Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk saritx xi inkjesta fil-Kunsill Lokali tal-Marsa? Jekk iva, jista' jpoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi ghall-
Interim Audit magħmul mill-Awditur tal-Gvern Lokali.
Dan ir-rapport diġa tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-poplu Marsi jiġi kkumpensat għad-danni li josfri mid-dħaħen taċ-ċmieni tal-power station tal-Marsa, bħalma ħa l-Perit Duminku Mintoff għad-danni li sofra bil-power station ta' Delimara mibnija mill-Gvern Nazzjonalista? Jekk iva, x'tip ta' kumpens ingħata?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpens lill-Perit Mintoff qed isir skond 'letter of intent' maħruġa mill-Gvern preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex se tinżamm il-wegħda li Triq Angelo Psaila, Triq Carmelo Robinich, Triq Marija Addolorata, Triq tax-Xewk, u Triq Mons. Franġisk Xuereb, kollha f'Raħal Ġdid jingħataw it-tarmak wara li fi żmien il-Ministru Michael Frendo ta' Gvern Nazzjonalista kien ġie mwiegħed dan lili bħala Sindku ta' dak iż-żmien u l-istess kien imwiegħed lili mill-Ministru Charles Buhagiar ta' Gvern Laburista bħala Sindku ta' dak iż-żmien u minħabba l-elezzjoni ġenerali dan reġa' ma sarx?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat lix-xogħol indikat mill-Onor Interpellant ser issir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm kienu dawk il-persuni b'diżabilita' li gawdew mis-servizz tal-home help matul l-1996, 1997 u sa Settembru ta' l-1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
18.11.98
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm saru, jekk saru, u meta saru transfers ta' gwardjani mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin għal dipartimenti oħra tal-gvern matul l-1996, 1997 u din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' transfers ta' gwardjani mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin għal dipartimenti oħra tal-gvern matul l-1996, 1997 u din is-sena kien ta' 3.
Dawn it-transfers saru fl-1 ta' April, 1998, fl-1 ta' Ġunju, 1998 u fis-26 ta' Ottubru, 1998.
18.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu msewwijin il-bozoz u l-brazzi li jdawwlu l-faċċata tal-Knisja Parrokjali ta' San Lawrenz fil-Birgu kif ukoll il-monument tal-Ħelsien li jinsab fil-pjazza ta' quddiem l-istess knisja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-dawl li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant ma jaqax taħt ir-responsabbilta tal-Korporazzjoni Enemalta. Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni infurmat kemm lill-Kunsill Lokali tal-Birgu kif ukoll lid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet biex issir il-manutenzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti universitarji Maltin li ħadu sehem fil-programm Socrates ta' l-Unjoni Ewropea, sena b'sena, minn mindu Malta bdiet tieħu sehem f'dan il-programam?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri: 11152, 12080 u 12430 li ingħataw fil-Leġislatura preċedenti kif ukoll għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari numru 1144 li tajt ftit ilu.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 649, jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw il-Kumitat tan-Nomini (Att dwar Ġieħ ir-Repubblika) u min kienu dawk ta' qabel ma ġie ffurmat mill-ġdid dan il-kumitat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Kumitat tan-Nomini imwaqqaf taħt l-Att dwar Ġieħ ir-
Repubblika huwa kompost minn:
Is-Sur Alfred Fiorini Lowell - Chairman ex officio
Segretarju tal-Kabinett
Dott Anthony Borg Barthet
Is-Sur Richard Cachia Caruana
Is-Sinjorina Angela Callus
L-Imħallef Victor Caruana Colombo
Dott Mercedes Schembri Wismayer
Rev Professur Peter Serracino Inglott
Il-Kumitat ta' qabel kien magħmul minn:
Is-Sur Joseph Zammit - Chairman ex officio
Segretarju tal-Kabinett
Dott Anthony Borg Barthet
Dott Philip Sciberras
Dott Dominic Fenech
Is-Sur Joe Attard
Is-Sinjura Matilde Balzan
Is-Sinjura Josephine Attard Sultana
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-Munxar kif ukoll l-area fejn kien hemm id-Deutsche Welle fi Xrobb l-Għaġin, isir park nazzjonali? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jibda dan ix-xogħol? Fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Min se jagħmel dan ix-xogħol? Jekk le, x'se jiġri minn dawn l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Proġett tal-Park Nazzjonali f'Delimara għadu qiegħed taħt studju u qegħdin jitħejjew il-pjanti neċessarji għal dan ix-xogħol. Huwa maħsub hekk kif dawn ikunu lesti u jinġiebu l-permessi neċessarji, li x-xogħol ikun jista' jibda. Dan iżda huwa marbut ma' żewġ Parks Nazzjonali oħra, dak ta' Ta' Qali u Tas-Salina u għalhekk wieħed irid jara l-prioritajiet.
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex l-istudenti fl-iskola Carlo Diacono fiż-Żejtun ġew kostretti jixtru ktieb bl-ingliż u jħallsu Lm3 anke jekk il-prezz kien immarkat anqas? Min awtorizza li dan isir? Dan jista'jagħti lok għall-abbuż minħabba li jista' jsir xi qligħ ta' flus u dan a skapitu tat-tfal. Id-dipartiment ta' l-edukazzjoni kien infurmat b'dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti fl-Iskola Carlo Diacono, Junior Lyceum taż-Żejtun ma ġew kostretti jixtru ebda ktieb ta' l-Ingliż.
