Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il-darba jikkonsidrax li ġewwa l-Auberge d'Angleterre ġewwa l-Birgu jkun hemm espożizzjonijiet kontinwi ta' artisti tal-lokal mill-ħafna talent li hemm u Maltin sabiex dan iservi ta' attrazzjoni oħra għat-turisti li jiġu?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva ser nilqa' s-suġġeriment ta' l-Onor. Membru u nikkonsidrah fil-kwadru tal-pjan li ser jitħejja biex il-kultura u l-wirt tal-poplu jieħdu sura aktar ħajja fil-lokalitajiet bħal dawk li semma' fil-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tat-tfassil ta' School Development Plan (1) fl-iskejjel primarji; (2) fl-iskejjel junior lyceums; (3) fl-iskejjel sekondarji; (4) fit-trade schools; (5) fl-iskejjel speċjali; (6) fl-iskejjel post-sekondarji? F'kull każ, liema skejjel fasslu l-pjan ta' żvilupp tagħhom? Liema le?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mija u ħdax-il skola primarja, sekondarja u tas-snajja fasslu l-iSchool Development Plan.
Tlettax-il skola għadhom fil-proċess li jippreżentaw l-iSchool Development Plan. Dawn huma:
Skola Primarja B'Kara A
S. Gwann A
Mosta A
Kalkara
Vittoriosa
Marsa A
Żebbuġ B
Qrendi
Qormi (SG) B
Qormi (SG) A
Skola tas-Snajja Stefano Żerafa - Naxxar
Abram Gatt - Bighi
Danny Cremona - Qormi
It-taħriġ biex isir id-Development Plan beda fis-settur primarju u sekondarju bill-ħsieb li jiġi estiż aktar il-quddiem fis-settur post sekondarju.
L-Iskejjel Speċjali kollha mexjin bil-proċess tat-tfassil ta' l-iSchool Development Plan. Il-proċess waqa' lura minħabba li l-Assistent Direttur responsabbli mill-Iskejjel Speċjali għamel xi żmien indispost u hemm ukoll żewġ Skejjel Speċjali mingħajr Kap ta' l-iskola. (Santa Marija Day School u San Miguel Special School).
L-iSchool Development Plan ta' l-Iskola Speċjali tas-Sannat, Għawdex ġie inkorporat ma' l-Iskola tal-Primarja tas-Sannat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li wasslu biex kważi jieqaf għal kollox ix-xogħol li kien qed isir fuq l-iskola primarja tal-Mellieħa? Jista' jiġi żgurat li l-pilastri tal-bricks li twaħħlu biex magħhom jeħel il-ħadid tal-boundary wall huma b'saħħithom biżżejjed? Meta se jitwaħħal il-ħġieġ fl-arkati tal-pjan terran?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-ebda stadju ma waqaf ix-xogħol fuq l-iskola primarja tal-Mellieħa u li l-pilastri tal-bricks li nbnew biex magħhom jeħel il-ħadid tal-boundary wall huma b'saħħithom biżżejjed peress li huma rinfurzati bil-ħadid minn ġewwa u mimlijin bil-konkos. Ġejt mitlub nitlob lill-Onor. Membru jispeċifika għal liema arkati qiegħed jirreferi fil-pjan terran.
Jista'l-Ministru jgħid kemm hemm għassiesa assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi ta' Malta u Għawdex? X'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li dawn ikunu xogħol u jkunu mas-siti meta suppost ikunu hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li b'kollox hemm erbgħa u erbgħin (44) għassiesa assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi ta' Malta u Għawdex.
Fil-każ ta' Għawdex, dawn l-ispezzjonijiet qed jieħdu ħsiebhom spetturi fl-Internal Audit tal-Ministeru għal Għawdex. Għal Malta l-ispezzjonijiet jieħdu ħsiebhom l-uffiċċjali responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett li beda s-sena li għaddiet fl-Iskola Maria Assunta b'kollaborazzjoni mal-SWDP u b'kordinazzjoni mal-kap ta'l-iskola u ma' Dr Chris Bezzina? Se jkompli dan il-proġett matul is-sena skolastika 1998-99?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-proġett li beda s-sena li għaddiet għadu sejjer.
a. Is-sena l-oħra numru ta' studenti tal-Form IV u tal-Form III
kellhom laqgħat darba fil-ġimgħa ma' żewġ Social Workers mill-
SWDP dwar ħiliet meħtieġa għall-imġieba aħjar.
