Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni li gawdew mill-iskema tal-Pensjoni tas-Servizzi kif mogħtija mill-Gvern Laburista? Jista' jgħid x'kienet in-nefqa u kemm għad hemm persuni li għadhom ma gawdewx minn din l-iskema? Jista' jgħid ukoll meta se jitħallsu dawn il-każi li għad hemm pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward Mistoqsija Parlamentari Nru. 1096 l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
18.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kull kategorija ta' pensjoni mħallsa mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali sena b'sena, mill-1994 sa llum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
18.11.98
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 644, jista' l-Ministru jgħid min kienu dawk il-kumpanniji/individwi li applikaw għas-sejħa ta' kiri ta' karozzi self-drive, x'kienet ir-rata proposta minn kull applikant u min rebaħ din l-offerta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kumpaniji/individwi kienu mistiedna japplikaw għal tlett kategoriji ta' vetturi tal-kiri permezz ta' sejħa li ġiet pubblikata u proċessat qabel il-5 ta' Settembru, 1998. Dawn kienu kategorija A: vetturi minn 1000cc sa 1500cc, kategoria B: vetturi minn 1501cc sa 1800cc, u kategorija C: vetturi minn 2000cc sa 2400cc.
Lista tal-kumpaniji/individwi li applikaw bir-rati kuljum proposti minnhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-offerta f'kategorija A intrebħet mill-kumpanija Autorentals, l-offerta f'kategorija B intrebħet minn Swift Rent a Car Ltd u dik f'kategorija C intrebħet mill-kumpanija Butterfly Garage.
B'riferenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 392 fejn intqal li l-policy paper fir-rigward tal-golf courses ġiet approvata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-proposti li kienu saru minn diversi żviluppaturi ta' golf courses wara sejħa li saret mill-Amministrazzjoni Laburista ta' qabel?
Sajjieda Maltin — Protezzjoni minn sajjieda barranin
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Gvern sabiex jipproteġi l-għajxien tas-sajjieda Maltin, partikolarment dawk li jistgħadu għat-ton, mis-sajjieda barranin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-sajjieda Maltin igawdu mill-protezzjoni kollha li jagħtuhom il-Forzi Armati ta' Malta sabiex jiġu nforzati l-liġijiet u r-regolamenti kif inhuma sa ħamsa u għoxrin mil nawtiku kif deskritt f'Kap 226 tal-Liġijiet ta' Malta.
Minkejja li s-sajd għat-tonn isir fil-parti l-kbira tiegħu 'il barra mill-ibħra Maltin kif deskritti hawn fuq, id-Dipartiment tas-Sajd qiegħed jieħu sehem attiv f'diskussjonijiet waqt laqgħat diversi tal-FAO fejn jiġu deċiżi regolamenti fuq l-industrija tas-sajd fil-Mediterran. Madankollu il-Gvern Malti qiegħed jinsisti illi ċerti metodi ta' sajd tat-tonn, użati minn pajjiżi oħra u li jagħmlu ħsara lill-popolazzjoni ta' din l-ispeċi, jiġu projbiti.
Jista' l-Ministru jgħid: (1) jekk hemmx grading tal-materja prima li jipproduċu l-barrieri tal-qawwi; (2) Jekk issirx sorveljanza sabiex jiġi stabilit li fil-planki u/jew fil-konkos użat għas-soqfa jintużax ramel u żrar ta' kwalita' rikjesta għal tali skop?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid: (1) Jekk hux qed isiru spezzjonijiet regolari tal-barrieri li jinsabu fil-kampanja tagħna; (2) jekk hux qegħdin isiru spezzjonijiet u verifiki sabiex jiġi aċċertat li l-barrieri kollha huma mdawra b'ħitan skond il-liġi; (3) Jekk qattx kien hemm xi każ fejn irriżulta li xi sidien tal-barrieri għalqu art proprjeta' tal-gvern jew formanti parti minn toroq pubbliċi; (4) Jekk qatt saru tali verifiki u spezzjonijeit meta kien l-aħħar li tali saru; (5) Jekk hux qed isiru inspections sabiex jiġi stabilit jekk ċerta sidien tal-barrieri humiex qed jabbużaw u jkissru u jaqtgħu blat proprjeta' ta' l-Istat; (6) Jekk monumenti storiċi qrib tali barrieri humiex qegħdin jiġu spezzjonati sabiex jiġi stabilit jekk hux qed issir ħsara lil tali monumenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li l-Unjoni Ewropea tagħti flus lil kull student universitarju Malti u Għawdxi li jieħu sehem fil-programm Socrates ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għal Mistoqsija 707 u nżid li meta d-diskussjonijiet ikunu konklużi niddeċiedu kif ser ikunu applikabbli għal Malta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid hemmx xi ministri li għandhom nies jaħdmu part-time fis-segretarjat tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nikkonferma li la fis-segretarjat privat tiegħi u lanqas
f'dak tas-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tiegħi ma
hemm nies jaħdmu part-time.
