Legislature:
Category:
Reset
Active:

WSC/Enemalta — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm impjegati ġew imċaqilqa minn posthom (transfered or redeployed) fil-Water Services Corporation u fl-Enemalta? Minn fejn ġew imċaqilqa u fejn ġew trasferiti? X'kienet ir-raġuni f'kull każ partikolari?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-Onor. Interpellant ma ndikax perjodu speċifiku, ser nillimita t-tweġiba għall-perjodu bejn is-6 ta' Settembru u l-24 ta' Ottubru 1998. Jiena nfurmat li fil-Korporazzjoni Enemalta saru b'kollox 17-il trasferiment u redeployments għar-raġunijiet segwenti:- 8 impjegati ġew lura minn diversi Ministeri 4 impjegati marru jagħtu s-servizz tagħhom f'Ministeri 3 impjegati wara li ħadu ħatra fi grad għola 1 impjegat biex timtela vakanza li nħolqot 1 impjegat fuq talba tiegħu Fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma saru b'kollox 5 trasferimenti u redeployments għar-raġunijiet segwenti:- Impjegat irritorna fid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet fuq talba tiegħu Impjegat intbagħat minn Raħal Ġdid għal Birkirkara biex jissostitwixxi ħaddiem ieħor li għamel operazzjoni serja. 3 impjegati fuq talba tagħhom stess.
Leg 9 PQ #865 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Ex-għalliema - pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu finalizzati d-dettalji dwar l-arranġamenti li saru biex tiġi riżolta l-kwestjoni tad-drittijiet għall-pensjoni ta' dawk li kienu jgħallmu mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qabel Jannar 1979 u issa huma impjegati ta' l-Universita' jgħallmu l-Junior College? X'arranġamenti saru biex din il-kwestjoni ġiet riżolta?

Response (GALEA, LOUIS)

Malli jkolli xi ħaġa ġdida xi nżid mat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Numru 180 ninforma lill-Kamra.
Leg 9 PQ #866 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tfal bi bżonnijiet speċjali — Statementing Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-iStatementing Board biex jeżamina studenti bi bżonnijiet speċjali jingħata saħħa ta' Liġi jew avviż legali? Se jitwaqqaf il-Bord ta' l-Appell li kien hemm il-ħsieb li jitwaqqaf biex quddiemu jinstemgħu każi li d-deċiżjoni dwarhom tkun kontestata?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwel beħsiebni nwettaq xi tibdil bl-iskop li ntejjeb dak li qed isir, inkluż it-Twaqqif ta' Bord ta' Appell, imbagħad ngħaddi għall-konsiderazzjoni ta' l-istruttura legali adatta.
Leg 9 PQ #867 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors tal-Master's

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ma' l-Universita' biex jibda l-kors tal-Master's tant meħtieġ tal-Psikologi edukattivi? Meta mistenni jibda dan il-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kwestjoni ġiet diskussa bejn dawk kollha involuti, inkluż fis-Senat ta' l-Universita' u issa hu deċiż li l-Kors imsemmi jibda fi Frar 1999.
Leg 9 PQ #868 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Istitut M A Sapiano

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jinstabu min jgħallem is-suġġetti fil-branka ta' l-Inġinerija Teknika u fis-suġġetti assoċjati mal-computers li tagħhom hemm għalliema nieqsa f'disa' klassijiet ta' l-Istitut M A Sapiano?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li filwaqt li ġie reġistrat progress fis-sitwazzjoni tan-nuqqas ta' għalliema fis-sens li issa ntbagħat għalliem ġdid tal-computers, għad fadal xi nuqqasijiet u d-Dipartiment konċernat għaddej bl-isforzi tiegħu sabiex jinstabu l-għalliema neċessarji. Għal dan l-iskop barra mill-proċeduri normali għaddejjin trattativi biex possibilment kumpaniji statali, para-statali u anki privati, jipprovdu servizz ta' lectures fl-oqsma ta' speċjalizzazzjoni. Saru wkoll avviżi fuq Channel 22 fejn saret stedina lil dawk bil-kwalifiki neċessarji biex japplikaw għal post ta' 'Supply Teacheres'. Lest nikkonsidra kull proposta li tista' twassal għall-akkwist tas-servizzi meħtieġa.
Leg 9 PQ #870 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jlaqqa' il-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva? Ix-xogħol li kien sar minn dak il-Kumitat se jitwarrab jew se jiġi addottat u żviluppat? Id-deċiżjonijiet li kien intlaħaq qbil dwarhom sa Settembru, 1998 se jerġgħu jiġu kkonsidrati kollha mill-ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