i.e. relaxation skills
behavioural skills.
b. Matul il-vaganzi tas-sajf dawn l-istudenti ġew mistiedna
jattendu laqgħat simili fiċ-ċentru ta' SWDP.
c. Filwaqt li ma baqgħetx tinħass il-ħtieġa għal aktar laqgħat
ma' l-istudenti li issa qegħdin fil-Ħames sena, minħabba
li sar progress fl-imġieba tagħhom, qegħdin jitkomplew il-
laqgħat għall-istudenti li mit-Tielet klassi issa telgħu
fir-Raba' klassi. Diġa' deher progress fl-imġieba ta' dawn l-istudenti.
Din is-sena minbarra t-tfal tar-Raba' klassi qegħdin isiru laqgħat għall-istudenti tat-Tieni u t-Tielet klassi ukoll. B'inizjattiva tal-Kunsill skolastiku u b'kollaborazzjoni ma' l-SWDP ser isiru laqgħat għall-ġenituri fuq bażi regolari.
Peress li fil-ġurnal "Il-Ġens" tat-3 ta' Settembru, 1998 l-editur ikkwota esperti anonimi li "Hekk kif Malta tneħħi mill-friża l-applikazzjoni tagħha, l-għajnuna li tirċievi mill-Unjoni Ewropea tirdoppja u flok il-Lm5 miljun għall-ħames snin li qed tieħu bħalissa, tibda tieħu mat-Lm12 miljun għal ħames snin". Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm l-Unjoni Ewropa se tagħti flus lil Malta fl-1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 issa li l-applikazzjoni tneħħiet mill-friża?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Nirriferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 1008.
Programm Ellettorali tal-Partit Nazzjonalista — Proġett tal-Kottonera
Question
Peress li fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista hemm li l-proġett tal-Kottonera jingħata prijorita', jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li dan il-proġett (yacht marina fil-Birgu) jinbeda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Id-diskussjonijiet dwar dan il-Proġett qegħdin isiru b'ritmu mgħaġġel u l-ħsieb tal-Gvern hu li l-Proġett jibda malajr kemm jista' jkun.
Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant meta l-Gvern kien fl-oppożizzjoni kien diġa' esprima l-opinjoni tiegħu dwar dak li ma kienx jaqbel kif kien qiegħed isir, u dawn l-affarijiet qed jiġu rranġati issa. Dettalji jingħataw fi żmien li jkun opportun.
Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista — Baċir Nru 1
Question
Peress li fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista hemm li Baċir Numru 1 isir attrazzjoni u peress li f'risposta għal domanda parlamentari numru 341 ir-risposta kienet li l-Gvern għadu qed jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar l-użu ta' l-istess baċir, jista' l-Ministru jgħid x'hemm eżattament ipprogrammat dwar il-futur ta' dan l-istess baċir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Gvern għadu ma wasalx għall-konklużjonijiet tiegħu.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Bini ta' dar għall-anzjani f'Bormla
Question
Jista'l-Ministru jgħid x'kienu l-kundizzjonijiet marbuta mal-bdil ta' biċċa art fl-area fejn qed tinbena d-dar ta' l-anzjani f'Bormla? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ffirmat bejn il-Gvern u l-Knisja għal dan l-istess bdil?
Response (BORG, TONIO)
Il-kundizzjonijiet marbuta mal-bdil ta' biċċa art fl-'area' fejn qed tinbena d-dar ta' l-anzjani f'Bormla huma dawk li jidhru fil-kuntratt bejn il-Knisja u l-Gvern li jġib id-data tas-6 ta' Awissu, 1997, u li tiegħu qiegħed inpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra.
18.11.98
Jista' l-Ministru jindaga għaliex fi Triq il-Merill, f'Ħad-Dingli waqt li qed issir it-triq sabiex jgħaddu l-water culverts u l-main ta' l-ilma u ħaffru pedament għan-naħa l-oħra tat-triq biex jinbena ċint, tkissru l-katusi tad-drenaġġ li ħerġin mid-djar għal tal-Gvern darbtjen u filwaqt li l-kuntrattur wiegħed, fil-preżenza tal-Kunsillier Lokali Peter Abela, li se jibdel kollox, dan qabad u għamel sleveng bla kolla xejn (xogħol ta' kafkaf); radam kollox bil-konkons u għaldaqstant ix-xogħol la sar sew u kif sar se jipproduċi u jikkawża ħsarat fil-futur?