Jekk l-Onor Interpellant jixtieq jaf dwar xi segretarjat
privat ta' xi ministru ieħor huwa mitlub jagħmel
mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw/ingħataw kotba bl-Ingliż għal-librerija pubblika ta' Beltissebħ fl-1996, fl-1997 u din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta' kotba bl-Ingliż li nxtraw/ingħataw fis-snin 1996, 1997 u 1998 (sa Ottubru) kien hekk:
Sena Ammont
1996 9,871
1997 9,903
1998 5,901
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jagħti tarmak jew concrete fejn hemm l-oqbra fiċ-ċimiterju ta' Marija Addolorata, Raħal Ġdid, peress li jiġi ffrekwentat minn ħafna anzjani?
Hemm il-ħsieb li jitwaħħlu aktar bankijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti l-kbira tal-passaġġi taċ-ċimiterju Santa Marija Addolorata hija asfaltata jew mgħotija l-konkrit. Għad jonqos xi passaġġi li għad iridu jiġu miksija waqt li ħarget "call for tender" għall-asfaltar ta' parti mix-xogħol pendenti.
Waqt li ninfurmaw lill-Onor. Interpellant li saru numru ta' bankijiet għal użu tal-pubbliku fl-istess ċimiterju hemm il-ħsieb li dan in-numru jiżdied.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ ta' enerġija mit-total ġenerat fil-pajjiż użata mill-impjanti tar-Reverse Osmosis, sena b'sena, mill-1993 'il hawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-persentaġġ ta' enerġija mit-total ġenerat fil-pajjiż użata mill-impjanti tar-Reverse Osmosis bejn l-1 ta' Ottubru ta' sena u t-30 ta' Settembru tas-sena ta' wara, mill-1993 'il hawn huwa kif ġej:
SENA Persentaġġ
1992-93 12%
1993-94 13.20%
1994-95 13.04%
1995-96 11.26%
1996-97 9.11%
1997-98 8.28%
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 643 li kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' tgħid x'effett kellu t-tibdil li sar mal-bidla tal-Gvern il-Bord maniġerjali tal-Maltacom fuq il-prezz tax-shares tal-kumpannija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda tibdil fil-Bord Maniġerjali tal-Maltacom.
Jista' l-Ministru jispjega lil din il-Kamra r-raġuni wara deċiżjoni li ttieħdet mill-Elezzjoni 'il hawn biex surprise inspections fuq il-meters tad-dawl elettriku fid-djar ma jsirux bejn il-5.00 p.m. u d-9.00 p.m.?
Din kienet xi miżura biex jitnaqqas l-overtime?
Jaħseb il-Ministru li fiċ-ċirkostanzi din il-miżura hija tant produttiva?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-deċiżjoni li jonqsu s-'surprise inspections' wara l-ħin normali tax-xogħol ittieħdet f'Awissu 1998. Ninsab ċert li l-Onor. Interpellant jifhem il-għan li għalih isiru dawn l-ispezzjonijiet u għalhekk ma jkunx prudenti li nagħti dettalji dwarhom.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 758, jista' l-Ministru jgħid għal kemm kienet stmata li tammonta l-fee professjonali tal-perit Richard England skond il-kuntratt li kellu qabel?
Kemm hi l-variation f'din il-fee, issa li l-kuntratt ġie mwessa' sabiex jinkludi wkoll masterplan għal Bieb il-Belt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-'Fee' professjonali tal-Perit Richard England hija marbuta mal-kuntratt u hija bbażata fuq skala ta' tariffi simili għal tariffa 'K' u għalhekk tiddependi fuq il-valur tax-xogħol li jkun għamel dan il-Perit.
European Convention against the Abduction of Minors
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta huwa mistenni li l-Gvern Malti jirratifika The European Convention against the Abduction of Minors?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li skond risposta mogħtija għall-mistoqsija simili, u li ġġib d-data tal-25 ta' Mejju 1998, diġa jeżisti abbozz għall-liġi Nru. 170 ta' l-1996. Qed isiru aktar konsultazzjonijiet sabiex dan l-abbozz ikun skedat fil-programm ta' liġijiet li jridu jiġu kkunsidrati u diskussi f'dan il-Parlament.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk bdewx isiru n-negozjati biex il-ħaddiema impressed isiru impjegati mal-Gvern kif ġie mwiegħed fl-aħħar Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista? Jekk iva, fiex waslu? L-FOI hija parti mid-diskussjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi l-proċess biex l-Impressed Drivers
mal-Gvern u mal-Korporazzjonijiet Pubbliċi jsiru mpjegati
permanenti qiegħed fil-fażi ta' ġbir ta' informazzjoni.