Probabilment l-Onor. Membru qed jirreferi għall-inizjattiva li ħadu xi għalliema ta' l-Ingliż, biex skond id-Development Plan ta' l-iskola jsaħħu t-tagħlim ta' din il-lingwa. Dawn l-għalliema għamlu proġett li permezz tiegħu l-istudenti ngħataw il-possibilita' - u mhux ġew obbligati - li fi tmiem is-sena jixtru bil-prezz ta' Lm3 wieħed mill-25 ktieb li nxtraw biex jinqraw matul is-sena. Il-Prezz ta' dawn il-kotba jvarja minn Lm2.75 għall-Lm4.35 (7 jiswew inqas minn L3 u 18 aktar minn Lm3) u għalhekk ġie deċiż li dawk li jixtru l-kotba jħallsu ftit anqas mill-media - jiġifieri Lm3. Fil-fatt dan mhu se jħalli ebda qliegħ.
Bis-sistema ta' devolviment ta' l-awtorita' lill-iskejjel, ma hemm ebda ħtieġa li d-Dipartiment joqgħod jiġi nfurmat jew mitlub li jgħati awtorizzazzjoni fi proġetti bħal dawn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk awtorizzax lil xi deputati Nazzjonalisti sabiex lejn l-aħħar ġimgħa ta' Ottubru jew f'xi ġranet oħra, marru f'xi skola u anke daħlu fl-uffiċċju tal-headmistress u raw xi files kif ukoll ċemplu mill-istess uffiċċju? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni? X'kien l-iskop li sar dan? Jista' l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza partikolari għall-iskola Primarja "A" taż-Żejtun?
Response (GALEA, LOUIS)
Għandi informazzjoni mill-Kap ta' l-iskola Żejtun A li Onor. Mario Galea mar darba f'din l-iskola wara li kellu xi kuntatti mil-ġenituri dwar nuqqas ta' caretakers. Waqt li kien l-iskola s-Sur Galea ma rax files, iżda ċempel lid-Dipartiment dwar l-istess problema.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vetturi, karozzi, muturi, tractors eċċ irrapportati misruqa lill-Pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Kemm minn dawn il-karozzi kienu tal-kiri?
Kemm minn dawn il-każijiet ġew rimedjati? Kemm huwa n-numru ta' persuni li l-pulizija ressqet quddiem il-qrati b'konnessjoni ma' dawn is-serqiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni rrapportati mejta lill-Pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Kemm minn dawn il-każijiet għadhom qed jiġu mistħarrġa mill-Pulizija u kemm ġew u/jew qed jiġu trattati quddiem il-qrati tagħna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej : -
Sena 1994 1995 1996 1997 1998
Numru 118 106 94 156 126
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' sejbiet ta' droga eroina, kokaina, eċċ, eċċ li wettqet il-pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Kemm kienu l-kwantitajiet kull sena ta' droga misjuba?
Kemm minn dawn il-każijiet ġew trattati u kemm għadhom pendenti minħabba investigazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-każijiet kollha ġew investigati.
It-tagħrif dwar kemm minn dawn il-każijiet ġew trattati u kemm għadhom pendenti jingħata f'xi seduta oħra.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' talbiet għat-trasferiment ta' proprjeta' u/jew artijiet pendenti fl-Uffiċċju Konġunt?
Billi ħafna ċittadini jilmentaw li ilhom snin kbar jistennew li jiġu ffinalizzati t-talbiet tagħhom, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'miżuri jittieħdu sabiex dawn il-każijiet jiġu ttrattati fl-affermattiv?
Response (BORG, TONIO)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Iskemi għax-Xiri ta' Djar u Fidwa ta' Ċens li kienu ġew imnedija f'Lulju u f'Awissu 1996 u f'Awissu 1998. Ninsab infurmat li fl-Uffiċċju Konġunt hemm 1,120 talba pendenti taħt dawn l-iskemi.
Filwaqt li ma naqbilx li dawn it-talbiet ilhom 'snin kbar' pendenti, ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt jagħmel dak kollu possibli, minkejja diffikultajiet tekniċi u amministrattivi, biex jiffinalizza t-talbiet pendenti.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku fatali lill-Pulizija matul din is-sena?
Kemm minn dawn il-każijiet għadhom qed jiġu nvestigati mill-pulizija u kemm hemm każijiet fil-preżent quddiem il-qrati tagħna dwar inċidenti fatali tat-traffiku li seħħew matul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' inċidenti tat-traffiku fatali din is-sena, sal-24 t'Ottubru, kien ta' 13 u minn dawn 10 każijiet għadhom qed jiġu nvestigati.
Rigward in-numru ta' każijiet pendenti quddiem il-Qorti dwar inċidenti fatali tat-traffiku li seħħew matul dawn l-aħħar ħames snin, ninsab infurmat li dan hu ta' 14.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku fejn ġiet imsejħa l-pulizija matul din is-sena?
Fil-fatt, x'kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku rrapporti lill-pulizija matul l-aħħar għaxar snin sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
17.11.98
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Ingaġġar
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998?
Jista' jagħti l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati?
X'karigi ngħataw fil-ministeru?
X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati?
Min minnhom kien jaħdem mal-gvern u f'liema dipartiment kien jaħdem?
X'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' dawn?
X'kondizzjonijiet ngħataw?
Jista' jpoġġi l-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista' jgħid x'karigi kull wieħed minnhom kellu fil-Partit
Nazzjonalista?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onorevoli Nterpellant ghar-risposta ghall-Mistoqsjia Parlamentari numru 296.