Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigurta' Soċjali — Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni qegħdin jistennew li tinħadmilhom il-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali? Minn meta jibda dan il-case-load? X'passi qiegħed jieħu d-dipartiment sabiex jitħaffef il-proċess tal-N.I. pension lil dawk li għalqu l-61 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal xi Pensjoni Kontributorja huwa ta' 546. Din il-figura hija maqsuma f'37 applikazzjoni għal Pensjoni għar-Romol; 119 għal Pensjoni għal Invalidita' u 390 għal Pensjoni għal min jirtira. Fir-rigward tal-Pensjoni għar-Romol ma hemmx backlog imma s-37 applikazzjoni huma applikazzjonijiet ġodda li daħlu fid-Dipartiment riċentement. Hija policy tad-Dipartiment f'dawn il-każi li l-pagament tal-Pensjoni għar-Romol isir mill-aktar fis possibli u fil-maġġoranza tal-każi din tkun mħallsa sad-data tal-pagament ta' dawn il-pensjonijiet li jkun jmiss wara li din l-applikazzjoni tkun daħlet fid-Dipartiment. Fir-rigward tal-Pensjoni għall-Invalidita' jrid jingħad li minn dawn il-każi madwar 30 applikazzjoni huma pendenti biex jidhru quddiem panel mediku - 26 huma pendenti biex jibda l-proċess ta' l-applikazzjoni u l-kumplament ta' 63 każ għandhom ikunu mħallsa mall-pagament li jmiss tal-Pensjonijiet għal Invalidita' fl-aħħar ta' dan ix-xahar. Fir-rigward tal-każi pendenti quddiem il-panel mediku, dawn mistennija li jitlestew minn dan il-proċess sa ħmistax oħra. Fir-rigward ta' Pensjonijiet għal min jirtira jien infurmat li billi l-proċedura hija li persuna tapplika għal Pensjoni tlett xhur qabel ma tilħaq l-eta' tal-Pensjoni, l-maġġoranza tal-każi pendenti huma ta' persuni li għadhom ma laħħqux l-eta' tal-pensjoni. Ninforma lil Onor. Interpellant li d-Dipartiment kontinwament u fejn possibli qiegħed jirevedi l-policies tiegħu fir-rigward tal-proċess ta' applikazzjonijiet għal pensjoni. Infatti fil-bidu ta' dan ix-xahar ġie rivedut il-proċess fil-każi ta' applikazzjonijiet ta' persuni li jinpjegaw lilhom infushom. Bil-proċess il-ġdid huwa ttamat li d-dewmien li f'każijiet kienet tlaħħaq ix-xhur issa hu mistenni li jitħaffef aktar għal-benefiċċju ta' dawn il-persuni. 17.11.98

Qormi — Triq l-Imdina

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li x-xogħol fi Triq l-Imdina, f'Ħal Qormi jibda kif semma f'mistoqsija parlamentari numru 200? Ma jidhirlux il-Ministru li minħabba l-periklu serju li hemm f'din it-triq traffikuża u l-aċċidenti serji li seħħew, m'hemmx lok li wieħed jistenna, iżda din il-pedestrian crossing tingħata l-prijorita' li għandha bżonn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li x-xogħol fi Triq l-Imdina, Ħal-Qormi ser jitkompla malli t-tender li kienet ippubblikata xi żmien ilu tiġi aġġudikata. Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment li jekk jara li agġudikazzjoni ser tieħu xi żmien jieħu passi neċessarji biex dawn il-'pelican lights' jitwaħħlu.

Qormi — Triq Manwel Dimech

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta fi Triq Manwel Dimech, f'Ħal Qormi se ssir xi pedestrian crossing bil-għan li jitnaqqas ir-riskju serju meta wieħed jaqsam din it-triq traffikuża?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt is-suġġeriment ta'l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex ikun jista' jiġi ikkunsidrat.
Leg 9 PQ #1064 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Ingaġġ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kuntratt tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u li taħdem fis-sezzjoni tal-Finanzi/Audit? Jidhirlu l-Ministru li dan għandu jiġi rivedut u jiġu eżaminati sew jekk kellux isir dan l-ingaġġ u x'kienu t-terms of reference ta' l-istess kariga? Veru li dan l-impjieg hu fuq probation sal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-kuntratt li sar bejn il-Korporazzjoni u ċ-Chief Internal Auditor tal-istess korporazzjoni fil-31 ta' Lulju 1998 li issostitwixxa dak magħmul bejn iż-żewġ partijiet fis-26 ta' Marzu 1997.
Leg 9 PQ #1065 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Joint office — Fidi ta' ċens T2174/97