Qed jingħad ukoll li taħt iċ-ċint li se jinbena se jkunu għaddejjin (fil-fatt diġa' jinsabu fil-post) il-katusi tal-Gvern tad-drenaġġ.
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-'water culverts u l-'main' ta' l-ilma fi Triq il-Merill, Ħad-Dingli bilfors kellhom jitkissru l-katusi tad-drenaġġ ('house connections') minħabba li dawn kienu jinsabu fil-wiċċ tat-triq. Dawn issewwew darbtejn temporanjament sakemm ix-xogħol infrastrutturali kellu jsir. Issa li dan ix-xogħol tlesta fil-jiem li ġejjin sejrin jinbidlu l-katusi bejn is-sufun u l-main tad-drenaġġ tad-djar.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija fejn intqal li taħt iċ-ċint li ser jinbena jeżistu katusi tad-drenaġġ tal-Gvern nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-fatt veru jeżistu dawn il-katusi u d-direzzjoni tagħhom sejra lejn il-'pumping station' tad-drenaġġ. Il-prekawzjonijiet meħtieġa ġew meħuda u li l-'inspection manholes' li hemm biswit dan il-ħajt ġew mgħollija għal-livell tat-triq u għaldaqstant bl-ebda mod ma hi ser tiġi ostakolata l-'flow' tad-drenaġġ f'dawn il-katusi.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex fis-sit (art) fil-kantuniera bejn Valletta Road u Mosta Road, fl-Imdina (fit-tarf t' isfel f'Saqqajja Hill), l-enforcement offices tal-Planning Authority: 1) l-ewwel servew stop notice lil aħwa, li isimhom qed jintbagħat separatament, meta x-xogħol li sar ġie affettwat mill-istess aħwa wara li ġew mitluba li jagħmlu dan mill-Kunsill Lokali ta' l-Imdina (vide ittra unita); 2) imbagħad taw parir lill-istess aħwa sabiex a spejjeż tagħhom japplikaw għall-PA permit għax-xogħol li kien qed isir; 3) u issa l-istess awtorita' qed tirrifjuta l-permess applikat skond numru PA 6099/96; tant li ħareġ rifjut u sabiex jitkompla jitqiegħed il-melħ fuq il-ferita, dawn kellhom jerġgħu joħorġu l-flus biex jappellaw - Appell Nru. 510/98?
Jista' l-Ministru, bil-poteri li tagħtih il-liġi, jitlob illi l-istess rifjut ta' PA 6099/96 jiġi rtirat u l-permess jinħareġ u li dawn l-aħwa jiġu rimborsati fl-intier għas-somma li ħallsu ta' l-appell?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-nies imsemmija fl-interpellanza bnew pjattaforma tal-konkos ġo sit li jinsab il-barra mill-konfini ta' żvilupp. Jirriżulta wkoll illi l-Kunsill Lokali ta' l-Imdina kien għamel xi forma ta' pressjoni fuq in-nies imsemmija u dan bħala proprjetarji sabiex dawn inaddfu din l-art minn xi mbarazz. B'riżultat ta' dan it-tindif, l-aħwa msemmija dehrilhom illi għandhom jibnu din il-pjattaforma. Peress illi dan it-tip ta' żvilupp jirrekjedi permess, nhar it-2 ta' Settembru, 1996, ġie servut 'Stop and Enforcement Notice' kontra l-iżviluppaturi skond l-Att Nru. 1 ta' l-1992 dwar l-Ippjanar.
Sadanittant fl-4 ta' Settembru, 1996, il-Kunsill Lokali tal-Imdina nforma lill-Awtorita' tal-Ippjanar li kien hu li talab lil dawn il-persuni sabiex 'inaddfu din l-area' u li 'dawn offrew li jirrabilitaw l-area kollha bi spejjeż tagħhom'.
