax taħt ir-responsabbilta tal-Korporazzjoni Enemalta, iżda tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet. Għaldaqstant it-talba ġiet mgħoddija lill-imsemmi dipartiment.