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra in rigward tal-Joint Office għaliex talba għall-fidi ta' ċens skond file Nru.T2174/97, fejn qed jiġi mitlub li jinfeda ċens fir-Rabat, Malta kif jitlob l-Att oriġinali tal-enfitewsi - sal-lum għada ma ġietx sodisfatta meta jirriżulta biċ-ċar li d-dirett dominju (ċens) għadda lill-gvern skond Att IV ta' l-1992? Jista' l-Ministru jara illi dan isir minnufih billi altrimenti dan jista' joħloq att diskriminatorju kontra ċ-ċenswalista?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ċ-ċens li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interperllant, hu, fost ċnus oħra, suġġett ta' diskussjonijiet li għadhom għaddejjin bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede u sakemm dawn jiġu konklużi, dan iċ-ċens ma jistax jinfeda. 17.11.98
Leg 9 PQ #1066 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni PA 6150/97

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex PA application 1254/98 għadha pendenti meta dan hu prattikament fuq l-istess linji ta' PA 6150/97? Jidhirlu l-Ministru li dan il-file qed jiġi prolungat iżżejjed meta dan hu "Run of the Mill"?

Response (BORG, TONIO)

Jiena nfurmat li l-iskema ta' l-Iżvilupp Nru. 35 tindika b'mod ċar li fil-partijiet qodma tar-Rabat l-għola permess huwa ta' żewġ sulari. Il-fatt li id-DCC tat permess ta' tlett sulari fuq is-sit ta' ma' ġenb (PA 6150/97) kontra l-parir ta' l-istess Direttorat, ma jorbotx lid-Direttorat li jagħmel l-istess rakkomandazzjoni fuq PA 1254/98. Għal kuntrarju id-Direttorat huwa marbut li jibbaża r-rakkomandazzjoni tiegħu fuq il-'Policies' ta' Pjan ta' Struttura u mhux fuq preċedent. Imbagħad id-DCC finalment jagħmel id-deċiżjoni. Jiena nfurmat ukoll li d-Direttorat lesta id-DPA 'report' fil-5 ta' Ottubru 1998 meta t-'target date' tal-applikazzjoni kienet fis-26 ta' Ottubru 1998. Dan ifisser illi l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni sar fil-limiti taż-żmien kif stipulat fil-liġi u għalhekk ma jirriżultax illi dan il-'file' ġie prolungat iżjed milli suppost. Wara illi kopja ta' dan ir-rapport ingħata lill-perit għal kummenti tiegħu, dan insista illi jiltaqa ma' membri tad-'development control unit' sabiex jiddiskuti il-punti li ssemmew fir-rapport. Huwa għalhekk kawża ta' l-insistenza ta' parti tal-perit biex issir din il-laqgħa illi l-'file' ġie riferut għall-aġenda tad-DCC fl-4 ta' Novembru 1998 b'noti addizjonali. 17.11.98

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

In vista ta' l-esproprjazzjoni tal-Gvern ta' biċċa art ta' 191m.k. fl-Imsida kontrada ta' Xmiexi li tmiss minn nofsinhar ma' triq pubblika majjistral ma' ġid ta' Joseph Mallia u grigal ma' ġid tal-familja Fenech u oħrajn skond dikjarazzjoni tal-President tas-26 ta' Ġunju, 1990 (Avviż Nru. 481); u In vista tal-ħtieġa li t-triq tinfetaħ, jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex il-persuna li qed tokkupa 2, Triq San Alwiġi, Msida fejn qegħda din l-art jingħata akkomodazzjoni alternattiva? Meta jaħseb il-Ministru li din it-talba tiġi milqugħa u mwettqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandu l-ebda talba biex joffri akkomodazzjoni alternattiva lir-residenti tal-post indikat. 17.11.98
Leg 9 PQ #1068 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Mġarr — Esproprjazzjoni ta' plots

Question

Billi l-Gvern qed jinsisti li jesproprja mingħand 16-il familja Mġarin 13-il plot fabrikabbli ta' kejl ta' cirka 6.3 metri faċċata b'medja ta' 30 metru fond fi Triq Ramiro Cali, Mġarr, kantuniera ma' Triq San Pietru, sabiex issir estensjoni ma' l-iskola lokali; jista' l-Ministru jara li l-istess familji jingħataw art ta' l-istess kobor fl-Imġarr, Malta jew lokalita' oħra li jkunu wkoll fabbrikabbli sakemm mhux possibbli li dawn jitħallsu bi prezzijiet tas-suq u ċioe' Lm25,000 sa Lm28,000 għal kull biċċa art (plot) u mhux kif ġew offruti prezz redikolu mil-Lands Department?