a) Kif ġa għidt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 711 biħsiebni nlaqqa' l-kumitat imsemmi fil-futur qrib. b) Ebda xogħol la ta' dan il-Kumitat u lanqas xogħol ieħor mhu ser jitwarrab imma ser jiġi żviluppat fid-dawl tal-politika tal-Gvern preżenti. c) Id-deċiżjonijiet imsemmija ser jiġu riveduti fid-dawl tal-Politika tal-Gvern preżenti li l-Persuni b'Diżabilita' u l-familji tagħna jkunu parti sħiħa mill-proċess ta' pjanar u deċiżjonijiet li jikkonċernawhom.
Leg 9 PQ #871 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu biex it-22 tifel u tifla bi bżonnijiet speċjali, li sal-bidu ta' Novembru, 1998 kien għadhom ma bdewx l-edukazzjoni tagħhom, jibdew jieħdu l-edukazzjoni tagħhom b'mod regolari fi skejjel ma' tfal oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dawn il-jiem li ġejjin id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ser toħroġ sejħa għall-ingaġġ ta' Supply Kindergarten Assistants għal tfal bi bżonnijiet speċjali.
Leg 9 PQ #883 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Banek — Mid-Med - Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, talab li jerġa' jidħol il-Mid-Med Bank? Meta ġie aċċettat lura? Taħt liema ftehim u b'liema kriterji? Meta l-aħħar li ħadem il-bank qabel reġa' lura? F'liema grad telaq? F'liema grad daħal lura? Kemm-il promozzjoni ħa u b'liema kriterju?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Postings ta' impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 754, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma dawn l-uffiċjali li ngħataw posting u f'liema missjonijiet Maltin barra minn Malta nħatru? Dawn żdiedu ma'l-istaff li kien hemm jew ġew replaced lil ħaddieħor? F'dan il-każ, min ġie msejjaħ lura Malta?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-uffiċċjali li qed jintbagħtu jservu f' ambaxxati Maltin barra minn Malta huma: 1. Is-Sur Bernard Cachia Riyadh 2. Is-Sur John Gatt Rutter Il-Kajr 3. Is-Sur Cajetan Schembri Brussell 4. Is-Sinjorina Michelle Micallef Brussell L-uffiċċjali msemmija kollha bidlu uffiċċjali li jew temmew jew se jtemmu t-terminu tal-'posting' tagħhom.
Leg 9 PQ #903 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Sir Paul Boffa — Dipartiment tal-Ġilda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti li attendew għal visti fid-Dipartiment tal-Ġilda fl-Isptar Sir Paul Boffa f'din l-aħħar sena? Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm pazjenti li ġew operati f'dan l-istess dipartiment fl-istess żmien? Rigward il-magna tal-PUVA, jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm pazjenti rċevew kura b'din il-magna f'din l-aħħar sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-pazjenti li attendew għal visti fid-dipartiment tal-Ġilda, fl-isptar Sir Paul Boffa f'din l-aħħar sena, jiġifieri minn Jannar 1998 sa Ottubru 1998, kienu jammontaw għal 13,762 ruħ. Il-pazjenti li ġew operati f'dan l-istess dipartiment u fl-istess żmien kienu jammontaw għal 810. Kien hemm ukoll 155 pazjent li rċevew kura bil-magna tal-PUVA f'din l-aħħar sena.

Anzjani — Dħul fl-Isptar San Vinċenz

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se tkun tista' tidħol f'xi dar ta' l-anzjani wara li ilha madwar sentejn applikata biex tidħol fl-Isptar San Vinċenz de Paule?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, applikat biex tidħol fir-Residenza San Vincenz fis-7 t'Awissu, 1997. Skond rapport mediku, il-persuna konċernata ma tistax tiġi kkunsidrata għad-dħul fid-djar residenzjali tal-Anzjani. Kif taf l-Onor. Interpellant, hemm 'waiting list' twila għad-dħul f'San Vinċenz. Il-priorita' jew le ta' dan il-każ qed tiġi eżaminata mill-ġdid. 16.11.98