B'konsegwenza ta' l-'iStop and Enforcement Notice' kontra l-iżviluppaturi, il-proprjetarji ssottomettew applikazzjoni skond artiklu 52 ta' l-istess Att, sabiex jinsanaw dan l-iżvilupp liema talba ġiet rifjutata mill-Kummissjoni għal Kontrol ta' l-Iżvilupp. Din id-deċiżjoni ġiet appellata quddiem il-Bord dwar l-Appelli ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Għaldaqstant, skond l-istess artiklu 52, l-Avviż tat-Twettieq jibqa sospiż mill-operat tiegħu sa mal-proċess kollu ta' l- applikazzjoni jiġi eżawrit skond il-liġi.
Il-liġi ma tagħti l-ebda poter lill-Ministru sabiex dan (i) jitlob l-irtirar tar-rifjut u li l-permess jinħareġ, u (ii) jitlob li l-applikanti jiġu rimborsati għas-somma li ħallsu ta' l-appell.
18.11.98
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa peress li twaħħlu l-arbli ġodda għall-wires tad-dawl li minn Triq Santa Luċija, Mtarfa jitwasslu s-servizz għall-irziezet imsejħa ta' Galabardi u San Alessjo fuq ir-Riħ ta' Wied il-Qlejja - issa l-wires li għadhom fuq l-arbli l-qodma jiġu trasferiti għall-arbli l-ġodda peress li dawk l-arbli l-qodma qegħdin fi stat perikoluż ħafna (vide pjanta unita)?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-korporazzjoni Enemalta diġa ttrasferiet il-linji fuq l-arbli ġodda li hemm fl-inħawi msemmija mill-Onor. Interpellant. Ix-xogħol biex jinbidlu l-arbli qodma li fadal qed jiġi ipprogrammat flimkien ma' xogħolijiet oħra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex il-Public Convenience ħdejn il-Gymnasium ta' l-Imtarfa tinfetah għall-użu tal-pubbliku billi din inbniet u baqgħet magħluqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: (1) Jekk il-Gvern għandux il-Major Shareholding fil-Maltacom; (2) Jekk dan hu minnu, huwiex il-gvern li jaħtar iċ-Chairman ta' l-istess Maltacom; (3) Il-Ministru preżentement hu f'pożizzjoni li jerġa' jpoġġi f'posthom dawk il-ħaddiema ta' l-istess Maltacom (ex-Telemalta) li wara l-Elezzjoni ta' l-1996 ġew mogħtija transfers għal skopijiet li nqdew ħbieb tal-Partit li kien ġie elett fil-Gvern - jerġgħu jitpoġġew lura fix-xogħol li kienu qed jagħmlu sa dakinhar; (4) Jekk dan għandux isir immedjatament ma' dawk il-ħaddiema li kienu qegħdin jaħdmu fis-sezzjoni tat-Telecare fil-Furjana u mbagħad ġew trasferiti nies magħrufa għall-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Gvern għandu l-Major Shareholding fil-Maltacom. Il-ħatra taċ-Chairman issir mill-Gvern.
Rigward it-tielet u r-raba parti tal-mistoqsija qed isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.
B'riferenza għal public convenience fid-diversi bliet u rħula jista' l-Ministru: (a) jara li l-latrina fi Triq id-Dejqa, Valletta, kantuniera ma' Triq it-Teatru l-Qadim, Valletta tkun miftuħa għas-servizz tal-poplu kuljum; (b) jara l-istess latrini jkollhom attendent dejjem preżenti; (c) jara li l-health attendents li qabel kienu ikunu għassa mal-latrini fil-bieb ta' l-Imdina (tarf ta' Howard Gardens) u f'College Street, Rabat - b'sens ta' ġustizzja u mhux vendikazzjoni jitpoġġew lura fejn kienu qabel u mhux kif ġew arbitrarjament trasferiti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni separati li qed jirċievu l-għajnuna soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-kriterju għad-dritt ta' l-Għajnuna Soċjali hu marbut mal-mezzi, u n-numru ta' persuni fil-familja. L-istat ċivili ta' min jagħmel it-talba ma għandu ebda riflessjoni fl-eliġibilta' għal din l-Għajnuna. Jidher li sallum ma nħassitx il-ħtieġa li tinżamm statistika separata li turi jekk dawk li japplikaw għall-Għajnuna Soċjali humiex persuni separati.
18.11.98
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni romol li għad għandhom ulied taħt is-16-il sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' romol li jirċievu Pensjoni għar-Romol taħt l-iskema kontributorja, u li għad għandhom tfal taħt is-sittax il-sena huwa ta' 598.
18.ll.98