Response (BORG, TONIO)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 1058, f'Seduta Numru 11, nixtieq ngħid li ninsab infurmat li s-sidien għad ma ġew offruti ebda prezz għax l-istess sidien għadhom ma ġewx identifikati mid-Dipartiment konċernat. 17.11.98
Leg 9 PQ #1069 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Applikazzjoni għal permess ta' ħanut

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk Application No. TLG 57/98 għal ħruġ ta' permess ta' ħanut ta' greengrocer fi Triq il-Pijunieri f'isem il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, għadu ma ħariġx meta mid-Depot diversi drabi ġie informat b'kollox sew u li l-liċenzja approvata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant għad jonqosha l-firem tal-kunsens tal-ġirien. 17.11.98

Social workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li joħorġu applikazzjonijiet għal social workers? Hemm xi pjanijiet biex is-social workers li hemm fid-dikasteru tiegħu jingħataw korsijiet ta' refresher courses?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nieħu pjaċir ninforma lill-Onor. Membru li, wara t-taqtiegħ ta' qalb li kellha tgħaddi minnu l-Aġenzija 'Social Welfare Development Programme' minħabba r-riżorsi finanzjarji limitati li kien allokalha l-Gvern preċedenti għas-sena 1998 u wara li din il-problem ġiet rimedjata mill-Amministrazzjoni preżenti, diġa tajt l-awtorita' sabiex l-SWDP tkun tista' tingaġġa numru ta' 'Social Workers'. Huwa ppjanat ukoll li, fil-ġejjieni qarib, id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja joħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet ta' 'Social Worker'. 'Refresher courses' għas-'Social Workers' isiru fuq bażi regolari. 17.11.98

Liġi dwar Opportunitajiet Indaqs

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżommu milli jressaq il-Liġi li kien diġa' sar l-ewwel qari tagħha, jiġifieri Opportunitajiet Indaqs (persuni b'diżabilita') fil-Parlament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern mhux ser jagħmel bħal Gvern preċedenti u jaħli sentejn biex iġib din il-liġi quddiem il-Parlament. Bhalissa qed jitħejja dak kollox li hemm bżonn biex l-abbozz jitressaq qabel l-aħħar ta' din is-sena. 17.11.98

Liġijiet taċ-CERA/IRA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol qiegħed isir sabiex jiġi ffinalizzat ix-xogħol ta' l-amministrazzjoni Laburista dwar l-emendi fil-liġijiet taċ-CERA u l-IRA? Jista' jagħti indikazzjoni ta' meta beħsiebu jressaq dawn iż-żewġ liġijiet għall-ewwel qari fil-Parlament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet dwar tibdil fil-Liġi dwar ir-relazzjonijiet industrijali u fiċ-Ċera, ilhom li bdew minn żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista ta' qabel l-1996. Kif kelli l-okkażjoni li ngħid pubblikament, dan il-Gvern hu determinat li jwassal dawn id-diskussjonijiet għal konklużjoni b'abbozz ta' Liġi li jitressaq għad-diskussjoni quddiem dan il-Parlament. Tlabt lill-imsieħba soċjali miġbura fl-MCED, biex jibgħatuli l-proposti konkreti tagħhom. 17.11.98