Servizzi Soċjali — Care workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjonijiet li ħarġu f'Mejju jew Ġunju, 1998 għal care workers mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali? Jista' jgħid jekk min applika huwiex se jiġi kkonsidrat għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nippresumi li l-Onor. Membru qed tirreferi għas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ħatra ta' 'care workers' fiċ-Ċentri ta' Taħriġ għall-Persuni b'Diżabilita' u mhux mad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Nikkonferma li dan il-proċess ta' għażla ser jitkompla. Iżda, peress li l-persuna li kienet inħatret bħala 'Chairman' tal-Bord ta' Għażla kienet sussegwentement indikat li ma xtaqitx tassumi din il-ħatra, qed jittieħdu passi sabiex jinħatar 'PSC Selection Board' ieħor. 16.ll.98

Anzjani — Assistenti soċjali każwali

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni, sena b'sena, dwar in-numru ta' casual social assistants li ħadmu u li qed jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Anzjani (minn meta ġew ingaġġati)? Kemm hu n-numru ta' anzjani li għamlu u qed jagħmlu użu minn dan is-servizz sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra. 16.11.98

Assistenti soċjali każwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' casual social assistants li kienu u qed jaħdmu f'Għawdex, sena b'sena? Kemm hu n-numru ta' anzjani li għamlu użu minn dan is-servizz, sena b'sena, u lokal b'lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lil Ministru responsabbli. 17.11.98

Anzjani — Assistenti soċjali każwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talbiet pendenti minn anzjani, eċċ għas-servizz tal-casual social assistants? Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond jekk it-talba hijiex ġdida jew inkella żieda, sigħat, eċċ? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li ġie mnaqqas lilhom il-ħin ta' servizz li kienu jieħdu mingħand is-CSA's u x'inhuma r-raġunijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra. 16.11.98

Impjiegi — Persuni li jispiċċaw bla xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' persuna li tispiċċa bla xogħol u li wara jinstab li l-imgħallem (ta' qabel) tagħha ma ħallasx il-bolol dovuti sakemm din baqgħet taħdem minkejja li mill-paga tal-persuna tkun inqatgħet il-kontribuzzjoni relattiva? Għaliex f'każi bħal dawn il-persuna bla xogħol tispiċċa ma tieħux il-benefiċċju tal-qgħad, minkejja li ma jkollha l-ebda tort?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Liġi tas-Sigurta' Soċjali tipprovdi li persuna li tkun tnaqsitilha l-kontribuzzjoni mill-paga, minkejja li l-imgħallem ma jkunx għadu ħallas il-kontribuzzjoni dovuta lid-Dipartiment, ma titlef ebda benefiċċju kawża ta' hekk, sakemm tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet. Kontribuzzjonijiet imnaqqsa mill-paga jiġu meqjusa daqs li kieku kienu tħallsu lid-Dipartiment. Ovvjament, id-Dipartiment aktar tard jieħu passi biex dawn il-kontribuzzjonijiet jinġabru. 16.11.98

Mtarfa — Garaxx Nru. 62

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk garaxx Nru. 62 fl-Imtarfa huwiex se jinħareġ mill-Awtorita' tad-Djar għall-bini jew bejgħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-garaxx numru 62 li hemm ġo Binja Buqana, Mtarfa, dan ser jinħareġ għall-bejgħ b'sejħa għall-offerti. 16.11.98
Leg 9 PQ #916 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tax-Xogħlijiet — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-prattika li l-ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet Pubbliċi jiffirmaw l-attendenza kemm meta jidħlu għax-xogħol kif ukoll qabel ma jitilqu għadhiex fis-seħħ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Iva, il-prattika għadha illi l-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet jiffirmaw l-attendenza kemm meta jidħlu għax-xogħol u kif ukoll qabel ma jitilqu għadha fis-seħħ, kif kienet fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Leg 9 PQ #917 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tas-Segretarju tal-Kabinett — Inspectorate Unit

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar mill-Inspectorate Unit fi ħdan l-uffiċċju tas-Segretarju tal-Kabinett?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Inspectorate Unit li kien fi ħdan l-Uffiċċju tal- Kabinett ġie xolt u skond kif jien infurmat, it-tlett uffiċċjali li kienu jiffurmaw il-Unit irritornaw fid- dipartimenti rispettivi tagħhom.