Għawdex — Sezzjoni tal-mard

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sezzjoni tal-ħlasijiet tal-mard li qegħda titħaddem mid-Dipartiment f'Għawdex, u meta se tiġi up-to-date u dawk li jkunu biċ-ċertifikati ma jibqgħux tliet xhur jew aktar mingħajr ħlas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li s-sezzjoni tad-Dipartiment tas-Siġurta' Soċjali li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru ġiet trasferita Għawdex bl-għaġġla ftit ġranet qabel l-aħħar Elezzjonijiet Ġenerali u qabel ma laħaq twettaq il-programm ta' taħriġ kollu li kien hemm maħsub għall-impjegati konċernati. B'danakollu, it-taħriġ ta' dawn l-impjegati qed jitkompla f'Għawdex stess. Ta' min isemmi wkoll li l-proċess li jwettqu dawn l-impjegati issa ġie kkomputeriżżat u għalhekk dawn l-impjegati jinħtieġu aktar taħriġ anke f'dan il-kuntest. Nittama li fi żmien qasir, is-sezzjoni tkun f'qagħda li tħallas il-benefiċċju fi żmien inqas minn dak li normalment kien maħtieġ bis-sistema manwali ta' qabel. 17.11.98

Persuni b'diżabilita' — Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jieħdu l-pensjoni tad-diżabilita' u kemm minnhom qed jirċievu l-blind pension?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni f'pajjiżna li jibbenefikaw minn pensjoni taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali bħala persuni b'diżabilita', huwa ta' 1,898. Minn dawn 112 huma persuni li jbatu minn nuqqas ta' dawl. 17.11.98

Impjiegi — Ħaddiema impressed

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern beħsiebu li jwettaq il-wegħda elettorali tiegħu li jagħmel lil dawk reġistrati bħala impressed tal-post mal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassigura lill-Onor. Membru li dan il-Gvern il-wegħdiet elettorali tiegħu bi ħsiebu jonorhom u jwettaqhom. Id-deċiżjonijiet li diġa ttieħdu jew li ser jittieħdu f'dawn l-ewwel ftit xhur ta' din l-Amministrazzjoni huma xhieda ta' dan l-impenn. 17.11.98
Leg 9 PQ #1120 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Ditta responsabbli mit-tindif

Question

Jaf il-Ministru li d-ditta privata responsabbli mit-tindif fl-Isptar San Luqa: 1) ma tħallasx il-ħaddiema meta jkunu morda; 2) ma tħallasx il-ħaddiema b'rata ta' overtime meta jaħdmu aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa; 3) qed tiskoraġġixxi lill-ħaddiema milli jissieħbu fi trade unions; 4) qed ikollha nuqqas ta' proviżjoni ta' prodotti bħal detergents li huma tant meħtieġa fix-xogħol tagħhom? Jistgħu jitjiebu l-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn il-ħaddiema billi l-Gvern jagħmel dawn bħala kondizzjoni qabel ma jingħata kuntratt ta' tindif?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru responsabbli.

Djar — Oqsma tad-djar

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk il-Gvern huwiex se jinvesta fil-bini ta' housing estates ġodda u jekk fl-affermattiv, fejn hu ppjanat li dawn l-estates jinbnew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għanda artijiet biex tkompli għaddejja bil-proġetti tal-bini ta' flats u maisonettes f'diversi inħawi madwar Malta u Għawdex. Ta' min isemmi ukoll il-proġett ta' Pembroke fejn fis-snin li ġejjin għandhom jinbnew madwar 350 units fl-ewwel fażi tal-proġett. 17.11.98

Djar — Oqsma tad-djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex se jieħu ħsieb jimmodernizza l-estates tal-gvern l-antiki billi jinstalla lifts fejn m'hemmx, ibiddel u jirranġa xogħol tal-ġebla u jipprovdi street furniture fejn m'hemmx jew fejn hemm bżonn li tinbidel? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex beħsiebu jiddedika flus għal dan l-iskop?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward il-lifts, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għal PQ Nru 409. Rigward xogħol ta' 'landscaping' u 'street furniture', ninforma lil Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għaddej bi programm ta' żviluppar ta' ġonna f'Oqsma ta' Djar. Fil-fatt bħalissa għaddej xogħol fil-'housing estates' tal-Fgura, Gudja, Ħal Għaxaq, tal-Pieta' u l-Furjana. 17.11.98

Djar — Żurrieq - Plots

Question

Jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm hemm plots fiż-Żurrieq li mhumiex żviluppati li huma proprjeta' tal-Joint Office; 2) jekk dawn il-plots humiex se jiġu allokati jew inkella żviluppati u wara allokati; 3) jekk dan il-proċess huwa pendenti, dawn l-istess plot se jiġu mdawra b'ħitan bħalma ġew imġiegħla jagħmlu sidien ta' plots oħra fl-istess lokalita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli. 17.11.98